GĦADDASNA FIL-MISTERU TA’ ALLA (Pussess Dun Nazju Borg, 13 ta’ Jannar 2008)

dunnazjupusses3.jpg 

Dalgħodu, il-Ħadd 13 ta’ Jannar 2008, fil-parroċċa ta’ San Lawrenz, Għawdex, l-Isqof t’Għawdex Mario Grech mexxa konċelebrazzjoni li fiha ta l-pussess tal-parroċċa lil Dun Nazju Borg, Kappillan ġdid ta’ l-istess parroċċa.  Fl-omelija, l-Isqof wassal dan il-messaġġ:

GĦADDASNA FIL-MISTERU TA’ ALLA 

Il-Kappillan: kollaboratur ewlieni ta’ l-Isqof

Kif smajna fit-tħabbira ta’ l-Evanġelju, wara li Ġwanni l-Battista għaddas lil Kristu fl-ilma, “mis-smewwiet instema’ leħen jgħid: ‘dan huwa Ibni l-għażiż; fih sibt l-għaxqa tiegħi’.” (Mt 3,17) Dik l-affermazzjoni li l-Missier għamel dwar Ġesù, illum jien nixtieq nagħmilha fuq dan il-kappillan il-ġdid u nassigurah li huwa ibni l-għażiż u li fih sibt l-għaxqa tiegħi. Bħala isqof dan il-kliem ngħidu fuq kull wieħed mill-kappillani kollha tad-djoċesi hawn preżenti, għax huma l-kollaboraturi ewlenin tiegħi biex nista’ nwettaq il-ministeru pastorali tiegħi mal-poplu t’Alla afdat lili. 

Din iċ-ċelebrazzjoni ta’ dalgħodu, meta Dun Nazju Borg qed jagħti bidu uffiċċjali għall-ministeru tiegħu ta’ kappillan tal-parroċċa ta’ San Lawrenz, hija ġrajja importanti ħafna mhux biss għal din il-parroċċa, imma għall-Knisja Lokali kollha. Nassigurakom li għalija l-ħatra ta’ kappillan hija waħda mill-aktar deċiżjonijiet tqal u sbieħ li rrid nagħmel bħala isqof tagħkom. Hija għażla li titlob minni riflessjoni, konsultazzjoni ma’ min jiena fid-dmir li niddiskuti miegħu, u talb. Hija għażla li tgħabbini b’responsabilità għax nemmen li mill-ministeru ta’ kappillan tiddependi l-hajja tal-knisja li tgħammar fost il-familji tal-komunità parrokkjali; u nħossni grat ħafna għal dawn ħuti s-saċerdoti li b’responsabilità jaċċettaw li jidħlu għal dan l-uffiċċju pastorali.

Is-Sagrament tal-Magħmudija jdaħħalna f’komunità

Il-Kelma t’Alla li waslitilna llum tkellimna dwar il-magħmudija ta’ Ġesù fil-Ġordan. Huwa provvidenzjali li l-inawgurazzjoni tal-missjoni tal-kappillan il-ġdid qed issir illum, festa tal-magħmudija tal-Mulej. Għaliex is-sagrament tal-magħmudija huwa l-pedament tal-ħajja nisranija kollha, l-għatba tal-ħajja ta’ l-Ispirtu, il-bieb li minnu ngħaddu għas-sagramenti l-oħra. Il-magħmudija tagħmilna membri tal-Ġisem ta’ Kristu, iddaħħalna fil-Knisja. Huwa għalhekk li l-fonti tal-Magħmudija jissejjaħ ukoll il-“ġuf tal-Knisja” – għax minnu jitnisslu ulied ġodda għall-Knisja. Infatti fil-knejjes parrokkjali biss wieħed isib il-battisteru: il-fonti tal-magħmudija jdaħħlek f’komunità parrokkjali partikulari. 

Dwar dan irrid nirrimarka li fil-Knisja Lokali mhux kulħadd għadu fehem din id-dimensjoni ekkleżjali tal-magħmudija. L-ewwelnett, meta nitgħammdu fil-Knisja Kattolika, aħna nsiru membri tal-Knisja ta’ Kristu li tinsab fil-Knisja Kattolika mmexxija mis-suċċessur ta’ San Pietru u mill-isqfijiet f’għaqda miegħu (Lumen Gentium, 8). Dan jimplika li bħala mgħammdin aħna nilqgħu l-Knisja kif tassew hi u mhux kif nixtiequha li tkun!  Imbagħad, il-fatt li jkun hemm koppji li għal ebda raġuni jagħżlu li ma jgħammdux it-trabi tagħhom fil-knisja parrokkjali proprja, jindika li għadna ma fhimniex kemm iċ-ċelebrazzjoni tal-magħmudija hija importanti fil-ħajja tal-komunità parrokkjali! Għalhekk huwa urġenti li niskopru l-valur teoloġiku u pastorali tal-magħmudija fil-parroċċa.

