Kooperaturi fix-xandir tal-Evanġelju

Is-Sibt filgħdou, 3 ta’ Jannar 2009, fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, Victoria, Għawdex, saret il-laqgħa ta’ bdil tal-awguri bejn is-saċerdoti tad-djoċesi u l-Isqof Mario Grech. Fl-okkażjoni ta’ din il-laqgħa, l-Isqof Grech għamel dan id-diskors li fih jagħti linji programmatiċi ta’ pastorali għall-Knisja f’Għawdex:

“Kooperaturi fix-xandir tal-Evanġelju” (Fil 1,3)

Għeżież Saċerdoti, “kooperaturi fix-xandir tal-Evanġelju”,

Illum bħala Knisja f’diversi oqsma tal-ħajja nesperjenzaw distanza kulturali bejn it-twemmin Nisrani u l-mentalità kontemporanja. Dan narawh f’dak li għandu x’jaqsam mal-affettività, l-edukazzjoni, l-ekonomija, is-sanità, l-politika, eċċ. Għalkemm prima facie dan jista’ jidher bħala fenomenu negattiv għax jimplika telfa jew daqqa fatali, għall-kuntrarju nixtieq li nħarsu lejh bħala opportunità li għandha tixprunana biex bħala Nsara u bħala Knisja lokali nagħmlu għażliet prijoritarji. Huwa fatt li l-istrutturi, partikularment il-komunitajiet parrokkjali, huma mgħobbija b’ħafna attività; għalhekk fil-kuntest ta’ żmienna, fejn is-soċjetà qed tinbidel, huwa urġenti li nagħmlu għażliet prijoritarji biex anke l-Knisja tkun tista taġġorna ruħha.

Xi drabi, meta nirrifletti dwar il-filosofija pragmatika li bħal tnalja qed taħkem l-imħuħ tal-poplu tagħna, ġieli nistaqsi lili nnifsi x’għandi nagħmel biex inxandrilhom l-Evanġelju. Nistħajjel li dan huwa t-tħassib tal-operaturi pastorali tagħna, partikularment tagħna s-saċerdoti. Żgur li ħafna ġenituri huma preokkupati għax ma jafux kif ser jgħaddu lil uliedhom it-twemmin Nisrani. Fi ħdan il-poplu t’Alla niltaqgħu ma’ persuni li jibqgħu lura milli jesprimu l-konvinzjonijiet Kristjani tagħhom għax iħossuhom imbarazzati jitkellmu bil-miftuħ. Dan u aktar qed jimbuttana biex naqgħu fil-“mutiżmu” tal-fidi.

Imma jekk tlifna l-kelma, irrid nittama li ma naqasniex is-smiegħ biex inħallu tidwi f’widnejna kliem l-Appostlu Missierna: “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju”. Il-predikazzjoni tal-Evanġelju mhux biss hija obbligu tal-appostlu, imma hija l-istess raison d’etre tal-Knisja. L-evanġelizzazzjoni hija “il-problema” li għandha l-Knisja, għax jekk tagħżel li tibqa muta u ma tevanġelizzax, tkun tqiegħed l-istess eżistenza tagħha fil-periklu. Sfortunatament, peress li l-Knisja lokali hija mogħnija bi tradizzjoni antika, m’għandnix esperjenza ta’ evanġelizzazzjoni ġdida! Sa ftit ilu, l-azzjoni pastorali kienet tissuponi li t-trażmissjoni tal-fidi żgur ser tgħaddi mill-missier għal għand l-iben. Illum dan mhux il-każ.

