Messaġġ fl-okkażjoni taċ-Ċerimonja ta’ l-Għoti tal-Premju “Qalb tad-Deheb” (Lukanda Ta’ Ċenċ, 26 ta’ Jannar 2008)

Fl-okkażjoni taċ-Ċerimonja ta’ l-Għoti tal-Premju “Qalb tad-Deheb”, organizzata mill-Moviment ta’ Kana f’Għawdex nhar is-Sibt 26 ta’ Jannar 2008 fil-Lukanda Ta’ Ċenċ, ċerimonja li għaliha kien preżenti l-President ta’ Malta Dr E. Fenech Adami u s-Sinjura tiegħu, Mons Isqof Mario Grech wassal dan il-messaġġ:

“Nifhem li jkun xieraq jekk fl-okkażjoni tal-festa tal-familja niffukaw ftit l-attenzjoni tagħna fuq l-ulied li huma l-aqwa ġid tal-familja u tas-soċjetà; huma l-futur tas-soċjetà u tal-Knisja.

Id-dinjità tal-persuna tat-tfal

Jekk il-miżżewġin m’għandhomx dritt li jkollhom l-ulied għax it-tfal huma rigal t’Alla l-Ħallieq, l-ulied għandhom dritt għall-familja. Infatti l-familja toffri dak l-ambjent naturali fejn l-ulied jistgħu gradwalment jikbru fl-għarfien ta’ l-identità tagħhom u fil-maturazzjoni affettiva, psikoloġika, morali u spiritwali. It-tifel mhux realtà bioloġika biss, imma huwa realtà antropoloġika. Biex il-persuna umana tikber fid-dinjità tagħha teħtieġ nisġa ta’ relazzjonijiet affettivi li jagħtuha l-possibilità li tagħti u tirċievi. Fil-każ tagħna l-bnedmin, dan il-proċess ta’ soċjalizzazzjoni jibda sa mill-mument li t-tarbija tkun għadha fil-ġuf: it-tarbija mhix sempliċi prodott naturali ta’ attività bioloġika, imma hija l-frott uman tar-rieda ta’ żewġ persuni.  Barra minn hekk, sa mill-mument li tkun għadha fil-ġuf, it-tarbija ssib ruħha involuta fi proċess ta’ komunikazzjoni psikika ma’ l-omm. Hija dik il-kapaċità li tagħmel mill-fetu persuna umana. Il-persuna umana tibda teżisti mill-mument tat-tnissel u mhux issir maż-żmien. Għalhekk, l-aħjar mod biex jiġu mħarsa t-tfal u d-drittijiet tagħhom huwa billi jkollna liġijiet li verament jipproteġu l-familja mibnija fuq iż-żwieġ.

Id-drittijiet tat-tfal

Da parti tagħha, il-familja kif ukoll dawk l-istituzzjonijiet li jassistu l-familji fil-formazzjoni u l-kura ta’ l-ulied, bħalma huma l-iskejjel, iġorru fuq spallejhom id-dmir li jħarsu u jippromwovu d-drittijiet tat-tfal. Huwa allarmanti li llum għadhom isiru allegazzjonijiet li f’ċerti istituzzjonijiet, bħalma huma xi familji u xi skejjel, għad hemm min jagħmel vjolenza fiżika u morali fuq it-tfal. Inċidenti bħal dawn għandhom jiġu denunzjati lill-awtorità.

Sfortunatament mhux it-tfal kollha jitwieldu fil-familja; u l-lassiżmu morali ta’ żmienna, li kull ma jmur qed isib minn irewwaħlu, anke bi flus il-poplu, wassal biex dawn il-każi kotru. Filwaqt li rridu nirrikonoxxu li għandna ġenituri u/jew ommijiet mhux miżżewġa li jirrikonoxxu t-tarbija tagħhom u jaċċettaw li jrabbuha, hemm każi fejn it-tarbija tingħata għall-adozzjoni. 

L-adozzjoni

L-adozzjoni huwa istitut legali antik ħafna li jmur lura għad-Dritt Ruman. F’pajjiżna sa l-1962, il-Liġi kienet intiża biex tipprovdi werriet lill-adottandi li ma jkollhomx ulied naturali. Kien żmien meta kien għadu jipprevali l-ħsieb li l-miżżewġin għandhom dritt għall-ulied u l-liġi aktar kienet tiffavorixxi l-interessi ta’ l-adottandi milli tal-persuna adottata. Bl-emendi għal-Liġi li saru fl-1962, inbidel il-kunċett: il-liġi ta’ l-adozzjoni bdiet tħares l-interessi ta’ l-adottat. Hekk il-persuna adottata titqiegħed f’familja li tgħożżha u tagħtiha trobbija fi ħdan il-familja stess.

Fil-preżent qed jerġa’ jinħass il-bżonn li jerġgħu jsiru xi emendi għall-istess Liġi ta’ l-Adozzjoni.  Għandi fiduċja li l-Leġiżlatur qabel ma jagħmel xi tibdil jistudja attentament l-emendi li hemm bżonn isiru.  

Hekk, per eżempju, ikun xieraq jekk isir studju dwar il-proċess ta’ kif issir l-adozzjoni. Importanti li jkun hemm Awtorità serja u indipendenti li taċċerta li l-adozzjoni tkun tassew ser isservi ta’ ġid għall-adottat; fl-istess ħin, filwaqt li jkun aċċertat li l-adottat ser jirċievi l-aħjar trattament mill-familja adottandi, wieħed jista’ jikkunsidra kif każi bħal dawn jiġu trattati b’massima diskrezzjoni. Huwa fatt li jista’ jkun hemm min, biex jevita li l-proċeduri jesponuh ħafna, jagħmel għażliet oħra, mhux eskluż l-abort.

Wieħed jittama li jibqa’ mħares il-prinċipju li d-dritt għall-adozzjoni jibqa’ jiġi rikonoxxut lill-koppji, raġel u mara, miżżewġin. 

Probabbli li l-Leġiżlatur jista’ jkollu tensjoni bejn li jirrikonoxxi d-dritt tal-ġenitur/i naturali li jagħżel hu lil min tiġi afdata t-tarbija, dejjem bil-permess ta’ l-Awtorità li għandha tħares l-interess ta’ l-adottant; jew li jattribwixxi setgħat lill-Awtorità biex tkun hi li tassenja lil min it-tarbija tingħata għall-adozzjoni.

Wieħed jifhem li l-adottat maż-żmien xi darba jħoss il-ħtieġa li jkun jaf il-ġenitur/i naturali tiegħu jew tagħha; min-naħa l-oħra, il-ġenitur naturali ġie li jkun irid jiltaqa’ mal-wild naturali li hu/hi jkunu taw għall-adozzjoni Nistaqsi jekk dawn humiex drittijiet assoluti. Ikkunsidrati ċ-ċirkustanzi li jitnisslu wara li ssir l-adozzjoni, forsi jkun aktar opportun illi f’każijiet bħal dawn ikun hemm Awtorità li, wara li tivverifika r-rieda ta’ dawk kollha involuti – l-adottant, l-omm naturali, genituri adottivi, – tara x’ikun fl-aħjar interess ta’ l-adottand u tagħti deċizjoni.

Nawgura li fis-soċjetà tagħna joktor l-interess u l-impenn f’kull settur favur il-familja, partikularment favur it-tfal.”