Waqt quddiesa li saret nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Marzu fl-okkażjoni tal-festa tad-Duluri fir-Rabat, Għawdex l-Isqof Mario Grech qal li kif l-Addolorata batiet meta laqgħet fi ħdanha l-ġisem mejjet ta’ binha Ġesù, hekk illum id-duluri tagħha joktru meta bħala Omm hija tħaddan lil kull bniedem li bħal Kristu huwa vittma.
Kristu kien vittma ta’ l-injoranza reliġjuża: kien miċħud u msallab għax ma għarfuhx bħala l-Iben t’Alla. Anke fi żmienna, il-bniedem nieqes mill-għarfien dwar Alla jasal biex jirreżisti u jeskludi lil Alla mill-ħajja tiegħu personali u soċjali. Għalhekk, kif għidna aħna l-Isqfijiet fil-Pastorali tar-Randan, fostna hija meħtieġa evanġelizzazzjoni ġdida biex nikbru fil-ħbiberija tagħna ma’ l-Evanġelju. Il-komunità nisranija ma tistax tibqa’ aktar sajma mill-Kelma t’Alla, għax inkella l-pajjiż jaddotta direzzjoni li tbewweġ lil Alla.
Kif Kristu kien vittma tal-vjolenza li użat fuqu s-soċjetà ta’ żmienu, hekk ukoll il-bniedem tal-lum huwa oġġett ta’ qawwiet vjolenti. Għamla ta’ din il-vjolenza huwa t-traffikar notorju tad-droga. Fis-soċjetà ta’ madwarna teżisti t-theddida tad-droga li tolqot mhux biss liż-żgħar imma ukoll lill-kbar. Għandna min għax għandu interess li jagħmel il-qliegħ ma għandux skrupli li joqtol mhux biss lill-individwi imma wkoll lil tant familji u jmermer il-fibra soċjali. Sfortunatament teżisti omertà grassa għax ħafna jippreferu jibqgħu fil-muta u hekk jikkooperaw indirettament ma’ min qed joħloq aktar vittmi ġodda. Marija, Omm il-bnedmin, ma tistax tirrifjuta li tilqa’ fi ħdanha lil dawn il-vittmi u hekk id-duluri tagħha jibqgħu jiżdiedu.
Min huwa verament devot tad-Duluri ma jistax jibqa’ indifferenti quddiem dawn iż-żewg feriti tas-soċjetà: l-injoranza reliġjuża u d-droga.