Ħamsin sena ilu, il-Konċilju Vatikan II nieda żmien ta’ rebbiegħa għall-Knisja. Imma huwa fatt li ħafna mit-tamiet li ħoloq il-Konċilju baqgħu mhux mitmuma, u f’xi kwartieri ekkleżjastiċi, inkluż fid-djoċesi tagħna, għad hemm min għandu nostalġija għall-Knisja pre-konċiljari! Għalkemm irrid nirrikonoxxi li bl-għajnuna tal-Isqof Nikol Cauchi l-Konċilju serva ta’ boxxla li orjentat il-mixja tad-djoċesi fis-snin li għaddew, illum fostna jidhru sinjali ta’ għejja, rutina u ġġammjar f’aspetti diversi tal-ħajja ekkleżjali, bħalma huwa fil-każ:
•    tal-katekeżi tal-inizjazzjoni Nisranija, partikularment tat-tfal u l-adolexxenti, li flok tibda biex tkompli u twassal għall-katekeżi permanenti, tibda biex tintemm maċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament!;
•    tal-katekeżi sporadika, frammentarja u biblikament fqira tal-adulti, li mhix tgħin biex ikollna Nsara adulti maturi;
•    tal-kriżi fil-familja, bħala dak l-ambjent primarju fejn il-fidi tgħaddi lill-ġenerazzjonijiet ġodda;
•    u tal-prassi abitudinarja u formali anke fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija u l-ħajja sagramentali.
Dawn huma ftit eżempji li jqanqluna nistaqsu dwar kemm kien reċepit il-Konċilju Vatikan II.

Dan kollu jirrifletti mhux biss fuq l-operaturi pastorali u l-metodi pastorali li qed inħaddmu, imma wkoll fuq il-poplu t’Alla li huwa poplu “epokali”. Il-fidi bħala għażla ħielsa u matura favur il-Kelma t’Alla, mhix bħal dar li wieħed jibni darba, imbagħad jgħaddiha b’eredità lil ta’ warajh. Il-ġenerazzjoni ta’ kull epoka jkollha attitudni diversa lejn il-wirt tal-fidi – kemm bir-riżorsi u l-potenzjalità li jkollha, kif ukoll bir-reluttanza, diffidenza u defiċjanzi tagħha!

Fis-soċjetà kontemporanja jeżistu ċerti aspetti kulturali li jagħmlu diffiċli, jekk mhux kwazi impossibbli l-evanġelizzazzjoni:
•    it-tnaqqir tas-sens Kristjan tal-ħajja u tal-istorja;
•    l-inċertezzi fuq l-identità tal-familja, biex ma nsemmix l-inċertezzi fuq l-identità tal-persuna;
•    l-apatija u l-abbandun ta’ prattika reliġjuża;
•    il-pluraliżmu reliġjuż u dak etiku;
•    kif ukoll il-ħsieb li jiġi eleminat kull sens etiku u morali.

Din l-inċertezza eżistenzjali u l-qtigħ il-qalb li jaħkem il-bniedem tal-lum, huma kawża ta’ frustazzjoni, nuqqas ta’ impenn, evażjoni u dwejjaq. F’qagħda bħal din, fejn il-bniedem qed isibha diffiċli biex jirrelata u jikkomunika, jekk il-Knisja ma tieħux l-inizjattiva u toffri tweġiba bis-sens, hemm il-probabilità li hija tidher bħala dik li mhix kapaċi tikkomunika bxara tajba lil dawn il-persuni, mhux għax hi nieqsa mill-kelma, imma għax “Kelmitha” tista’ titlef il-qawwa evokattiva tagħha! Huwa f’dan il-kuntest li meta dan l-aħħar tkellimt dwar kif nixtieqha tkun il-Knisja tagħna għal din is-sena l-ġdida, għedt li ma nistgħux nippermettu li jkollna Knisja għażżiena, sedentarja u muta! Għall-kuntrarju, irridu noħolmu Knisja attenta biex tisma’ l-Kelma, mimlija bi spirtu missjunarju biex twassal lil Kristu – il-Kelma eterna t’Alla li tlissnet fil-milja taż-żmien. Il-protagonista li tagħmel l-istorja tal-Knisja għandha tkun il-Kelma. Għalhekk qatt ma hu biżżejjed il-għadd tal-“kooperaturi fix-xandir tal-Evanġelju” (Fil 1,3).

