RELATIVIŻMU ETIKU RAMPANTI (Omelija fil-festa ta Sant’ Anton Abbati, Xagħra - 20 ta’ Jannar 2008)

Il-bieraħ (il-Ħadd 20 ta’ Jannar 2008) kienet iċċelebrata l-festa ta’ Sant’Anton Abbati fix-Xagħra, Għawdex. Waqt konċelebrazzjoni mmexxija mill-Isqof M. Grech fil-bażilika tax-Xagħra, l-isqof għamel din l-omelija:

RELATIVIŻMU ETIKU RAMPANTI

Ikkunsidrati ċ-ċirkustanzi ta’ żminijietna, f’pajjiżna l-Knisja u s-soċjetà għandhom bżonn ta’ xi wħud li jkunu jixbħu lil Sant’Anton Abbati. Fi żmien Sant’Anton Abbati kien iċċelebrat l-Ewwel Konċilju ta’ Niċea li ħadha kontra l-Arjaniżmu: ħsieb li kien jiċħad li Kristu kien l-Iben t’Alla; u l-isqof Atanasju ta’ Alessandrija sejjaħ lil Sant’Anton biex kontra dan it-tagħlim żbaljat iwassal il-verità.

Fis-soċjetà tagħna ġie li jinstema’ kliem li jagħti l-impressjoni li qed noqorbu lejn ereżija mhux biss kontra Alla imma wkoll kontra l-persuna umana. Forsi ma nisimgħux b’min jiċħad id-divinità ta’ Kristu, imma nisimgħu b’min jipprova jiskredita lid-dixxipli u lill-Knisja tiegħu.

Għandu jħassibna l-fatt li f’pajjiżna xi ħassieba jidhrilhom li min għandu konvinzjonijiet Kristjani ma jistax ikun oġġettiv fil-ġudizzju tiegħu. Jitkellem hekk min hu preġudikat kontra l-fidi nisranija. Proprju għax jirraġuna, in-nisrani jemmen fil-veritajiet tal-fidi; proprju għax jemmen f’Alla, bid-dawl tal-fidi n-nisrani jagħraf aħjar dak li tgħidlu r-raġuni umana. Ir-raġuni u l-fidi ma humiex kontra xulxin imma jgħinu lil xulxin.

Il-fatt li hawn min donnu jrid jifred ix-xjenza mill-etika huwa perikoluż ħafna. Xjenza divorzjata mill-etika ssir għamja u bla ruħ u titħaddem mingħajr dawk il-prinċipji li jistabilixxu x’inhu t-tajjeb u x’xinhu l-ħażin. Mhux dak kollu li xjentifikament huwa possibbli huwa ta’ veru ġid għall-bniedem! Ftit ilu, il-Papa Benedettu XVI qal lix-xjenzjati li l-kisbiet ġodda tal-bioetika m’għandhomx iwasslu biex issir għażla bejn ix-xjenza u l-etika, imma pjuttost biex isir użu morali tax-xjenza (ara Diskors lill-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditati fis-Santa Sede, 7 ta’ Jannar 2008).

Hawn min iżomm li bħala bnedmin m’għandniex morali waħda, imma diversi sistemi morali. Dan jispjega għaliex ir-relativiżmu etiku huwa rampanti fis-soċjetà tagħna. Hawn min jgħid li dan ir-relativiżmu huwa meħtieġ f’demokrazija għax huwa garanzija ta’ tolleranza u rispett reċiproku. Imma jekk dan huwa minnu, ikun ifisser li il-maġġoranza tal-mument isir l-għajn ta’ x’inhu sewwa. L-istorja tixhed li dan mhux kriterju tajjeb. Hija r-raġuni umana li għandha tgħinna niskopru l-verità li hija waħda. Parti minn din il-verità huma dawk il-prinċipji etiċi magħrufa bħala liġi morali naturali mogħtija mill-Ħallieq. Din il-liġi naturali tagħti garanzija vera li l-libertà u d-dinjità ta’ kull persuna jkunu rrispettati u li kull individwu jkun imħares milli jiġi manipulat minn xi ħadd jew minn xi ideoloġija. Kif jispjega l-Papa, l-istess relativiżmu etiku jew l-ammissjoni ta’ diversi moralitajiet ifieri l-ordinament demokratiku fil-pedamenti tiegħu (Ara Diskors lill-membri tal-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, 3 ta’ Ottubru 2007).