Messaġġ tal-Isqof Mario Grech fl-okkażjoni ta’ Jum il-Persuni b’Diżabilità

“Il-persuni b’diżabilità għandhom id-dritt li jieħdu sehem sħiħ u attiv fil-ħajja tal-komunità Nisranija, u għalhekk fi ħdan il-komunità parrokkjali l-persuni b’diżabilità huma mhux biss oġġett tal-ħidma pastorali imma wkoll parti mis-suġġett li jwettaq din il-ħidma”  Dan kien il-messaġġ li l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech wassal lill-Kulleġġ tal-Kappillani t’Għawdex meta dalgħodu kien qed jippresiedi l-laqgħa mensili tal-kappillani.

Fl-okkażjoni tal-Jum il-Persuni b’Diżabilità, delegazzjoni mill-Kummissjoni Djoċesana għall-Persuni b’Diżabilità f’Għawdex dalgħodu (illum, l-Erbgħa 3 ta’ diċembru 2008), indirizzat lill-kappillani f’din il-laqgħa u spjegaw lill-kappillani x’inhuma l-aspettattivi u l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom fil-Knisja.  Filwaqt li wrew l-apprezzament tagħhom għal dak li għamlet il-Knisja b’risq dawn il-persuni, fissru li għad hemm ħafna x’isir biex l-Evanġelju jasal ukoll għand dawn il-persuni u biex huma jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-ħajja tal-komunità Nisranija. Huma għarrfu  lill-kappillani li l-Kummissjoni Djoċesana għall-Persuni b’Diżabilità qed taħdem biex id-djoċesi jkollha librerija b’materjal kateketiku u ta’ talb li jkun jista’ jintuza minn dawn il-persuni, mill-familji tagħhom u anke mill-katekisti.

Waqt din il-laqgħa fil-preżenza tal-kappillani, l-Isqof Mario Grech approva l-istatut ta’ din il-Kummissjoni Djoċesana għall-Persuni b’diżabilità, li twaqqfet sena ilu fid-djoċesi t’Għawdex biex tgħin lill-Knisja lokali tieħu l-inizjattivi meħtieġa biex il-persuni b’diżabilità f’Għawdex ikollhom aċċessibilità sħiħa fil-ħajja tal-Knisja