IS-SAĊERDOT IĦALLI KOLLOX BIEX IKUN TA’ KRISTU GĦALL-KNISJA TIEGĦU
Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fl-okkażjoni tas-60 Sena Saċerdozju ta’ Mons Girgor Vella
Parroċċa Kerċem – Il-Ġimgħa 23 ta’ Mejju 2008

IS-SAĊERDOT IĦALLI KOLLOX BIEX IKUN TA’ KRISTU GĦALL-KNISJA TIEGĦU

Sittin sena ta’ ħajja saċerdotali mhijiex ċirkostanza li għanda tgħaddi mar-riħ, la għalik, għażiż Dun Girgor, u laqas għalija, li jiena wkoll bħalek il-Mulej sejjaħli biex inkun saċerdot. Min jaf x’jgħaddi minn moħħok u minn qalbek, għażiż Dun Girgor, meta titfa’ ħarstek lura fuq dawn is-sittin sena li għaddew! Min jaf x’faraġ għandek, anke jekk mhux nieqes il-mument tad-dulur! U jiena nixtieq ngħinek tagħmel din ir-riflessjoni – biex ma nsejħulhiex ukoll eżami tal-kuxjenza – fid-dawl tal-kelma ta’ Alla li għadha kif ixxandritilna, partikularment mill-Evanġelju.

“Il-ħdax telqu lejn il-Galilija”

Xi smajna fl-Evanġelju? Smajna li l-Ħdax telqu lejn il-Galilija. In-numru ħdax lili jfakkarni f’żewġ ffarijiet. L-ewwelnett li kienu dawk il-ħdax li Kristu ħa grazzja magħhom, sejħilhom, għamlilhom proposta; u l-Evanġelju jgħidilna li ħallew kollox u marru warajh.

Hekk għamilt int sittin sena ilu, u hekk għadu jagħmel kull min iwieġeb b’ġenerożità lill-Mulej li jsejjaħlu biex ikun saċerdot. Hekk għamlu dawn ħutna saċerdoti li llejla nġabru madwarek, u hekk nixtieq li jkomplu jagħmlu l-ġenerazzjonijiet li ġejjin, għax anke llum Kristu għadu jsejjaħ għas-saċerdozju. Anke llum Kristu għadu jitfa’ l-ħarsa tiegħu kollha mħabba fuq xi wħud. Forsi mhux dejjem għadu jsib dik ir-risposta ġeneruża u mhux dejjem isib dak l-ambjent li jiffavorixxi l-vokazzjoni, speċjalment il-vokazzjoni saċerdotali. U għalhekk f’din iċ-ċirkostanza tal-lum meta għandna saċerdot li qed jiċċelebra sittin sena saċerdozju, ilkoll kemm aħna għandna nħossuna msejħin biex b’mod jew ieħor nikkoperaw ma’ Kristu li llum ukoll għadu jgħid: “Il-ħsad huwa kbir imma l-ħaddiema huma ftit”. Ilkoll kemm aħna nistgħu ngħinu biex anke llum il-ġurnata l-Knisja ma tkunx nieqsa minn numru ta’ vokazzjonijiet.

Ipperseveraw fl-appostolat

In-numru ħdax ifakkarni li fil-bidu ma kienux ħdax. Kienu tnax, u dan ifisser li jekk kien hemm wieħed li nqata’ barra kien hemm ħdax li pperseveraw fid-dixxepolat tagħhom. Hekk għamilt int, għażiż Dun Girgor. Inti pperseverajt għal sittin sena, imma żgur li l-grazzja ta’ Alla kienet miegħek. Bħal kulħadd issib it-tfixkil u bħal kulħadd taħbat taqta’ qalbek; imma int għażilt li tibqa’ fidil għas-saċerdozju tiegħek.

Għeżież, itolbu għalina s-saċerdoti ħalli aħna wkoll nipperseveraw fil-vokazzjoni tagħna. Mhix ħaġa ħafifa li saċerdot jippersevera u jgħix b’fedeltà l-vokazzjoni tiegħu; però jien konvint li hawn ħafna li jħobbuna u li jsostnuna bit-talb tagħhom ħalli ma jiġrilniex bħal dak li l-Mulej sejjaħlu, qabad it-triq imma waqaf fin-nofs – biex ma ngħidx li abbuża mill-ħbiberija li kellu ma’ Ġesù u ttradieh.