Il-magħmudija ddaħħalna fil-Misteru tat-Trinità

Il-Kelma tal-lum tnebbaħni li l-missjoni tal-kappillan tixbaħ lil dik ta’ San Ġwann l-Għammiedi: kif Ġwanni għaddas lil Kristu fl-ilma tal-Ġordan, hekk il-kappillan huwa dak li jgħaddas lil kull membru tal-komunità fl-“ilma tal-ħajja”.
Imma qabel ma jidhol għal dan l-impenn xejn ħafif, il-kappillan jeħtieġ li jgħin lill-bniedem tal-lum joħroġ minn dak l-ilma mdardar jekk mhux ukoll mill-ħama li qed jogħdos fih.  Meta nħares lejn il-poplu t’Alla f’Għawdex, nara ċerta imġieba u nisma’ ċertu kliem li jindika li hemm min qed jogħdos fl-egoiżmu, fl-iżball, fil-mibegħda, f’atteġġjamenti li jġibu l-firda. Hemm min niżel fid-dnub. Hemm min qed jogħdos f’reliġjożità li hija mingħajr fidi. Persuni bħal dawn għandhom bżonn ta’ xi ħadd li  mhux jgħaddashom aktar ’l isfel, imma li jnewlilhom idejh biex jgħinhom joħorġu minn dan l-ilma maħmuġ li jifga u joqtol; dawn jeħtieġu lil min jgħinhom jerfgħu rashom biex ikunu jistgħu jimlew il-pulmun b’nifs safi.  

Il-kappillan huwa dak li jgħaddas lill-bniedem fil-misteru t’Alla li deher fostna u kellimna permezz ta’  Ibnu, Ġesù Kristu. F’soċjetà sekularizzata bħal din huwa urġenti li l-kappillan jaġixxi biex jiffaċilita l-possibilità li l-bniedem jogħdos fil-misteru tat-Trinità Qaddisa u hemm jagħmel esperjenza ta’ l-imħabba vera. Fi kliem  San Pawl, meta wieħed jogħdos fl-ilma tal-magħudija, wieħed jilbes lil Kristu (Gal 3,27). Għalhekk huwa importanti li l-kappillan mhux biss iħejji tajjeb lil dawk li jkunu ser jirċievu l-magħmudija flimkien mal-ġenituri u parrini li jkunu ser iressqu t-trabi għall-magħmudija, imma wkoll li jgħin lill-komunità parrokkjali tiskopri u tgħix il-magħmudija tagħha. Kif kien stqarr il-Papa Ġwanni Pawlu II fl-Eżortazzjoni Apostolika  Tertio Millennio Ineunte, fil-bidu ta’ dan il-millennju ġdid il-Knisja għandha tfittex tiskopri s-sagrament tal-magħmudija bħala fundament tal-ħajja nisranija (ara n. 41). Ħafna nsara jinsew x’inhuma l-impenji li joħorġu mill-magħmudija tagħhom; oħrajn saħansitra jinsew li huma mgħammdin.  Is-sejba mill-ġdid tal-magħmudija sseħħ billi l-komunità parrokkjali tipprovdi itinerarji ta’ katekeżi għall-adulti. Fil-Knisja neħtieġu katekumenat. Il-katekumeni huma dawk li kienu jidhlu f’mixja ta’ katekezi bi tħejjija għall-magħmudija. Fl-ispirtu ta’ dawk, nara lilna lkoll imgħammdin li jeħtieġilna nniżżlu l-għeruq tagħna fil-magħmudija tagħna biex hekk nogħdsu f’Alla.

Nagħrfu aktar il-Misteru tal-Knisja

Il-Kappillan huwa dawk li jgħaddas lin-nisrani fil-misteru tal-Knisja, li hija sinjal u strument ta’ l-għaqda intima ma’ Alla u ta’ l-għaqda flimkien tal-ġens kollu tal-bnedmin. Għal xi wħud il-Knisja hija klabb soċjali b’għanijiet filantropiċi. Imma din mhix il-Knisja ta’ Kristu, għax il-Knisja li waqqaf Kristu fiha żewġ elementi, dak uman u dan divin. Għalhekk il-Knisja hija misteru li l-fidi biss tista’ taċċetta. Kristu ried li l-Knisja tkun soċjetà mogħnija b’organizzazzjoni ġerarkika. Il-Knisja hija apostolika għax hija mwaqqfa fuq il-pedament ta’ l-Appostli u tibqa’ tiġi mqaddsa u mmexxija permezz tas-suċċessuri tagħhom, aħna l-isqfijiet.

