IL-KNISJA TGĦIN FIT-TIĠDID TAS-SOĊJETÀ
Omelija Isqof Mario Grech
Ftuħ Sena Soċjali Azzjoni Kattolika
18 ta’ Ottubru 2008 - Victoria

Nhar is-Sibt 18 ta’ Ottubru 2008, l-Azzjoni Kattolika f’Għawdex tat bidu għas-Sena Soċjali ġdida, b’ċelebrazzjoni li saret fid-Dar Ċentrali fir-Rabat. It-tema ġenerali għas-Sena Soċjali 2008-2009 hi: “L-imħabba ta’ Kristu ġġeddidna”, u hi marbuta mal-motto tal-Missjoni Djoċesana li qed tiċċelebra d-Djoċesi: “L-imħabba ta’ Kristu ssuqna” (2 Kor 5,14).

L-Isqof Mario Grech mexxa konċelebrazzjoni u fl-omelija wassal dan il-messaġġ:

“L-imħabba ta’ Kristu ġġeddidna” (Motto Azzjoni Kattolika Għawdex, Sena Soċjali 2008-2009)

Irrid ninqeda bil-kliem ta’ Pawlu lit-Tessalonkin li xxandrilna llum fit-tieni qari, biex napplikah għalikom, membri tal-Azzjoni Kattolika, li llum qegħdin tagħtu bidu għal Sena Soċjali ġdida: “Kull ħin niżżi ħajr lil Alla minħabba fikom ilkoll u niftakar fikom dejjem meta nitlob. Niftakar fil-ħidma li ġejja mill-fidi tagħkom u fit-taħbit li ħiereġ minn imħabbithom; niftakar fil-qawwa tat-tama tagħkom f’Sidna Ġesù Kristu quddiem Alla missierna” (1 Tess 1,2-3). Inħossu dmir tiegħi li f’din iċ-ċirkustanza nirringrazzjakom tal-preżenza, tal-ħidma u tal-kollaborazzjoni tagħkom.

Inħeġġiġkom biex tkomplu bil-ħidma tagħkom skond is-sejħa li jagħmlilkom Kristu permezz tal-Knisja biex l-imħabba ta’ Kristu ġġeddidkom, u hekk iġġedded l-ambjenti li ngħixu fhom.

“L-umanità għandha bżonn tiġi mifdija” (Benedittu XVI, Messaġġ għall-Ġurnata Missjunarja 2008)

L-Evanġelju tal-lum (Mt 22,15-21) jagħmel proposta partikulari lil-lajċi biex iġeddu s-soċjetà ta’ madwarhom, li, fi kliem il-Papa Benedittu XVI, toffri xenarju xejn sabiħ, għax il-bnedmin iħossuhom “mimlijin ansjetà għaliex imtaqqlin bl-inkwiet”: l-umanità għandha bżonn tiġi meħlusa u “mifdija”. Il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa u qiegħed jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas (ara Rum 8,19-23). Għalhekk il-bniedem qed jittama li xi darba jkun hemm “soċjetà mġedda” – soċjetà differenti minn dik attwali. Qisu mhux biżżejjed li l-faqar, il-vjolenza, il-firdiet, il-manipulazzjoni huma forom li jheddu l-ħajja! Għandna min b’mod sfaċċat jippropoga u jgħin biex il-ħajja tinqatel anke fl-ewwel fażijiet tal-eżistenza meta l-persuna ma tistax tiddefendi lilha nnifisha!

Quddiem din it-tbatija, il-komunità Nisranija ma tistax tibqa’ passiva. Gwaj għalina jekk ma nxandrux l-Evangelju biex hekk ngħinu ħalli ntaffu din it-tbatija. Bil-preżenza tagħkom fis-soċjetà, li hija l-kamp tagħkom, intom tistgħu ġġeddu d-dinja minn ġewwa.

“Agħtu lil Alla dak li hu ta’ Alla”

Meta darba staqsewh jekk huwiex sewwa li jħallsu t-taxxi lil Ċesari, Ġesù wieġeb: “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla” (Mt 22,22). Ġesù ma jeskludix lil wieħed a skapitu tal-ieħor. La jgħidilhom biex jagħtu kollox lil Alla u jittraskuraw lil Ċesari, u lanqas jgħidilhom biex jagħtu każ biss ta’ Ċesari u jinsew lil Alla! Ċesari jirrappreżenta lil dawk li huma fl-awtorità pubblika – lil min għandu s-setgħa fis-soċjetà. Skond Ġesù ż-żewġ dimensjonijiet, dik umana u dik divina, jimxu flimkien. Għaliex « Ċesari » qatt ma huwa miftum minn Alla. Huwa veru li l- « parlament » huwa l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiz li għandu l-qofol tas-setgħa ċivili; imma dan ma jfissirx li l-leġiżlatur għandu setgħat assoluti u huwa indipendenti minn Alla. Iċ-ċittadin għandu dmir li joqgħod għal « Ċesari », imma din mhix ubbidjenza inkondizzjonata, għaliex fuq Ċesari hemm Alla. Kif josservaw Pietru u l-Appostli quddiem is-Sinedriju: xi drabi “jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-bnedmin” (Atti 5,30).

