NGĦINU LILL-FAMILJA SSIR FORĠA TA’ VALURI
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Ftuħ Tal-Missjoni Djoċesana
Parroċċa Munxar 10.10.2008

Forġa li ssawwar lill-poplu bil-valuri tal-Vanġelu

Ilkom ftit ma taraw forġa? Aħna konxji jew le li l-Knisja li aħna nagħmlu parti minna, il-Knisja li aħna niffurmaw hija forġa illi fis-snin l-imgħoddija irnexxielha, bil-formazzjoni Nisranija, issawwar bnedmin, poplu u kultura imżejna bil-valuri tal-Vanġelu?

Illejla qegħdin hawn għaliex il-Mulej tana grazzja li sibna din il-forġa taqbad, u li lilna ftit jew wisq saffitna u għenitna biex nagħrfu s-sewwa u biex nagħrfu lil Ġesù Kristu. Hemm bżonn li din il-forġa tibqa’ taqbad u li żżid fil-ħeġġa tagħha ħalli tkompli tagħti dan il-kontribut tant importanti lil pajjiżna, lill-gżira tagħna, lil kull wieħed u waħda mill-poplu tagħna. Din il-forġa taħdem bil-qawwa u bir-rieda tiegħek, tiegħi u tagħna.


Għalhekk illejla ltqajna biex insejħu l-għajnuna tan-nar tas-sema, in-nar tal-Ispirtu s-Santu, ħalli jekk in-nar tal-forġa jew qiegħed inin jew jintefa’ nerġgħu nkebbsuh, nerġgħu nqabbduh bil-ħeġġa tagħna. Ħarsu ftit lejn il-bieraħ – biex ma ngħidx illum – , u araw jekk il-Knisja f’pajjiżna tatx kontribut u jekk kienitx ta’ għajnuna ħalli l-bniedem, il-familja u s-soċjetà tagħna jimxu ’il quddiem f’kull qasam tal-ħajja! Jekk f’dan kollu hemm il-ġid u l-barka ta’ Alla, allura l-Knisja llum qed issejħilna bħala l-poplu ta’ Alla f’Għawdex biex ilkoll flimkien – aħna s-saċerdoti, ir-reliġjużi u intom il-lajċi –  nagħmlu azzjoni waħda li qed insejħulha Missjoni Djoċesana, biex in-nar ta’ l-Ispirtu s-Santu jimla l-qlub tagħna, iħeġġeġ il-familji tagħna u jdawwal is-soċjetà tagħna.

Naħdmu għas-salvazzjoni tal-poplu tagħna

Fit-tieni qari smajna silta meħudha mill-ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani (Rum 10, 1-18). San Pawl fl-introduzzzjoni ta’ dan il-kapitlu jagħmel osservazzjoni u jgħid: “Nixtieq tassew min qalbi nitlob quddiem Alla li niesi jsalvaw”. Għeżież tiegħi, mhix din ukoll ix-xewqa tagħna li naraw lil dan il-poplu jsalva? San Pawl jgħid li l-bnedmin “ma gharfux il-ġustizzja ta’ Alla, imma fittxew il-ġustizzja taghhom u għalhekk ma qagħdux għall-ġustizzja t’Alla” (Rum 10,3). Naħseb li f’din is-sentenza naqraw ir-realtà tagħna llum.

Il-bniedem tal-lum liema ordni qiegħed jipprova jibni madwaru u liema sens ta’ ġustizzja qiegħed japplika fil-ħajja tiegħu personali, fil-ħajja tiegħu bħala membru tal-komunità Nisranija, fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna u fil-binja tas-soċjetà? Hija l-ġustizzja li ġejja minn Alla? Huwa dak l-ordni li waqqaf Alla sa mill-bidu jew inkellha huwa ordni u sistema li qed joħloq il-bniedem mingħajr l-ebda riferiment għal Alla? Ċerti sinjali fil-ħajja ta’ madwarna pjuttost jindikaw li aħna qed nibnu l-ġustizzja tal-bnedmin, billi għandna t-tentazzjoni li nwarrbu u nittraskuraw dak l-ordni mwaqqaf minn Alla.