Infatti jien qiegħed fostkom għal din iċ-ċelebrazzjoni għax bħala isqof tagħkom għandi responsabilità kbira lejkom bħala poplu t’Alla miġbur fil-parroċċa ta’ San Lawrenz, parti mid-djoċesi, u jum wieħed irrid inwieġeb lil Alla dwar kif inkun qdejtkom. Ninsab hawn biex ngħaddi parti mir-responsabilità pastorali tiegħi lill-kappillan ġdid tagħkom, li flimkien miegħu u hu miegħi, aħna fid-dmir li ngħaddsukom fil-misteru ta’ Kristu. Bħala Isqof tagħkom nassigurakom li qatt ma jien ser infarfar minn fuq spallejja dan id-dmir, anke jekk xi drabi jiswa prezz. Kif kelli l-okkażjoni ngħid ftit ilu, inħoss li fid-djoċesi tagħna hemm bżonn nogħdsu aktar fil-misteru tal-Knisja għax l-għarfien tagħna ta’ dan il-misteru huwa fqir ħafna, u għalhekk xi drabi naraw ċerta mgieba skandaluża minn uħud minn ħutna.

Il-magħmudija u l-ministeru tal-lajċi nsara

Il-kappillan huwa dak li jakkumpanja lill-imgħammdin jogħdsu fil-misteru tad-dinja!  Jekk Kristu jibgħatna nwasslu l-Bxara t-Tajba fid-dinja kollha, huwa dmir tagħna lkoll, partikularment tagħkom il-lajċi nsara, li nagħtu xhieda fl-oqsma kollha tas-soċjetà tagħna. Kif qrajna fl-Ewwel Qari, “Dan jgħid il-Mulej: ‘Qegħedt l-ispirtu tiegħi fuqu [il-qaddej tiegħi] biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus .. ma jegħjiex, ma jitfarrakx, sakemm ma jwaqqafx il-ġustizzja fuq l-art … Jien, il-Mulej, sejjaħtlek fis-sewwa, qbadtek minn idek, għamilt minnek dawl għall-ġnus, biex int tiftaħ għajnejn il-għomja, toħroġ lill-ilsiera mill-ħabs u ’l dawk li hemm fid-dlam minn dar l-għeluq’.” (Isaija 42,1-7)

Kull min jogħdos fil-misteru t’Alla u fil-misteru tal-Knisja ma jistax jitfa’ wara spallejh is-sejħa li qed jagħmillu Alla biex jogħdos fil-dinja u jagħmel li l-preżenza tiegħu jew tagħha tkun bhal ħmira li tibdel l-għaġna minn ġewwa. Din hija l-missjoni tagħkom il-lajċi, u huwa dmir tagħna s-saċerdoti li nsostnukom biex tkunu preżenza fid-dinja li tikkonsagraha għal Alla.

Bħal-Levita San Lawrenz: “xhieda” tal-magħmudija

Dawn huma l-ftit ħsibijiet li xtaqt naqsam miegħek, għażiż Kappillan ġdid, u magħkom, maħbubin uliedi membri tal-komunità ta’ San Lawrenz.  Issa tifhmu għaliex fil-bidu ta’ din l-omelija xtaqt nassigura lill-kappillan li huwa ibni l-għażiż u li fih insib l-għaxqa tiegħi. Jien konvint li bl-interċessjoni tal-Levita San Lawrenz, patrun ta’ din il-komunità parrokkjali – u li din is-sena qegħda tiċċelebra l-1750 sena mill-martirju tiegħu, Alla jżomm idejh fuqkom biex flimkien togħdsu fl-ilma ħaj tal-magħmudija, konxji li l-magħmudija ta’ l-ilma tista’ twassalna għal magħmudija oħra: il-magħmudija tad-demm. Infatti l-magħmudija ta’ Kristu kienet tħejjija u antiċipazzjoni tal-magħmudija tad-demm (ara Lq 12,50), li seħħet fuq is-salib meta offra lilu nnifsu bħala vittma. Hekk ukoll aħna li rċevejna l-magħmudija, ma nistagħġbux jekk minħabba s-sejħa tagħna jkollna nirċievu l-magħmudija tad-demm – mhux fis-sens li ser ikollna bħal San Lawrenz niffaċċjaw il-martirju, imma li minħabba l-għażliet li nagħmlu favur Kristu u l-Knisja ngħaddu minn mumenti ta’ tbatija.