Jekk min għandu din l-awtorità pubblika jifhem il-verita li l-poter tiegħu ma huwiex wieħed assolut, fis-sens li jista jagħmel li jrid, imma hemm Alla li waqqaf ordni li jeħtieġ li jkun osservat, kieku l-ħajja tal-bniedem tkun ħielsa minn ħafna minaċċi li xi drabi jkunu ppreżentati b’mod pulit taħt forma legali! Il-liġijiet li jagħmlu l-bnedmin m’humiex awtonomi mil-liġi t’Alla. Ħaġa hija tajba mhux għas-sempliċi raġuni li tkun approvata mill-maġġoranza, imma għax tkun tajba fiha nnifisha ! Il-liġi ma teżistix qabel il-valuri, imma l-valuri huma anterjuri għal-ligi – qegħdin hemm biex jiġu magħrufa u mħarsa mil-liġi. L-awtoritajiet jiżbaljaw jekk ma jirrikonoxxux din il-bażi. Min ser jistabilixxi x’inhu t-tajjeb u l-ħażin? Il-bniedem ittanta u għadu jipprova japproprja għalih din il-fakultà li jiddetermina hu nnifsu x’inhu t-tajjeb jew x’inhu l-ħażin; imma ħafna drabi ħoloq diżordni kbir madwaru. Jekk jagħmel hekk, ikompli jkattar l-ugigħ. Jekk nibnu ordni soċjali miftum minn Alla, allura ma nkunux għas-servizz tal-bniedem imma nkunu l-qerda tal-bniedem.

In-Nisrani attiv jagħmel preżenti l-Knisja fid-dinja tal-lum

F’din iċ-ċirkustanza nħeġġiġkom biex tkunu preżenti fid-dinja tal-lum. Kif jgħallem il-Konċilju Vatikun II, il-Knisja trid tkun preżenti fid-dinja tal-lum. Fittxu dawk il-fora sekulari li fihom isiru diskussjonijiet biex bil-mod il-mod jinħema l-argument li mbagħad jasal fuq il-mejda tal-leġiżlatur. Huwa dmir tan-Nisrani li jagħti s-sehem tiegħu f’dawn l-ambjenti « lajċi » biex jgħin lil ħutu ċ-ċittadini jgħarblu din is-sentenza : “agħtu lil Ċesari dak li huwa ta Ċesari u lil Alla dak li huwa t’Alla”.

Barra minn dak li għandu x’jaqsam mad-divorzju, l-abort u l-ewtanasja ħafna drabi jigu trattati suġġetti oħra delikati li mhux dejjem jiġu ppreżentati b’rispett lejn dak l-ordni primordjali li għamel Alla. Il-liġijiet favur id-divorzju, l-abort u l-ewtanasja huma biss ftit mill-ħjut li jsawru n-nisġa ta’ ligijiet, regolamenti, direttivi li suppost qegħdin jirregolaw il-ħajja tas-soċjetà. Hemm diversi miżuri u dixxiplini oħra fil-qafas ċivili tagħna, kemm dak nazzjonali kif ukoll dak Ewropew, li ma jitkellmux direttament dwar l-abort, id-divorzju u l-ewtanasja, imma xorta waħda jintakkaw il-qalba tal-persuna umana. Dan jiġri f’diversi oqsma tal-ħajja umana: is-saħħa, il-bioetika, il-familja, il-finanzi, eċċ.

Huwa dmir tan-Nirani li jitkellem dwar din il-materja bil-għan li jġedded lill-bniedem u lis-soċjetà. Nistgħu nagħtu kontribut billi nfakkru f’dan il-prinċipju: dak li huwa tal-bniedem jibqa’ tiegħu, imma dak li huwa t’Alla huwa sagru u intokkabbli, u għaldaqstant irid jiġi mħares u rispettat.

Naħdmu biex inġeddu s-soċjetà minn ġewwa

Aħna nitolbu lill-Isirtu s-Santu biex “iġedded il-wiċċ tal-art”. Imma l-Ispirtu s-Santu jaħdem permezz tiegħek u tagħna flimkien. Dak li għandu jimmotivana f’dan l-impenn ċertament mhix il-ħeġġa tal-proselitiżmu. Aħna nemmnu fid-dritt għal-libertà reliġjuża. Imma aħna nemmnu wkoll li l-valuri evanġeliċi nistgħu nressquhom għar-riflessjoni u niddiskutu dwarhom kemm ma’ min għandu twemmin ieħor kif ukoll ma’ min ma jemminx. Dan għaliex il-validità ta’ ħafna mill-valuri li hemm fl-Evanġelju tista’ tiġi kkonfermata mir-raġuni umana.

Inħoss li pajjiżna jkun tassew iblah jekk jagħlaq il-bibien għall-Knisja! Tkun tassew irresponsabli dik is-soċjetà li, għax ippreġudikata, tagħlaq widnejha għall-kontribuzzjoni li jistgħu jagħtu d-dixxipli ta’ Kristu miġbura fil-Knisja fid-diskussjoni pubblika.

Minn naħa l-oħra, l-Insara jkunu jonqsu jekk jirrinunzjaw joffru dan is-servizz lis-soċjetà. Il-Knisja ma tistax tgħix ’il bogħod mid-dinja, għax l-Evanġelju ta’ Kristu huwa komunikazzjoni li ġġib bidla għall-aħjar u tnissel it-tama f’dawk li huma bla Alla. Id-dinja għandha bżonn tal-Knisja.

Missjoni Djoċesana

F’din il-Missjoni Djoċesana, meta qegħdin nagħmlu sforz kollettiv biex kull wieħed minna jiġġedded, meta qegħdin noffru talba ħerqana lil Alla biex tiġġedded il-Knisja lokali, qed nagħmlu appell biex inġeddu r-realtajiet ta’ madwarna. L-Ispirtu t’Alla jimla lil qlubkom, jagħtikom aktar ħeġġa milli għandkom, biex tkunu tassew ħmira moħbija imma effettiva li tbiddel l-għaġna tas-soċjetà tal-lum.