L-aħbar tal-imħabba t’Alla għal kull bniedem

F’dan il-kuntest aħna ma narawx perikli u theddid, imma opportunità. Bħala poplu ta’ Alla għandna sfida biex f’dawn iċ-ċirkostanzi, imdawlin mill-Kelma ta’ Alla, aħna nevanġelizzaw u nxandru mill-ġdid il-Vanġelu ta’ Sidna Ġesù lil kull bniedem. Bid-dritt kollu, kif jgħid San Pawl fl-ittra tiegħu lir-Rumani, m’hemm ħadd eskluż mill jirċievi l-Bxara t-Tajba, m’hemm ħadd illi għandu ‘handicap’ morali, gravi jew le, li ma jistax ikun oġġett tal-imħabba ta’ Alla.

Iva, din hija l-opportunità li aħna għandna. Għalhekk hemm bzonn li nagħtu iktar nar lil din il-forġa. Lis-soċjetà tagħna, bid-diffikultajiet kollha li għandha, rridu mill-ġdid nagħmlulha l-proposta tal-Vanġelu, għaliex jekk aħna jkollna l-qawwa tas-sema biex inlissnu l-isem tal-Mulej Ġesu aħna salvi (ara Rum 10,13). Jekk is-soċjetà tagħna tiskopri l-verità fi Kristu l-Iben ta’ Alla li sar bniedem, allura s-soċjetà tagħna jkollha tassew futur.

“Nibgħatkom tevanġelizzaw f’isem Kristu!”

San Pawl ikompli jgħid: “Imma kif jistgħu jsejħu lil dak li ma jemmnux fih? Kif jistghu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistghu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx? Kif jistgħu ixandrulhom jekk ma jkunux mibgħuta?” (Rum 10,14-15) Għalhekk illejla, jien f’isem Kristu nibgħatkom. Nibgħat lilkom, ħuti saċerdoti, lilkom ħuti fil-ħajja kkonsagrata, u lilkom lajċi. Iva, nibgħatkom f’isem il-Mulej Ġesù fit-toroq ta’ ġżiritna, f’kull rokna tal-Knisja u tas-soċjetà tagħna. Ninsabu taħt id-dell ta’ dawk il-minaċċi u ta’ dak it-theddid li semmejtilkom, imma għalina dawn għandhom ikunu opportunitajiet biex inwasslulhom lil Kristu u biex ngħinuhom ħalli jesponu lilhom nfushom għad-dawl tal-fidi.

Kif jgħid Pawlu: “Il-fidi tiġi mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla” (Rum 10,17). Għalhekk din l-ewwel fażi tal-Missjoni li qegħdin nagħtu bidu għaliha hija ddedikata sabiex aħna lkoll li l-Mulej sejħilna, għażilna u qiegħed jibgħatna, nissawru f’dawk il-mumenti ta’ katekeżi li ser ikollna flimkien kull nhar ta’ Ġimgħa: nibdew minn nhar il-Ġimgħa sal-5 ta’ Diċembru. Hemmhekk aħna nagħmlu l-esperjenza ta’ Kristu ħalli mbagħad fil-festa tal-Epifanija nerġgħu niltaqgħu flimkien u noħorġu fit-toroq ta’ Għawdex tagħna, noħorġu għand kull familja biex inwasslulhom il-Bxara t-Tajba. Hekk kull familja ngħinuha tkun forġa li tagħti s-sehem insostitwibli tagħha mhux biss għal kull persuna li hemm fiha, imma wkoll għas-soċjetà kollha biex tissawwar f’dik il-ġenerazzjoni imdawla bil-fidi li ġabilna Pawlu.