IL-FAQAR THEDDIDA GĦALL-PAĊI
Siltiet mill-omelija ta Mons. Isqof Grech fl-okkażjoni tal-Ewwel tas-Sena

Fl-omelija li għamel waqt quddiesa pontifikali f’Għawdex fl-okkażjoni tal-Ewwel tas-Sena, l-Isqof Mario Grech wassal dan il-messaġġ:

Il-faqar huwa theddida serja għall-paċi. Barra mill-faqar materjali, li fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, hemm ir-riskju li jkompli jerfa’ rasu anke fostna, hemm faqar affettiv, morali u spiritwali.  Kif il-faqar materjali jista’ jkun kawża ta’ faqar affettiv, morali u spiritwali, dawn tal-aħħar jistgħu wkoll ikattru l-faqar materjali.

Is-soċjetà Maltija mhix ħielsa mid-diversi forom ta’ faqar li jsemmi l-Papa Benedittu fil-messaġġ tiegħu għal Jum il-Paċi, jigifieri l-faqar demografiku, il-faqar minħabba mard pandemiku u l-faqar tat-tfal.

Bħal fil-bqija tal-Ewropa, f’pajjiżna l-popolazzjoni mhix tikber f’rata sodisfaċenti. Waħda mir-ragunijiet għax ir-rata tat-twelid hija baxxa, hija għax ħafna jibżgħu li jekk ikollna iktar minn wild wieħed, nistgħu niftaqru! Fostna għandna kultura anti-konċezzjonali, tant li sirna xħaħ mal-ħajja. Kieku l-flus li jintefqu biex issir pubbliċità ta’ skemi li jaħdmu favur il-kontroll tat-twelid jiġu applikati biex jinkoraġġixxu u jgħinu lill-miżżewġin biex jibnu familja sabiħaa,  is-soċjetà tkun qed tinvesti biex tegħleb il-faqar.

Forsi f’pajjiżna l-marda tal-AIDS mhix mifruxa b’mod allarmanti; imma għandna mard ieħor serju riżultat tat-taħlit bla rażan u promiskwità. Minkejja li hemm min jipprova jilqa’ kontra dan il-mard billi jippromovi u jagħmel faċli l-aċċessibilità għal mezzi illeċiti, ma tezisti ebda garanzija li dawn ir-rimedji huma għal kollox safe.  Ir-rimedju kontra din il-kawza ta’ faqar mhuwiex biss mediku jew tekniku, imma wieħed morali: hija meħtieġa etika sesswali li tkun taqbel mad-dinjità tal-persuna. Il-preġudizzju kontra l-morali kattolika m’għandux ikun kawża li nirrinunzjaw għal kull diskors etiku!

Meta ż-żwieġ u l-familja jidħlu fi kriżi u jitkisaru, it-tfal jiftaqru affettivament, emozzjonalment u forsi wkoll materjalment. Għalhekk, ġlieda kontra l-faqar timplika impenn serju u fattibbli biex tissaħħaħ il-familja. Waqt li f’pajjiżna għandna min irid li jidħlu ċerti istituti legali li jdgħajfu ż-żwieġ u l-familja, f’pajjiżi kbar bħal fl-Istati Uniti tal-Amerika, hemm min qed jagħmel strateġija biex isalva l-familja!  Iż-żwieġ u l-familja jagħmlu parti mill-ġid komuni tas-soċjetà, u huwa dmir tal-Istat li jinvesti fil-familja u jipprovdi strutturi biex meta l-familja tgħejja, il-membri jsibu kenn u għajnuna. Huwa preokkupanti li attwalment f’Għawdex, jekk minorenni jkun taħt care order, peress li m’hemmx struttura adegwata biex tilqgħu, jista’ jsib ruħu fi sptar mentali!

L-impenn favur il-paċi huwa wieħed impenjattiv ħafna li jeżiġi l-koperazzjoni vera ta’ kulħadd.