Sa mill-bidu tal-ministeru episkopali tiegħi fostkom, xtaqt intellaq itinerarju pastorali li jara l-Knisja lokali impenjata f’Ħidma ta’ rievanġelizzazzjoni, u napprezza li sibt kollaboraturi li għandhom l-istess konvinzjoni, u flimkien qed naħdmu f’din id-direzzjoni. Il-Pjan Pastorali tas-sena l-oħra, “Kunu Ħbieb tal-Evanġelju” kellu bħala wiehed mill-għanijiet ewlenin tiegħu li fil-parroċċi jitwaqqfu gruppi li jagħmlu l-lectio divina; għal din is-sena pastorali, il-Pjan huwa mibni fuq il-Missjoni Djoċesana proġettata bħala inizjattiva pastorali li toffri okkażjoni ta’ evanġelizzazzjoni, u twassal biex wara li tintemm fid-djoċesi jkollna xi tip ta’ esperjenza ta’ formazzjoni kateketika permanenti.

Kelli xewqa li kull sena d-Djoċesi tipproponi “ktieb bibliku” li jservi bħala test bażiku għad-diversi attivitajiet pastorali, konvint li x-xandir tal-Kelma jwassal għal dik il-barka li wiegħed l-Imgħallem lil dawk li jisimgħu l-Kelma t’Alla u jħarsuha (Lq 11,28). Kien għalhekk li din is-sena indikajna l-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, li kopja tagħha ser titqassam lil kull familja. Is-Segreterija Pastorali hija impenjata li toffri sussidji kateketiċi-pastorali mibnija fuq it-teoloġija Pawlina li hemm f’din l-Ittra. Anke jekk għaddew erba xhur mis-sena pastorali, inħoss li nistgħu nużaw aktar dan il-ktieb li fih insights pastorali validi għaż-żminijiet tal-lum.

L-Ittra lill-Korintin turina li Pawlu kellu jaffronta kemm diffikultajiet esterni – bħalma kienu l-isfidi kulturali –, kif ukoll sfidi interni fil-komunità ekkleżjali. L-esperjenza negattiva li Pawlu kellu f’Ateni, meta f’kuntest ta’ pluraliżmu profan u lajk huwa kellem lin-nies tal-kultura ta’ dak iż-żmien, ma żammux milli jerġa’ jfittex u jirrelata mal-għorrief ta’ Korintu. Imwieżen bil-kelma ta’ Kristu, li qallu: “la tibżax, imma tkellem u tiskotx għax jien miegħek u ħadd ma hu ser imidd idu fuqek biex jagħmillek il-ħsara, għax poplu kbir hawn għalija f’din il-belt [ta’ Korintu]” (Atti 18,9), Pawlu emmen li l-Evanġelju għandu messaġġ li kapaċi jinterpella lil kull bniedem, anke jekk ikun kulturalment differenti minn min qed iwasslu.

Lilna dan għandu jistimulana biex infittxu nimirħu f’toroq u f’żoni li huma lil hinn miz-zuntier tal-Knisja, anke jekk nirriskjaw li ser niltaqgħu ma’ min hu kulturalment differenti minna! Sa ftit ilu, konna ndoqqu l-qanpiena tal-knisja u nistennew in-nies tiġi; illum forsi hemm bżonn nħallu r-reċint tal-knisja biex inpoggu l-Evanġelju f’santwarji ġodda. Kif jindikawlna l-enċikliċi Veritatis Splendor u Fides et Ratio, kif ukoll il-maġisteru tal-Papa Benedittu XVI, li jikkonferma kemm ir-raġuni umana hija pern tal-attività evanġelizzattriċi tiegħu, nistgħu nibdew kif jibda Pawlu f’Atene u f’Korintu, billi ngħinu lill-bniedem jagħraf li r-raġuni umana hija triq li tista’ tintroduċih għall-misteru t’Alla.

