Il-ġmiel taż-żwieġ u tal-familja

Messaġġ ta’ Mons Isqof Mario Grech waqt l-omelija tal-Pontifikal fis-Solennità tal-Assunta, Knisja Katidrali, Rabat, Għawdex (Il-Ġimgħa 15 t’Awwissu 2008)

Kull deċiżjoni jew għażla li nagħmlu fil-ħajja personali, familjari u soċjali, tiddependi minn xi twemmin għandna dwar il-bniedem. L-antropoloġija postmoderna hija dgħajfa minħabba l-ideat konfużi li għandna dwar il-bniedem u dwar Alla. Sfortunatament, hemm min itenni li wieħed jista’ jafferma lill-bniedem biss meta jiċħad lil Alla.


F’dan il-kuntest, il-komunità nisranija tipproponi l-antropoloġija personalistika fejn kull bniedem huwa persuna bid-drittijiet u d-dmirijiet inaljenabbli tiegħu. Kull bniedem li huwa mgħattan imma mhux nfarrak bid-dnub, isib fi Kristu d-dinjità u l-ġmiel sħiħ tiegħu.

F’Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem, Ġesù jagħti lura lill-bniedem dak kollu li għandu x’jaqsam mal-esperjenza umana: il-ġmiel li kellu sa mill-bidu tal-ħolqien.

Infatti fil-bidu l-bniedem kien maħluq xbieha ta’ Alla. Alla libbes lill-bniedem bil-ġmiel tiegħu. Imma frott l-egoiżmu tiegħu, il-bniedem irribella kontra Alla, ħarbat il-pjan t’Alla u hekk tappan il-ġmiel oriġinali tiegħu u tal-komunità umana. Dan jista’ jigri anke llum meta l-bniedem jaħrab lil Alla u jitfa’ wara spallejh ir-rieda t’Alla.

Realtà umana oħra li Alla żejjinha bil-ġmiel hija l-esperjenza taż-żwieġ u tal-familja. Ġesù jispjega li Mose kien ta lil-Lhud il-kitba tad-divorzju minħabba l-ebusija ta’ qalbhom, għaliex “fil-bidu ma kienx hekk”; u kompla li “sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara” (Mt 19,8).

Huwa tagħlim tal-Konċilju Vatikan II li “l-għaqda intima tal-ħajja u l-imħabba bejn il-miżżewġin, imwaqqfa minn Alla fil-ħolqien u regolata b’liġijiet proprji, titwaqqaf fuq il-patt taż-żwieġ, jiġifieri fuq il-kunsens personali u rrevokabbli. Għall-ġid kemm tal-miżżewġin u tal-ulied, kif ukoll tas-soċjetà, din ir-rabta qaddisa ma tiddependix mir-rieda tal-bnedmin”.

Għal dawk li huma Nsara, Kristu għolla din ir-realtà umana għad-dinjità ta’ sagrament mingħajr ma naqqsilha xejn minn dak li huwa naturali. Huwa għalhekk li l-komunità nisranija għandha x’toffri fid-diskussjoni dwar il-ġmiel taż-żwieġ u l-familja, u dan mingħajr ma tkun konfessjonali.