“L-imħabba ta’ Kristu ssuqna” - Ċirkulari 6/2008

 

Format PDF 

Ċirkulari 6/2008

Ittra tal-E.T. Mons Mario Grech

Isqof ta’ Għawdex

fl-okkażjoni tal-Missjoni Djoċesana 2008-2009

“L-imħabba ta’ Kristu ssuqna” (2 Kor 5,14)

Għeżież ħuti fis-Saċerdozju Ministerjali,
fil-Ħajja Kkonsagrata, u ħuti fil-Magħmudija,

Ilkoll kemm aħna, sikwit ngħaddu mill-istess esperjenza li minnha għaddew it-Tnax fil-Vanġelu li għadna kif smajna (Mt 14,22-33): inħossuna fid-dlam tal-lejl, f’dgħajsa li tinsab f’nofs ta’ baħar titħabat mal-mewġ u bir-riħ kontra tagħha.

“Kellhom ir-riħ kontra tagħhom”

L-istorja ta’ kull familja hija mżewqa bis-sabiħ u bl-ikrah. Xi drabi, l-esperjenza tat-tbatija tant tkun qawwija li taħbat tegħleb l-ottimiżmu u t-tama ta’ ħajja aħjar.

Uħud mill-familji tagħna jinsabu fil-maltemp minħabba diffikultajiet fir-relazzjoni ta’ bejn il-koppja. Ħafna drabi, f’sitwazzjonijiet bħal dawn, sa minn ċkunithom  l-ulied jgħixu fil-biża’ u fl-inċertezza li jitilfu lil xi ħadd minn dawk li huma l-aktar għeżież għalihom.

Mhumiex ftit dawk iż-żgħażagħ li, bħall-appostli, iħossuhom mitlufin fid-dlam tal-lejl, u waqt li jfittxu il-libertà tagħhom jisfaw ilsira tax-xorb, tad-droga u ta’ istinti baxxi li jbegħduhom minnhom infushom, mill-oħrajn u minn Alla. Kemm hi kbira t-tbatija tal-ġenituri u tal-familji tagħhom, li jkunu għamlu minn kollox biex jaraw lil uliedhom kuntenti!

Ħafna huma dawk il-familji mtaqqla bil-mard tal-ġisem jew tal-moħħ, uħud minnhom mingħajr tama ta’ fejqan.

 “Mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar”

Il-Vanġelu li smajna jkompli jgħidilna li, minkejja d-dlam, il-mewġ u r-riħ, meta Ġesù tela’ fid-dgħajsa l-maltemp waqaf! Ġesù ta’ spiss kien ifittex li jiltaqa’ mal-bniedem proprju meta dan jitqalleb mal-mewġ tal-ħajja.

Ġesù jagħti l-ilma li jaqta’ l-għatx lill-mara Samaritana li kienet tfittex li timla qalbha b’imħabbiet ’il barra mill-familja tagħha (ara Ġw 4,1-42). Jimla l-vojt fil-qalb tal-mara adultera u jagħtiha l-maħfra (ara Ġw 8,1-11). Ibierek lit-tfal iż-żgħar u  jgħannaqhom miegħu anke meta dawn iħossuhom rifjutati mill-kbar (ara Mk 10,13-16). Jagħti ħajja ġdida lil diversi żgħażagħ, bħat-tifla ta’ Ġajru (ara Lq 8,49-56) u iben l-armla ta’ Najn (ara Lq 7,11-16).

It-tbatija u l-mewt ta’ Ġesù nnifsu jagħtu tifsira ġdida u tal-għaġeb lill-esperjenzi kollha tal-bniedem, anke lil dawk l-istess esperjenzi li l-bniedem ma jistax jifhem u jħossha bi tqila li jaċċetta. Permezz tal-ġrajja tal-Qawmien ta’ Ġesù jinbidel għal kollox id-destin tal-bniedem; fiH jinqered kull tip ta’ tbatija u ta’ mewt.

