Diskors tal-E.T. Mons Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fl-okkażjoni taż-Żjara tal-E.T. Dr Edward Fenech Adami, President ta’ Malta - Is-Sibt 24 ta’ Jannar 2009

 

Diskors ta’ merħba mill-Arċipriet Tarcisio Camilleri 

More photos from here

Diskors tal-E.T. Mons Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

fl-okkażjoni taż-Żjara tal-E.T. Dr Edward Fenech Adami, President ta’ Malta lill-Kulleġġ tal-Kappillani u lill-Kulleġġ tal-Konsulturi tad-Djoċesi ta’ Għawdex

Ċentru Ragħaj it-Tajjeb, Victoria – Is-Sibt 24 ta’ Jannar 2009

Eċċellenza President tar-Repubblika,

Nilqgħek fostna bħala l-ogħla awtorità Kostituzzjonali tagħna ċ-ċittadini, u għaldaqstant kustodju tal-identità tan-nazzjon tagħna.

Nilqgħek fostna wkoll bħala “ħuna” fi ħdan il-Knisja – il-komunità tad-dixxipli ta’ Ġesù Kristu.

Bħala ċittadini  u bħala ragħajja spiritwali tal-poplu t’Alla, aħna napprezzaw din il-laqgħa miegħek li nemmnu li tista’ tirrisolvi ruħha f’opportunità fejn nistgħu nirriflettu flimkien dwar kif il-Knisja ta’ Kristu tista’ tkompli tagħti sehemha biex bil-qawwa tal-Evangelju ġensna jsarraf iċ-ċittadinanza tiegħu b’impenn soċjali li jkattar il-ġid komuni.

Bħala Knisja aħna nemmnu bi sħiħ li Ġesù Kristu għandu messaġġ relevanti għall-bniedem ta’ kull żmien. Kif jikteb S. Irinew: “Il-Verb t’Alla waqqaf l-għamara tiegħu fost il-bnedmin u sar bin il-bniedem biex il-bniedem jidra jifhem lil Alla u biex Alla jidra jgħammar fil-bniedem.” F’soċjetà fejn nara indikazzjonijiet qawwija li qed jiġi applikat il-prinċipju ġusnaturalista ta’ Grotius: “Etiamsi daremus non esse Deum”  (daqslikieku Alla ma jeżistix), dan huwa mument ta’ grazzja għall-Knisja li terġa’ tipproponi lil Kristu, għax fi kliem San Tumas t’Akwinu huwa biss f’relazzjoni mal-Assolut li l-bniedem jista’ jiddefinixxi l-istess eżistenza tiegħu.

Imma kif osserva fl-1974 il-Papa Pawlu VI, wieħed mid-drammi umani tal-epoka tagħna huwa l-qasma li nħolqot bejn il-kultura, il-Vanġelu u l-fidi. Sfortunatament dan huwa evidenti f’pajjiżna wkoll.  Dik is-soċjetà li tfittex li teskludi jew tqiegħed fil-ġenb il-fenomenu reliġjuż, hija destinata għall-qerda tagħha nnifisha. Għalhekk, huwa dmir tal-komunità Nisranija li llum tfittex kif tixħet id-dawl tal-fidi fuq dak kollu li jsawwar il-kultura ta’ żminijietna.

Dan il-kontribut jista’ jingħata bl-impenn fil-ħajja politika, ikkunsidrat li l-politika hija fattur importanti fit-tiswir tal-proċess kulturali. Kien għalhekk li f’dokument dottrinali tal-Kongregazzjoni tal-Fidi tal-2002 dwar l-impenn tal-Kattoliċi fil-ħajja politika, jingħad li “la necessità di presentare in termini culturali moderni il frutto dell’eredità spirituale, intellettuale e morale del cattolicesimo appare oggi carico di un’urgenza non procrastinabile, anche per evitare il rischio di una diaspora culturale dei cattolici. Del resto lo spessore culturale raggiunto e la matura esperienza di impegno politico che i cattolici in diversi paesi hanno saputo sviluppare, specialmente nei decenni posteriori alla seconda guerra mondiale, non possono porli in alcun complesso di inferiorità nei confronti di altre proposte che la storia recente ha mostrato deboli o radicalmente fallimentari.” [ “The presentation of the fruits of the spiritual, intellectual and moral heritage of Catholicism in terms understandable to modern culture is a task of great urgency today, in order to avoid also a kind of Catholic cultural diaspora. Furthermore, the cultural achievements and mature experience of Catholics in political life in various countries, especially since the Second World War, do not permit any kind of ‘inferiority complex’ in comparison with political programs which recent history has revealed to be weak or totally ruinous.”] (art. 7)