Imma d-diffikultà prinċipali mhix waħda ta’ kontenut! Il-patrimonju bibliku u teoloġiku li għandha l-Knisja huwa teżor kbir, partikularment l-esperjenza tal-aħħar Sinodu tal-isqfijiet li kellna ftit xhur ilu! Biex ikollna materjal validu f’idejna, fix-xhur li għaddew ħtart lil Dun Anton Teuma bħala responsabbli mill-katekeżi tal-adulti, u lill-Kan Joseph Sultana bħala responsabbli mill-katekeżi tat-tfal u l-adolexxenti. Qed naħdmu biex fi ħdan il-Konferenza Episkopali tagħna titwaqqaf Kummissjoni Kateketika Interdjoċesana u fiha jkun hemm żewġ rappreżentanti mid-djoċesi tagħna.

Imma dan il-kontenut ma jinċedix minħabba l-kwalità fqira ta’ relazzjonijiet fil-komunitajiet tagħna. Il-komunitajiet tal-Knisja tal-bidu twaqqfu u ssawru frott tax-xhieda u t-tħabbir li kien isir minn persuna għal persuna. Kuntrarjament għal dan, il-komunitajiet tagħna huma ffurmati minn persuni li ma jafux lil xulxin u li ma għandhom interess u mħabba lejn xulxin! Forsi sal-lum serraħna rasna bl-istrutturi bħalma hija l-parroċċa! Imma qed nintebħu li biex tikkonserva l-parroċċa, trid tipprivileġġja r-relazzjoni personali mal-individwi membri tal-komunità. Peress li ma hemmx evanġelizzazzjoni mingħajr akkumpanjament tal-persuna, dan ifisser li r-relazzjonijiet mal-membri fi ħdan il-komunità hemm bżonn li jkollhom aktar attenzjoni, partikularment tagħna s-saċerdoti. Biex tkun tafhom hemm bżonn tkun magħhom, tismagħhom, tinteressa ruħek fl-istorja tagħhom. Chiara Lubich tikteb hekk: “Per comunicare, sentiamo il dovere ‘farci una cosa sola – noi diciamo, - con chi asċolta. Anche quando si parla o si svolge un tema, non ci si limita ad esporre il contenuto del nostro pensiero. Prima sentiamo l’esigenza di sapere chi abbiamo dinanzi, di conoscere l’ascoltatore o il publico, le sue esigenze, i suoi desideri, i problemi … Così il messaggio viene non solo intellettualmente recepito, ma anche partecipato e condiviso”. Naturalment dan l-akkumpanjament jeżigi aktar ħin, sabar u mħabba. Dan kollu jinterpellana dwar jekk aħna aħniex “qassisin tal-poplu” u “qassisin tat-triq”.

Irridu nikkuraw l-ambjenti fejn titwassal il-Kelma. Il-parroċċa tibqa’ dejjem l-ewwel post fejn tiltaqa’ l-komunità madwar il-Kelma. Imma biex nevitaw l-anonimat u nsaħħu r-relazzjonijiet li għadni kif semmejt, il-parroċċa għandha tiġi kontemplata u strutturata bħala “komunità ta’ komunitajiet domestiċi”.

L-ewwel esperjenza ta’ din ix-xorta għandha ssir fi ħdan il-familja li hija l-ewwel “knisja domestika”. Sa mill-ewwel żminijiet, wara li l-Insara tkeċċew mis-sinagogi, l-Evanġelju beda jixxandar fil-familji u l-kap tal-familja sar l-animatur ta’ dik il-komunità; eżempju ta’ dan kienet Lidja, neguzjanta tal-porpra fil-belt ta’ Filippi (Atti 16,14-15.40). Imma din l-esperjenza tiftaqar jekk il-familji tagħna ma jibqgħux familji minħabba nuqqas ta’ stabilità. Bil-għan li nsostnu lill-miżżewgin u l-familji, tlabt lil Dun Anton Teuma biex ikun responsabbli mill-pastorali familjari. Filwaqt li għandha tigi kkonsolidata l-ħidma tal-Moviment ta’ Kana, bħalissa qed naħdmu biex infasslu kors ta’ formazzjoni b’bażi kateketika lill-għarajjes li qed jitħejjew għall-ħajja miżżewġa, bil-għan li ngħinuhom jaqbdu triq li tintroduċihom għal formazzjoni permanenti li tkompli wara t-tieġ.