Kemm nixtiequ aħna wkoll kultant nisimgħu l-Kelma ta’ Ġesù: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!” Kemm nixtiequ aħna wkoll li Ġesù jitla’ fuq id-dgħajsa tagħna biex jieqaf ir-riħ!

“Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn”

Filwaqt li għat-Tnax il-baħar imqalleb kien theddida u għajn ta’ biża’, għal Ġesù sewa ta’ triq biex jasal għandhom. Iżda huma m’għarfuhx, u ħasbuh xi fantażma! Kienet il-Kelma tiegħu ta’ kuraġġ li għenithom jiltaqgħu miegħu! U meta għarfuh, huma wkoll ġew mistiedna biex jimxu fuq il-mewġ tal-baħar imqalleb!

Kif diġà għidnielkom fl-Ittra Pastorali fil-ftuħ tas-Sena Pawlina, nixtieq nerġa’ nistedinkom biex tiftħu l-qlub tagħkom għall-ġmiel ta’ Kristu. Nixtieq nerġa’ ntennilkom, b’mod speċjali matul din is-sena, biex tiftħu beraħ il-bibien tal-familji tagħkom ħalli tkunu tistgħu tisimgħu, tiggustaw u tgħixu l-istedina ta’ Ġesù: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!”

Din l-istedina ta’ Ġesù qed issir konkreta fil-Knisja Għawdxija permezz tal-proposta tal-Missjoni Djoċesana. Fil-festi parrokkjali kollha li ċċelebrajna s’issa, u f’dawk li għadna rridu niċċelebraw, qiegħed nitlobkom bil-qawwa biex tiftħu qalbkom beraħ għal din il-grazzja tal-Ispirtu s-Santu.

Xi jfisser meta ngħidu “Missjoni Djoċesana”? Huwa żmien ta’ grazzja li fih aħna l-insara kollha tal-gżira Għawdxija nagħrfu li aħna “magħżulin”, “imsejħin” u “mibgħutin”. Nagħrfu li aħna “magħżulin” bħala wlied maħbuba ta’ Alla l-Missier; “imsejħin” biex ngħixu l-imħabba bħal Ġesù li ta ħajtu sa fuq is-salib; “mibgħutin” biex bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, bi kliemna u b’ħajjitna naqsmu din l-imħabba ma’ kulħadd.

Fhiex tikkonsisti? Il-Missjoni Djoċesana ser tiġi ċċelebrata matul is-sena pastorali kollha li ġejja, jiġifieri ser tibda’ f’Ottubru li ġej u tibqa’ sejra sas-sajf tas-sena li ġejja, bit-tama li l-frott tagħha jibqa’ jidher matul is-snin. Ser tkun maqsuma f’erba żminijiet: żmien ta’ smigħ u formazzjoni, żmien ta’ missjoni u tħabbira, żmien ta’ konverżjoni u ċelebrazzjoni, żmien ta’ ringrazzjament u proposta.

Iż-żmien ta’ smigħ u formazzjoni jibda f’Ottubru u jibqa’ sejjer sal-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru. Matul dan il-perijodu, saċerdoti, reliġjużi u lajċi jieqfu jisimgħu l-Kelma ta’ Alla biex iħejju ruħhom ħalli jiġu mibgħuta.

Matul iż-żmien tal-Avvent u tal-Milied, ngħixu l-istennija u l-Miġja ta’ Ġesù fostna bħala bniedem. Biċ-ċelebrazzjoni tas-solennità tal-Epifanija, nagħtu bidu għaż-żmien tal-missjoni u tħabbira. Ġesù li ġie fostna bħala bniedem u deher lill-ġnus, ikompli “jidher” fil-familji tagħna permezz taż-żjara tal-missjunarji fid-djar kollha tal-parroċċi tagħna.

It-tielet fażi tal-Missjoni Djoċesana tibda fil-25 ta’ Frar, meta jibda r-Randan Imqaddes. Bħal kull sena, matul dan iż-żmien l-insara kollha, miż-żgħar sal-kbar, huma msejħa għas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla fl-eżerċizzi, għat-talb, għas-sawm u għall-karità. Hekk iż-żerriegħa mitfugħa mill-missjunarji fil-familji, tkompli tissaqqa, tikber u tissaħħaħ.

