Fi tmiem Via Crucis li saret il-bierah, il-Ħadd 16 ta’ Marzu 2008 fuq l-għolja t’Għammar quddiem is-Santwarju ta’ Pinu, fil-messaġġ tiegħu l-Isqof Mario Grech fisser li l-“Mixja tas-Salib” hija espressjoni tal-mixja tal-bniedem wara Kristu. Imma mhux biżżejjed li wieħed jimxi fuq il-passi ta’ Kristu b’mod esterjuri biss; hija meħtieġa mixja interjuri. Li wieħed jimxi fit-triq wara vara ta’ Kristu jew wara s-salib ifisser ftit li xejn. Id-dixxiplu veru huwa dak li jfassal ħajtu u jagħmel għażliet imnebbħa mill-valuri ta’ l-Evanġelju. Għalhekk dak li jrid isegwi lil Ġesù huwa dak li jisma’ l-Kelma tiegħu u jipprova jwettaqha f’ħajtu.
Għalina li tlajna din l-għolja t’Għammar jgħodd kliem is-Salmista: “Min jista jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej?… Min għandu idejh indaf u qalbu safja … min ma jaħlifx fil-qerq” (Salm 24).
Xejn ma jiswa li tlajna l-muntanja jekk m’għandniex idejna ndaf. Għandu jdejh indaf min idejh m’humiex vjolenti u ħfief biex isawtu, min idejh m’humiex magħluqa imma miftuħa, min ma jħaddimx idejh minn taħt biex jinganna, min idejh m’humiex imċappsin bil-korruzzjoni.
Xejn ma jiswa li tlajna fuq din l-għolja jekk f’qalbna m’hemmx safa, imma mibegħda, qilla, għira, ipokrisija, gideb.
Nitlob lill-Mulej biex matul il-Ġimgħa Mqaddsa li bdejna llum, bis-sehem tagħna fil-Liturġija nilqgħu l-grazzja tal-konverżjoni, biex permezz ta’ ħajja interjuri mġedda nkunu nistgħu noqogħdu fil-“post imqaddes t’Alla”.