L-Isqof Mario Grech jiltaqa’ mas-saċerdoti Maltin f’Detroit

Bishop's Pastoral Visit in Detroit, USA

L-Isqof Mario Grech, li bħalissa jinsab fuq żjara pastorali f’Detroit u Toronto, nhar l-Erbgħa 23 ta’ April kellu l-ewwel appuntament tiegħu ma’ grupp ta’ saċerdoti Maltin li qed jaħdmu f’Detroit.

Huwa kien milqugħ minn Fr Joe Mallia, iben ġenituri Maltin li kienu emigraw snin ilu fl-Amerika. Fr Mallia llum huwa kappillan tal-Parroċċa Santa Frangiska Cabrini. Hija parroċċa attiva ħafna, li tinkludi żewġ skejjel li jilqgħu madwar 1500 student. Fr Mallia, li huwa responsabbli mill-ħidma pastorali fost il-komunità Maltija f’Detroit, laqqa’ lill-Isqof ma’ xi saċerdoti Maltin, fosthom Fr Anthony Camilleri, Amerikan iben ta’ ġenituri Maltin, li kien l-uniku saċerdot ordnat is-sena l-oħra fl-arċidjoċesi ta’ Detroit. Għal din il-laqgħa kienu preżenti Fr Robert Cini tas-Soċjeta Missjunarja ta’ San Pawl, Fr John Saliba, Ġizwita, u Fr Joe Briffa – it-tlieta huma kappillani f’parroċċi diversi. L-Isqof Grech fisser l-apprezzament tiegħu għall-ħidma siewja li dawn is-saċerdoti qegħdin iwettqu f’Detroit, u nnota b’sodisfazzjoni kemm il-Knisja f’pajjiżna tat kontribut lill-Knisja fl-Amerika bil-preżenza ta’ saċerdoti bħal dawn.