Filwaqt li fiż-Żminijiet tan-Nofs kien hemm fużjoni bejn il-fidi u r-raġuni, illum qed nassistu mhux biss għal dik ir-rottura bejn ir-raġuni u l-fidi, imma qed inqegħdu r-raġuni fuq livell superjuri: ir-raġuni għall-ħassieba u l-fidi għal dawk li jemmnu. Għalhekk hemm min isostni li fil-politika, li hija ppreżentata bħala arti akonfessjonali, wieħed ma jistax jaħseb f’termini Kristjani. Biżżejjed insemmi x’kien jgħid Heidegger: “irridu naslu biex il-formulazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ma jkollhom ebda riferiment għall-awtorità tar-Rivelazzjoni”. Huwa dan il-kurrent filosofiku li wassal għas-soġġettivizmu u r-relattiviżmu fejn il-persuna għamlet lilha nnifisha għajn tas-sewwa – fejn ma hemmx “fatti” jew verità oggettiva imma jeżistu biss interpretazzjonijiet.

F’din is-sitwazzjoni perikoluża, il-Knisja Kattolika, li għal diversi sekli kienet u għadha qed tiġi akkuzata bl-oskurantiżmu, illum hija dik il-vuċi li qed tiddefendi il-validità tar-raġuni umana kontra dak li jisssejjaħ “il pensiero debole”. Hija l-antropoloġija Kristjana l-bażi tal-fiduċja li l-Knisja għandha fil-bniedem u fil-ħila razzjonali tiegħu; fl-istess waqt, l-istess viżjoni Kristjana tal-bniedem tirrikonoxxi l-limiti tar-raġuni. Biex issaħħaħ u tissupplixxi għal dan il-limitu, il-Knisja timxi wara Kristu, il-Feddej ta’ kull bniedem, u fid-dawl tal-Kelma tiegħu.

Mogħni b’dawn il-konvinzjonijiet, biex jevita li jġarrab dik li ssejħet “la diaspora culturale”, in-Nisrani  huwa fid-dmir li jipparteċipa fid-dibattitu politiku billi juża r-razzjonalità politika, fis-sens li huwa jista’ u għandu juri li meta bħala Kattoliku huwa għandu riflessjoni jew pożizzjoni x’joffri, dan qed jagħmlu mhux għax huwa Kattoliku, imma għax għandu viżjoni tal-bniedem u tas-soċjetà li dwarha ma jistax ma jkunx hemm qbil, peress li din tirrifletti dak li hemm miktub fin-natura stess tal-bniedem u tad-dinja.

Jien konxju li llum fostna hemm min bi dritt isostni li l-Istat huwa lajk. Imma forsi anke hawn għandna bżonn naraw x’qed nifhmu b’”lajċità”. Meta fit-12 ta’Settembru li għadda l-Papa Benedittu XVI kien fl-Eliżew f’Parigi, ikkumenta dwar dak li l-President Franċiz sejħilha “lajċità pożittiva”. Il-Papa qal: “In questo momento storico in cui le culture si incrociano tra loro sempre di più, sono profondamente convinto che una nuova riflessione sul vero significato e sull’importanza della laicità è divenuta necessaria. È fondamentale infatti, da una parte, insistere sulla distinzione tra l’ambito politico e quello religioso al fine di tutelare sia la libertà religiosa dei cittadini che la responsabilità dello Stato verso di essi e, dall’altra parte, prendere una più chiara coscienza della funzione insostituibile della religione per la formazione delle coscienze e del contributo che essa può apportare, insieme ad altre istanze, alla creazione di un consenso etico di fondo nella società.” [At this moment in history when cultures continue to cross paths more frequently, I am firmly convinced that a new reflection on the true meaning and importance of laïcité is now necessary. In fact, it is fundamental, on the one hand, to insist on the distinction between the political realm and that of religion in order to preserve both the religious freedom of citizens and the responsibility of the State towards them; and, on the other hand, to become more aware of the irreplaceable role of religion for the formation of consciences and the contribution which it can bring to – among other things – the creation of a basic ethical consensus in society.]

Eċċellenza, huwa f’dan il-kuntest li l-Knisja għandha rieda qawwija li tikkoopera mas-soċjetá biex tgħin fl-iżvilupp sħiħ taċ-ċittadini kollha; huwa f’dan l-ispirtu li llum ilqajniek fostna b’rispett lejn l-uffiċċju tiegħek li int qed tħaddem bħala ħuna fid-dixxipulat ta’ Kristu.