MARIJA: XANDÂRA TAT-TAMA
Omelija waqt iċ-ċelebrazzjoni “Is-siegħa ta’ l-Omm”
Santwarju Ta’ Pinu - Sibt il-Għid (22 ta’ Marzu 2008)

Dalgħodu [is-Sibt 22 ta’ Marzu 2008] fis-Santwarju Ta’ Pinu, Mons Isqof Mario Grech mexxa “Is-siegħa ta l-Omm” - ċelebrazzjoni Marjana li ssir f’Sibt il-Għid. L-insara jakkumpanjaw bit-talb lil Marija, Omm il-Knisja, li f’dan il-jum għexet l-akbar prova tal-fidi u tar-rabta tagħha ma’ Alla. Mons Isqof għamel din l-omelija.

MARIJA: XANDÂRA TAT-TAMA

Hekk hu l-bniedem! Inġbarna f’dan is-Santwarju dalgħodu biex nissieħbu ma’ Marija Addolorata wieqfa ma’ Kristu msallab; nakkumpanjawha hija u tikkontempla lil Alla li sar bniedem u kien imsallab għalina u issa jinsab fil-qabar.

Il-proċess politiku

Kristu huwa fuq is-salib għax għadda minn proċess politiku. L-awtoritajiet politiċi ħassewhom skomdi bi Kristu. Wara li għajruh, żebilħuh u sawtuh, ħelsu minnu billi tawh għall-mewt. Nistħajjel li fil-jum tas-Sibt, il-għada li sallbu lil Ġesù, l-awtoritajiet politiċi waqfu jirriflettu dwar il-konsegwenzi xejn sbieħ ta’ kliemhom u għemilhom!

Bħala Knisja aħna fid-dover li nagħmlu riflessjoni fuq proċess politiku li għadna kif għaddejna minnu biex naraw jekk f’dak il-proċess il-bniedem kienx vittma. Kellna proċess politiku mmarkat b’ħafna tgħajjir u żebliħ. Dan qed ngħidu għal kulħadd. Kellna proċess li kkawża weġgħat u għamel ħafna vittmi, mhux biss lill-atturi li ħadu sehem f’dan il-proċess, imma wkoll lill-familji tagħhom. Nistgħu nibqgħu indifferenti quddiem dan kollu, qisu ma ġara xejn? Hekk hu l-bniedem!

Il-proċess reliġjuż

Il-bniedem imsallab, u l-Vergni Marija wieqfa ħdejh, huwa dak li għadda minn proċess reliġjuż. Kristu kien miċħud u msallab ukoll mill-Kapijiet reliġjużi ta’ żmienu, mit-Tempju ta’ żmienu. Naħseb li huwa dmir tagħna llum li naraw jekk fil-“proċess reliġjuż” li sar matul l-40 jum tar-Randan imqaddes li suppost għexna b’intensità spiritwali, kienx proċess li ħalla “vittmi” warajh. Suppost li kien proċess ta’ konverżjoni. Kulħadd, lajċi u saċerdoti, konna msejħin nagħmlu konverżjoni. Anke l-istess strutturi ekkleżjali kellhom dan iż-żmien tal-grazzja biex jikkonvertu. Imma x’inhu r-riżultat ta’ dan il-proċess ta’ konverżjoni? Fil-bidu tar-Randan, jiena u l-Arċisqof Cremona għamilnilkom appell imqanqal u staqsejnikom: x’qegħdin tfittxu … xi tridu? Nittama li dan iż-żmien ta’ grazzja li għadda swielna biex stajna nsiebu tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet eżistenzjali. Altrimenti, jekk aħna m’għamilniex profitt minn dan, kien żmien ta’ grazzja li ntilef u ser jiżdiedu l-weġgħat u l-vittmi ta’ żmienna, għax il-bniedem li ma jikkonvertix jibqa’ fid-dnub, u d-dnub huwa kawża ta’ tbatija għal min jagħmlu, għall-proxxmu tiegħu u għal Alla. Hekk hu l-bniedem! Hekk hu int u jien!