Permezz tat-Tribunal Ekkleżjastiku l-Knisja toffri servizz lil dawk il-persuni li għax għandhom żwieġ imkisser jixtiequ jiksbu dikjarazzjoni ta’ nullità. Matul is-sena li għaddiet ġew ippreżentati 10 kawżi ġodda u t-Tribunal ta deċiżjoni fuq 10 każijiet (7 [a]; 1[n], 2 [ark]). Bħalissa hemm 34 kawża pendenti u 49 jistennew li jibdew. Dan mhux numru żgħir u għandu jippreokkupana, għax dawn il-persuni qed ikollhom jistennew ħafna. Bil-għan li nipprovdi aktar personnel li jgħin fit-Tribunal biex jitħaffu l-proċessi, din is-sena sejjaħt ħames persuni (imħallef u erba’ udituri) biex jikkumplementaw l-istaff li hemm fit-Tribunal (tliet imħallfin u żewġ udituri) immexxi mill-Vigarju Ġudizzjali l-Kapp. Dun Edward Xuereb, li nirringrazzjah għax-xogħol delikat li qed iwettaq. Billi kien hemm min waqaf jagħti s-servizz tiegħu, attwalment għandna erba’ mħallfin u erba’ udituri.

Nerga nirritorna għall-kunċett ta’ parroċċa bħala “komunità ta’ komunitajiet”. Wara l-esperjenza tal-komunità domestika, huwa awspikat li fil-parroċċa jkun hemm “centri di ascolto” jew “gruppi li jiltaqgħu madwar il-Vanġelu”. Kif għidt fil-bidu, frott tal-Pjan Pastorali tas-sena l-oħra, kważi fil-parroċċi kollha llum hemm esperjenza ta’ dawn il-“komunitajiet”, bit-tama li filwaqt li dawn jiġu kkonsolidati, jinħolqu ohrajn. Ma’ dawn ma nistax ma nsemmix l-Għaqdiet tal-Apostolat, li kull waħda skont il-kariżma tagħha tikkontribwixxi fil-formazzjoni Nisranija. Dawn l-esperjenzi kollha, li minnhom tiddependi sew il-Knisja ta’ għada, għandhom isibu l-appoġġ u s-sostenn tagħna s-saċerdoti.

Min ser ixandar il-Kelma? Quddiem nett fil-lista ta’ dawk li għandhom il-ministeru tal-Kelma, hemm aħna s-saċerdoti. Aħna m’għandniex il-monoploju tax-xandir, imma għandna r-responsabilità li nkunu xhieda awtorevoli tal-Evanġelju. Il-formazzjoni kontinwata tagħna tgħinna niżvolġu dan il-ministeru b’responsabilità u effikaċja. Jien sodisfatt ħafna bil-parteċipazzjoni tal-presbiteri fil-laqgħat ta’ formazzjoni proposti mid-djoċesi – kemm dawk il-laqgħat djoċesani (bġal meta kellna l-Ġimgħa Liturġika), dawk żonali u l-eżerċizzi spiritwali, li din is-sena iż-żewġ irtiri kienu mimlijin! F’dak li għandu x’jaqsam mal-formazzjoni tas-Seminaristi tagħna, ngħarrafkom li minn din is-sena sejjaħt ħames saċerdoti bħala lecturers ġodda biex jgħinu fil-formazzjoni akkademika tas-seminaristi.