Obdew anke jekk ma fehmux kollox

X’tgħidli aktar din is-silta tal-Vanġelu? Il-Vanġelu jgħidilna li dawn il-ħdax telqu lejn il-Galilija. Dan ifisser li dawn obdew lil Kristu li meta qam mill-mewt qal lin-nisa: “Morru għidu lid-dixxipli biex imorru l-Galilija; lili jarawni hemmhekk”. Dawn il-ħdax obdew lil Kristu, qagħdu għall-kelma tiegħu anke jekk ma fehmux kollox, tant li l-vanġelu jgħid li xi “wħud minnhom iddubitaw”.

Anke din hija karatteristika importanti tas-saċerdozju Kattoliku: li aħna nissottomettu r-rieda tagħna għar-rieda ta’ Alla. Aħna ma nagħmlux voti bħal ma jagħmlu ħutna r-reliġjużi, li jagħmlu l-voti tal-kastità, tal-faqar u tal-ubbidjenza. Aħna s-saċerdoti nagħmlu wegħda li hija dik tal-ubbidjenza. Anke din mhix xi ħaġa ħafifa, u għalhekk inħeġġeġ għat-talb tagħkom biex aħna mhux biss inkunu fidili għal din il-wegħda imma biex aħna nkunu ta’ eżempju tajjeb.

“Marru fuq il-għolja u nxteħtu jadurawh”

Imbagħad hemm ħaġa oħra fil-Vanġelu li naraha karatteristika tas-saċerdozju: “il-ħdax marru fuq il-għolja u nxteħtu jadurawh”. Fi kliem ieħor huma daħlu f’dik l-attitudni ta’ talb u ta’ adorazzjoni quddiem il-misteru ta’ Alla. Il-vokazzjoni tagħna l-ewwel u qabel kollox hija vokazzjoni li, kif jgħid l-awtur ta’ l-ittra lil Lhud, aħna meħudin minn fostkom mhux għax għandna xi vokazzjoni speċjali imma għaliex il-Mulej għoġbu jagħtina din il-missjoni li aħna nidħlu għalikom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla.

Għażiż Dun Girgor, min jaf kemm għamilt affarijiet tajbin f’dawn is-sittin sena: ħamsa u għoxrin sena kappillan, tlieta u tletin sena oħra bħala kanoniku fil-Knisja Kattidrali tagħna… flimkien ma’ tant impenji oħra. Dan kollu sewa ta’ ġid daqskemm int għaraft titlob, tinxteħet quddiem Alla biex titlob għall-poplu li l-Mulej afdalek u li int bħal kanoniku tal-Kattidral stajt twettaq. Intom tafu, għeżież tiegħi, li l-kanoniċi tal-Kattidral tagħna jiltaqgħu kuljum inkluż darbtejn kull nhar ta’ Ħadd biex jitolbu, u jitolbu għalina lkoll.

“Morru fid-dinja kollha”

L-aħħar karatteristika li jnebbaħni l-Vanġelu tal-lum hija dik ta’ meta Ġesù lill-appostli qalilhom: “Morru fid-dinja kollha u għallmuhom il-Vanġelu”. Dimensjoni importanti tal-ħajja saċerdotali hija il-katekiżmu. Int, Dun Girgor, kont tagħmel il-katekiżmu ta’ nhar ta’ Ħadd. Però mhux dan biss. Int kont impenjat f’diversi għaqdiet Kattoliċi, u jien nara lilek impenjat anke fl-apostolat tal-lajċi. Itolbu għalina f’dan ir-rigward. Hemm ċertu xogħol li jista’ jagħmlu kulħadd, imma hemm xogħol li jekk ma nagħmluhx aħna s-saċerdoti ma jistax isir. Fost dan hemm il-mandat li tana Kristu biex nxandru l-Bxara t-Tajba u li ngħinukom tgħixuha f’ħajjitkom.

Dawn huma erba’ noti mill-vanġelu dwar il-ħajja saċerdotali li jiena ċert li inti wettaqthom b’responsabiltà, biex ma ngħidx ukoll bi skrupulożità. Dawn huma erba’ noti li nipproponihom lilna lkoll saċerdoti hawn miġbura, ħalli nkomplu nagħmlu l-ġid fuq l-eżempju tiegħek, għażiż ħija fis-saċerdozju Dun Girgor.