BIEX NEVITAW L-ANARKIJA

Nhar il-Ħadd filgħodu, 5 ta’ Ottubru 2008, l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech mexxa konċelebrazzjoni fl-okkażjoni tal-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tal-Assoċjazzjoni tal-Iscouts fil-gzejjer Maltin. Għadd kbir ta’ Scouts minn Malta u Għawdex kienu preżenti għal din il-quddiesa li saret fil-gym tas-Seminarju fir-Rabat, Għawdex.

Fl-omelija tiegħu l-Isqof Grech wassal dan il-messaġġ:


“Wieħed mis-sigrieti għaliex l-Assoċjazzjoni tal-Iscouts irnexxielha tibqa’ wieqfa għal dawn l-aħħar mitt sena, bla dubju huwa l-fatt li l-iscouts jagħmlu l-wegħda li joqogħdu għal-liġi.  Fejn m’hemmx rispett għal-liġi, li hija garanzija tal-ordni u tal-istabilità fil-ħajja individwali u soċjali, ikun hemm id-diżordni.

Dan narawh fil-ħajja tagħna ta’ kuljum meta llum ħafna jidhrilhom li jistgħu jgħaddu mingħajr regoli tal-ħajja jew jieħdu l-liġi b’idejhom. Meta l-bniedem iwarrab dawn ir-regoli, ikun hemm anarkija għax kulħadd jagħmel dak li jaqbillu.

Din l-ubbidjenza lejn il-liġi tissarraf f’żewġ atteġġjamenti prinċipali: ir-rispett lejn il-liġi t’Alla u lejn il-liġi magħmula mill-bnedmin. Din tal-aħħar ma tkunx liġi ġusta jekk ma tkunx tirrifletti l-liġi divina naturali.

Hemm min hu tal-fehma li l-uniċi normi li l-bniedem għandu d-dmir li josserva huma biss dawk li jfassal il-bniedem, bħalma huma l-liġijiet ċivili, ir-regoli ta’ xi assoċjazzjoni, eċċ. Skond dawn it-talin, biex dawn in-normi jkunu tajba huwa biżżejjed li jsiru minn min għandu s-setgha li jaghmel il-liġijiet, bħalma huwa l-parlament, jew bi ftehim bejn il-partijiet, bħal fil-każ ta’ xi trattat bejn pajjiżi diversi.

Imma dan l-argument mhux tajjeb. Fl-istorja kien hemm diversi każijiet fejn il-leġiżlatur abbuża mis-setgha tiegħu u għamel liġijiet inġusti għax kienu kontra d-dritt naturali, bħalma huma liġijiet favur l-abort u d-divorzju. Meta liġi umana tmur kontra l-ordni mwaqqaf mill-Ħallieq, issir ġerħa serja lill-persuna u lis-soċjetà.

Infatti, il-liġi divina hija ta’ żewġ għamliet. Hemm dawk in-normi li, għalkemm ma nsibuhomx miktuba la fuq il-karta u anqas fuq l-irħam, suppost ikun jafhom kull bniedem għax huma miktubin fil-qalb umana. (ara Rum 2,14-15)  Bl-għajnuna tar-raġuni, il-bniedem kapaċi jasal biex jikxef il-liġi naturali li hija komuni għal kulħadd u kullimkien.

Imbagħad, għal dawk li jemmnu hemm il-liġi divina pożittiva: dawk in-normi li Alla ikkomunika lill-bniedem permezz tar-Rivelazzjoni tal-Kelma tiegħu, bħalma huma l-Għaxar Kmandamenti.

Ir-rimedju għall-ħajja anarkika li teżisti fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, fil-familja, fil-komunitajiet nazzjonali u internazzjonali huwa li l-bniedem jitgħallem joqgħod għal-liġi, li hija bħal lġiem li trieġi l-bniedem ħieles.

Għalhekk dawk kollha li huma responsabbli mill-edukazzjoni ta’ tant tfal, adolexxenti u żgħażagħ fi ħdan l-Assoċjazzjoni tal-Iscouts ħaqqhom kull apprezzament, għax bl-impenn tagħhom jistgħu jgħinu biex ikollna ġenerazzjoni li tassew tkun tirrispetta l-liġijiet, li huma gwida biex ngħixu ħajja dinjituża.”