Irrid ngħid kelma ta’ apprezzament għall-ħidma ministerjali li kull wieħed minnkom iwettaq fid-djoċesi. Mumenti ċelebrattivi, bħal meta l-presbiterju djoċesan iltaqa’ dakinhar tal-ftuħ tal-Missjoni Djoċesana fil-Munxar u fil-manifestazzjoni ta’ Kristu Re fix-Xewkija, huma sbieħ ħafna u apprezzati mill-poplu t’Alla.

Aktar ma jkollna “pastorali integrata”, fis-sens li nimxu flimkien f’direzzjoni waħda kif indikata mid-djoċesi, aktar inġibu ’l quddiem il-kawża tal-evanġelizzazzjoni. Biex nilħqu dan il-għan, inkomplu nsaħħu bejnietna l-komunjoni presbiterali. Sinjal qawwi ta’ din il-ħajja fraterna u komuni qed jibagħtuh dawk is-saċerdoti li qed jgħixu flimkien fid-domus curialis, bħal fil-każ tal-parroċċi ta’ Għajnsielem, San Lawrenz u San Ġorġ. Wieħed jawgura li dawn l-eżempji jiġu kkuppjati. F’dan il-kuntest ninfurmakom ukoll li din is-sena żewġ parroċċi ġew assenjati vigarju parrokkjali (Żebbuġ u San Ġorġ), u parroċċa oħra laqgħet kollaboratur parrokkjali (Għajnsielem).

Fix-xandir tal-Kelma magħna għandna bħala kollaboraturi r-Reliġjużi u l-lajċi; imma biex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jiġu afdati bil-ministeru tal-Kelma, bhal fil-każ tal-katekisti kemm taż-żgħar kif ukoll tal-kbar, jeħtieġ li qabel xejn huma stess ikunu “qagħdu għall-Kelma tal-Evanġelju” (Rum 10.16) b’esperjenza fi grupp jew komunità. Għax kif jgħid San Pawl, “kif jistgħu jsejħu lil dak li ma jemmnux fih? Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx?” (Rum10,15)

L-esperjenza li qed inġarrbu fil-Missjoni Djoċesana turi li fid-djoċesi għandna ħafna li, għax iħobbu lil Ġesù u lill-Knisja, wieġbu b’ġenerożità u assidwità biex jisimgħu l-Kelma fil-laqgħat ta’ katekezi li saru fil-parroċċi u f’Ta Pinu. Mhux tas-soltu li bħall-bieraħ (il-Ġimgħa 2 ta’ Jannar 2009) is-Santwarju ta’ Pinu jkun mimli b’assemblea li trid tisma’! Lanqas ma huwa insinifikanti l-fatt li madwar 500 persuna lajċi (u xi Reliġjużi nisa) offrew id-disponibilità tagħhom biex nhar it-Tnejn joħorġu fit-toroq ta’ gżiritna ħalli fi tliet ġimgħat iwasslu l-Kelma ta’ Kristu għand il-familji kollha! Fihom infushom dawn huma sinjali li jagħmlulna kuraġġ, imma fl-istess ħin jgħabbuna b’responsabilità, għax ladarba hemm min huwa għatxan għal Alla, aħna ma nistgħux noqogħdu passivi kemm issa waqt il-Missjoni kif ukoll wara li tintemm.

Nixtiequ li frott ta’ din il-Missjoni Djoċesana, il-poplu t’Alla f’Għawdex jgħożż aktar l-Ewkaristija tal-Ħadd, imma ma jistax ikun hemm Ewkaristija mingħajr tħejjija remota u prossima frott ta’ evanġelizzazzjoni! Għalhekk, bħala “kooperaturi fix-xandir tal-Evanġelju”, nitlobkom biex fil-ġimgħat li ġejjin tgħinuni bit-talb u s-suġġerimenti ħalli l-Knisja jkollha proposti konkreti biex il-moviment li qanqal l-Ispirtu t’Alla matul il-Missjoni jinawgura esperjenza sabiħaa fostna.

B’dawn il-ħsibijiet, nawguralkom is-Sena t-Tajba.