Marija: memorja u profezija

Imma għalkemm mal-mewt ta’ Kristu waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu (Mt 27,45), il-Verġni Mbierka, li llum qegħdin insieħbu f’dan il-Jum tas-silenzju, mhix il-mara tad-dlam u lanqas il-mara tal-mewt; imma hija l-mara li għalkemm qalbha midruba għandha qalb tfawwar bit-tama. Marija tikseb din it-tama għax f’waqtiet iebsin bħal dawn hija qed tagħmel memorja tal-kliem u l-assigurazzjoni li Kristu ta f’ħajtu, għad li ma kienx mifhum. “Ħottu dan it-tempju u fit-tlett’ijiem nerġa’ intellgħu” …. “jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, ma tistax tagħti l-ħajja” … “ħajti ħadd ma jeħodhieli, imma nagħtiha jien minn rajja biex nerġa’ neħodha lura”. Kliem bħal dan u ħafna ieħor jixxiebaħ li ħareġ minn fomm Kristu, nistħajlu għaddej mill-qalb u l-moħħ tal-Verġni Marija biex f’din is-siegħa tad-dlamijiet hija tibqa’ tittama kontra kull tama. It-tama tagħha mhix vojta għax għada maż-żerniq hija tista’ tara t-twettieq tal-wegħda li għamel Kristu: li l-ħajja tirbaħ fuq il-mewt, li l-imħabba tirbaħ fuq il-mibgħeda, li l-paċi tirbaħ fuq il-vjolenza.

Hekk dik il-memorja tal-Kelma t’Alla li Marija qegħda tagħmel bħalissa ssir għaliha riżorsa ta’ profezija. Hekk il-Kelma t’Alla mhux biss tibni lil Marija u żżommha wieqfa ħdejn Binha msallab, imma tagħmilha xandâra tat-tama tal-bniedem tal-lum li wkoll huwa msallab.

Sejħa biex niċċelebraw il-Kelma

Għalhekk inġbarna hawnhekk illum f’dan is-Santwarju: smajna l-Kelma t’Alla, kantajna flimkien is-Salmi. Kemm nixtieq li din ma tkunx esperjenza iżolata għal-lum biss! Din is-sena qegħdin infakkru il-125 sena minn meta seħħet dik il-ġrajja meta Carmela Grima semgħet lil Marija ssejħilha: “Ejja … ejja … f’din il-kappella”. Marija għamlet sejħa lil Carmela biex tisma’ l-Kelma u biex toqgħod fil-preżenza tal-Kelma fl-Ewkaristija. Carmela kellha stedina biex tiġi tiċċelebra l-Kelma fil-Knisja, jiġifieri fl-assembleja liturġika. L-istedina li waslet lil Carmela tasal lil kull wieħed u waħda minna. Hekk tkun din il-Kelma li f’mumenti tqal tal-ħajja żżommok wieqaf; tkun din il-Kelma li tgħinek tgħix il-misteru tat-tbatija u tal-mewt; tkun din l-istess Kelma li tgħinek tagħmel esperjenza tal-Qawmien.

Nixtieq li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ikunu għalina ta’ stimolu biex inkomplu niskopru ċ-ċentralità tal-Kelma t’Alla f’ħajjitna. Hija din il-Kelma li ħarġet mill-qabar dakinhar ta’ l-Għid ta’ Kristu li tista’ tagħtina l-forza biex il-Knisja tal-lum tkun tassew profetika u nkunu nistgħu nagħtu kontribut f’dak il-proċess li għaddej kontinwu biex il-bniedem ma’ jibqax jigi mgħajjar, imneżża’ mid-dinjità tiegħu, imsallab; … imma kull bniedem jagħraf isib kull appoġġ biex jgħix b’dik id-dinjità li biha żejnu Alla fil-ħolqien – b’dik id-dinjità redenta minn Kristu bil-mewt u l-qawmien tiegħu. Amen.