Il-Missjoni Djoċesana tilħaq il-quċċata tagħha fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteru kbir tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù. Wara li l-Insara kollha tad-djoċesi tagħna jkunu fetħu l-bibien tal-familji tagħhom biex jilqgħu lil Ġesù u l-Kelma tiegħu fiż-żjajjar tal-missjunarji u fl-eżerċizzi tar-Randan, wara ż-żmien ta’ penitenza u konverżjoni, issa niċċelebraw flimkien ma’ Ġesù r-rebħa fuq il-mewt.

L-Għid il-Kbir jagħti bidu għaż-żmien ta’ ringrazzjament u proposta. Permezz tat-tberik tal-familji, il-kappillani u l-arċiprieti jħeġġu lill-insara biex isiru dejjem iżjed bnedmin tal-Kelma u tal-Ewkaristija.

“Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma”

Pietru jħares lejn Ġesù, jagħmel att ta’ fiduċja fiH, u l-istess ilma li fil-bidu kien theddida jinbidel għalih fi triq u f’post fejn seta’ jagħmel esperjenza ta’ ħelsien u tal-kobor ta’ Alla. Iva, meta nħarsu lejn Ġesù, hu jagħtina l-qawwa li nimxu f’nofs ta’ lejl fuq il-mewġ imqalleb tal-ħajja tagħna! L-esperjenza ta’ Pietru tagħmlilna ħafna kuraġġ: b’Ġesù magħna, nistgħu nibqgħu miexja qalb it-twegħir tal-ħajja mingħajr ma negħrqu.

Permezz tal-esperjenza tal-Missjoni Djoċesana, il-Knisja f’Għawdex tixtieq taqbadna minn idejna, tgħinna ninżlu mid-dgħajsa u minkejja l-maltemp li nkunu għaddejjin minnu tqarribna lejn Ġesù. Permezz tal-Missjoni Djoċesana, il-Knisja Għawdxija tixtieq tgħinna nżommu l-ħarsa tagħna fissa lejn Ġesù biex il-fiduċja tagħna fiH tkun akbar mill-biża’ tal-mewġ ta’ madwarna. Permezz tal-Missjoni Djoċesana, Ġesù jmidd idejh u jerfagħna meta bħal Pietru nibdew neżlin taħt l-ilma.

Għalhekk nixtieq inħeġġiġkom ilkoll biex tilqgħu bil-qalb u bil-fiduċja l-grazzja ta’ din il-Missjoni Djoċesana. Inħeġġeġ lis-saċerdoti u lir-reliġjużi kollha irġiel u nisa biex iħallu l-grazzja ta’ Alla taħdem fihom u jkunu għajn ta’ entużjażmu għall-insara l-oħra. Nistieden lill-membri kollha tal-Għaqdiet u l-Movimenti kattoliċi biex jagħrfu li huma magħżula u jħossu li huma msejħa biex jiġu mibgħuta ħalli jwasslu l-aħbar sabiħa ta’ Kristu fil-familji kollha tad-djoċesi tagħna. Inħeġġeġ lill-familji kollha ta’ rieda tajba biex meta jasal il-waqt jiftħu mhux biss il-bibien ta’ djarhom iżda wkoll il-bibien ta’ qalbhom, ħalli jkun jista’ jidħol Kristu.

Inqiegħed din il-Missjoni Djoċesana taħt il-protezzjoni ta’ Ġużeppi u Marija ta’ Nażaret. Ġużeppi, li tiegħu ċċelebrajna l-festa parrokkjali nhar il-Ħadd li għadda, u Marija mtellgħa fis-sema, li tagħha ser niċċelebraw il-misteru nhar il-Ġimgħa li ġejja, jgħallmuna u jgħinuna kif nilqgħu lil Ġesù bħal wieħed minn ta’ ġewwa.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, Rabat, Għawdex, illum, l-Erbgħa, 6 t’Awwissu 2008, Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej.

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex