Diskors ta’ l-Isqof Mario Grech fil-laqgħa tal-bdil ta’ l-Awguri mas-saċerdoti (Seminarju, 5 ta’ Jannar 2008)

“Creatura Verbi”

Fil-fehma tiegħi, l-esperjenza li qed ngħixu f’dawn il-jiem, meta n-nies tagħna qed jibdlu l-lira Maltija fl-Ewro, tirrifletti esperjenza oħra aktar profonda li bdiet snin ilu u għadha għaddejja: il-bidla tal-ħsieb u tal-kultura tagħna li kull ma jmur qed isiru aktar Ewropej. Dan jaffettwa mhux biss il-mod kif ngħixu, nieklu u nilbsu, imma wkoll it-twemmin tagħna. Filwaqt li fl-1959 Theodor Heuss, l-ewwel president tar-Republika tal-Ġermanja Federali, osserva li “l’Europa è nata da tre colline: dall’Acropoli, dal Campidoglio e dal Golgota”, il- Papa Ġwanni Pawlu II fl-Eżortazzjoni Apostolika “Ecclesia in Europa” kiteb: “there are many troubling signs which at the beginning of the third millennium are clouding the horizon of the European continent […]. Among the aspects of this situation, …. I would like to mention in a particular way the loss of Europe’s Christian memory and heritage, accompanied by a kind of practical agnosticism and religious indifference whereby many Europeans give the impression of living without spiritual roots and somewhat like heirs who have squandered a patrimony entrusted to them by history. It is no real surprise, then, that there are efforts to create a vision of Europe which ignores its religious heritage, and in particular, its profound Christian soul, asserting the rights of the peoples who make up Europe without grafting those rights on to the trunk which is enlivened by the sap of Christianity” [no. 7].

Għalhekk, il-bidla mhix tant monetarja imma tal-qalb, tal-moħħ u tar-ruħ, u din qed tinħass fil-poplu tagħna; u aħna msejħin biex nindirizzaw din is-sitwazzjoni.
Jean Guitton jissintetizza l-esperjenza pastorali straordinarja ta’ Giovanni Battista Montini meta kien għadu Arcisqof ta’ Milan b’dan il-mod: “La sua fu un’immersione nell’oceano della realtà. Un confronto quotidiano e serrato con la concretezza delle cose”. Konsegwenza ta’ din il-lettura tal-ħajja ta’ kuljum, il-Knisja taqra s-sinjali taż-żmien, tagħmel il-proposta evanġelika u tkun relevanti; altrimenti ikun hemm il-probabilità li nferrgħu l-inbid f’damiġġjani qodma bil-periklu li nitilfu l-inbid! Sinċerament, meta niflu ftit l-impostazzjoni ta’ l-azzjoni pastorali tagħna, naħseb li nistgħu nagħmlu aktar f’dan ir-rigward.
F’Settembru li għadda, fil-bidu tas-sena pastorali, flimkien mal-Pjan Pastorali pproponejna l-ikona tat-Tħabbira ta’ l-Anġlu, marbuta mat-tema ċentrali tal-Pjan: “Kunu ħbieb ta’ l-Evanġelju”. Imma l-eżeġeti joffrulna diversi skemi ta’ interpretazzjoni tal-ġeneru letterarju wżat minn Luqa biex jiddeskrivi l-Annunċjazzjoni [annuncio, vocazione, apocalitico, u alleanza]. Fil-kuntest tal-lum, nixtieq naqra f’dan il-kwadru fomularju tipiku tar-riti applikati meta Alla jwaqqaf jew iġedded il-patt mal-poplu tiegħu – interpretazzjoni ta’ A. Serra. Il-medjatur, li fil-kwalità ta’ messaġġier ta’ Jaħweh jwassal u jfisser il-volontà ta’ Alla; dan huwa segwit mill-aċċettazzjoni tal-poplu li jwieġeb: “Nagħmlu dak li jgħidilna Hu” (Eż 19,8). Fit-tħabbira ta’ l-Anġlu lil Marija għandna dawn iż-żewġ elementi: l-Anġlu huwa l-medjatur li jwassal il-proġett t’Alla lil Marija li ried iwaqqaf patt ġdid; u Marija, bħala “bint Sijon”, f’isem il-poplu tesprimi s-sottomissjoni tar-rieda tagħha. Kif jikteb Pawlu VI fl-Eżortazzjoni “Marialis Cultus”: “Il sì di Maria è per tutti i credenti lezione ed esempio per fare dell’obbedienza alla volontà del Padre la via e il mezzo della propria santificazione” [n 21].
Għalhekk, fil-kuntest li indikajt fil-bidu u fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, nara li huwa l-waqt li jkun hemm tisħiħ ta’ l-identità tagħna bħala poplu tal-“patt il-ġdid”; anzi xi drabi, f’dawk iċ-ċirkustanzi fejn dan il-patt ġie mfarrak, ikun hemm ukoll ħtieġa li jerġa’ jiġi mwaqqaf. Aħna s-saċerdoti għandna l-missjoni li kellu l-anġlu quddiem Marija: bħala sagrament ta’ Kristu medjatur uniku, aħna mibgħuta biex insejħu [convocazione = ekklesia] lill-bniedem tal-lum u nagħmlulu l-proposta tiegħU.
L-għan ta’ l-ewwel alleanza kien li jiġma’ l-poplu ta’ Israel li huwa u jibqa’ “l-għerq imqaddes” tal-Knisja (Rum 11,16). Fi żminijiet aktar ġodda, il-Kelma saret laħam biex Alla “jiġbor ġemgħa waħda l-ulied ta’ Alla li kienu mxerrdin” (Ġw 11,52); minn din il-Kelma, il-Knisja titwieled fiż-żmien u fl-ispazju. Il-komunità ekkleżjali tinbena bix-xandir tal-Kelma, liema binja mbagħad sabet il-milja tagħha bl-esperjenza tal-fidi u s-sagramenti. Il-fatt li l-Knisja hija ħolqien tal-Kelma, creatura Verbi, bħalma l-bniedem huwa effett tal-kelma kreatriċi t’Alla, ifakkarna fil-primat tas-smigħ tagħha u ta’ l-evanġelizzazzjoni. L- evanġelizzazzjoni tfisser li twassal il-Bxara t-Tajba mhux biss li min għadu ma semax biha jew lil min ma jemminx, imma wkoll lil min għandu bżonn jitqawwa fil-fidi. Fostna għandna kemm minn dawn ta’ l-aħħar, kif ukoll dawk li għalkemm huma “reliġjuzi” tilfu l-fidi. Kontenut ta’ din l- evanġelizzazzjoni hija l-kerygma, li hija totaliter aliter minn diskorsi persważivi kollha għerf uman; l-oġġett ta’ l-ewwel tħabbira huwa Kristu msallab li miet u qam għalina.
Biex tkun tista’ twettaq din l-ewwel tħabbira tas-salvazzjoni, il-Knisja tagħna jeħtieġilha tiftaħ aktar widnejja u qalbha għall-Kelma li hija l-istess ħajja tagħha. Komunità ekkleżjali li mhix kontinwament evanġelizzata, ma tistax tkun protagonista ta’ din l- evanġelizzazzjoni l-ġdida li nixtiequha twassal biex jitwaqqaf “il-patt il-ġdid”. Il-fatt li minn xi daqqiet fil-komunitajiet tagħna jinbtu atteġġjamenti u reazzjonijiet anti-evanġelici jikkonferma kemm huwa urġenti li “nikkonvokaw” (insejħu) lil ħutna biex jinġabru madwar il-ktieb sagru! Fostna għandna sinjali ċari biżżejjed li għandhom iqanqluna biex nidħlu għal ħidma kateketika aktar kapillari, partikularment dik pre-sagramentali.
Fid-dawl ta’ dawn il-premessi, illum irrid inrodd ħajr lill-Mulej u lill-operaturi pastorali fid-djoċesi tagħna, partikularment li ħafna minnkom is-saċerdoti u patrijiet, li skond l-indikazzjonijiet mogħtija fil-pjani pastorali f’dawn is-sentejn, wettaqna ħidma li poġġiet qafas biex isseħħ din il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni. Imma qabel ma nagħti xi dettalji dwar din il-hidma, nagħmel żewġ osservazzjonijiet:

  1. Il-parroċċa hija l-ambjent privileġġjat fejn tista’ ssir esperjenza valida ta’ Knisja. Għalhekk, nemmen li l-uffiċċju ta’ kappillan huwa ministeru importanti ħafna għax mill-kwalità ta’ ħidma li jwettaq tiddependi l-maturità umana u spiritwali tal-komunità afdata fil-kura pastorali tiegħu. Ftit li xejn jiswa li fid-djoċesi jkun hemm pastorali għall-familja, għall-vokazzjonijiet, eċċ., jekk il-kappillan ma jkunx hu wkoll il-promotur ta’ din ix-xorta ta’ pastorali. Il-bidliet li saru s’issa fil-parrokkat fid-djoċesi kienu motivati minn din il-premura pastorali. Napprezza d-disponibilità tal-kappillani meta nikkunsidra li l-Kulleġġ (tal-Kappillani) jiltaqa’ għal nofs ta’ nhar darba fix-xahar, u xi drabi anke darbtejn, u nagħmlu żewġ seminars ta’ jumejn jew tlieta flimkien.
  2. Ġie rilevat li fid-djoċesi jinħass li għandna Pjan Pastorali unitarju: dan peress li diversi realtajiet pastorali taw xi indikazzjoniji li hemm linja ġenerali waħda. Dan il-fatt ġie apprezzat ħafna. Minkejja dan però, xorta nħossu l-bżonn li “kulħadd” jissieħeb f’din l-azzjoni pastorali tad-djocesi.

Mill-Pjan Pastorali 2006-2007
L-objettiv ewlieni tal-Pjan Pastorali tas-sena l-oħra (L-Ispirtu s-Santu u l-Missjoni tan-Nisrani) kien li nilħqu l-adolexxenti, speċjalment il-kandidati li kienu ser jirċievu s-sagrament tal-Konfermazzjoni.
Dwar dik li hija pastorali ma’ l-Adolexxenti, fil-parti l-kbira tal-parroċċi twaqqfu equipes ta’ pastorali biex iħejju attività ma’ l-adolexxenti (13 b’kollox).
Komplejna naħdmu fuq il-pastorali skolastika. Kif ħabbart bħal dan iż-żmien sena, fl-iskejjel sekondarji, Sixth Form u MCAST hemm full-time Religious Counsellors, waqt li fl-iskejjel primarji l-kappillani ħadu l-impenn li kull ġimgħa jagħmlu żjara lill-iskola fiż-żona tagħhom. Is-Segreterija Pastorali, bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni u l-iskejjel tal-Knisja, ħadet ħsieb torganizza Seminars għall-istudenti tal-Form 4 u 5.
F’seba parroċċi ħadmu/twaqqfu equipes biex jieħdu ħsieb il-pastorali mal-familja. Kien hemm diversi proposti ta’ formazzjoni li jvarjaw minn lectio divina għal weekend encounters. Rappreżantanza mid-djoċesi ħadet sehem fir-reviżjoni ta’ l-istatut tal-Moviment ta’ Kana, filwaqt li koppja oħra kien tirrappreżenta lid-djoċesi fil-Forum għall-Familja mwaqqaf mill-Istat.

Mill-Pjan Pastorali Djoċesan 2007-2008
Għaddew tliet xhur minn meta kien propost il-Pjan Pastorali ta’ din is-sena, li għandu bhala tema: “Kunu ħbieb ta’ l-Evanġelju”. L-Objettiv ewlieni huwa l-Formazzjoni ta’ l-Adulti/Koppji u l-Formazzjoni ta’ l-Operaturi Pastorali. Dwar il Gruppi ta’ formazzjoni għall-adulti/koppji kellna feedback inkoraġġanti ħafna: twaqqfu diversi gruppi ta’ lectio divina f’diversi parroċċi (barra gruppi oħrajn fl-Għaqdiet u Movimenti Reliġjużi li wkoll jagħtu formazzjoni).
Twaqqfet Skola tal-Ministeri għall-katekisti (tat-tfal) li għandha bħala Direttur tagħha lir-Rev. Kan. Dun Joseph Sultana. Il-kors dalwaqt jintemm. Il-parteċipazzjoni ma kienitx daqskemm stennejna: hemm 13-il persuna (kollha nisa!). Nara l-bżonn ta’ reviżjoni tal-programm, imma l-proġett hu validissimu u jerġa’ jiġi propost.
Bħalma s-sena l-oħra kellna s-sagrament tal-Konfermazzjoni abbinat mal-Pjan Pastorali, din is-sena għażilna s-sagrament tal-Magħmudija. Fil-Kulleġġ tal-Kappillani diġà bdejna nistudjaw dwar x’linji nistgħu nieħdu biex iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan is-sagrament tkun aħjar. Fil-frattemp konna ħriġna żewġ Direttivi Pastorali: waħda biex ma tingħatax il-magħmudija fi żmien ir-Randan, imma tingħata fiż-żmien ta’ l-Għid waqt li matul ir-Randan issir il-katekeżi pre-sagramentali; u regolamentazzjoni tal-magħmudija ta’ trabi li jitwieldu lil koppji f’sitwazzjoni irregolari.
Komplejna bil-Pastorali Skolastika: fuq livell Sekondarju, diġà sar is-seminar għall-istudenti tal-Form 5. Grupp ta’ studenti mill-Form 5 tellgħu serje ta’ programmi fuq ir-Radju RTK. Fir-rigward ta’ l-iskejjel primarji, hemm diversi parroċċi li qed iwettqu programm regolari ta’ żjarat fl-iskejjel. Fadal fejn nistgħu nagħmlu aħjar u aktar organizzat, forsi bl-għajnuna ta’ aktar saċerdoti.
L-isfidi għall-Knisja huma interessanti imma impenjattivi. Għalhekk, irridu inkomplu bit-tiġdid fl-istrutturi pastorali, liema strutturi għandhom iservu ta’ fora biex ikun hemm id-dixxerniment meħtieġ kemm fuq livell personali kif ukoll fuq livel komunitarju, ħalli flimkien kull darba nfittxu l-metodu u l-mezzi meħtieġa għal din l- evanġelizzazzjoni ġdida.

Fuq livell ta’ Provinċja Ekkleżjastika Maltija, napprezza l-kollaborazzjoni li nsib fl-Arċisqof Pawlu Cremona. Għalkemm id-djoċesi tagħna għandha l-partikulari u l-identità tagħha – ħaġa li mhux biss jien irrid nippromovi u nħares, imma nikkonferma li anke l-Knisja oħtna f’Malta tirrikonoxxih u tirrispettah, –huwa fatt li ħafna mill-issues pastorali huma l-istess għaż-żewġ djoċesijiet. Għalhekk ikun ta’ vantaġġ li jkun hemm din l-esperjenza fraterna. Dan mhux biss fuq livell ta’ Konferenza Episkopali, li qegħdin niltaqgħu darba fix-xahar, imma anke f’ambiti oħrajn:

  • l-Arċisqof talabni biex inkun ir-rappreżentant tal-Konferenza Episkopali Maltija fil- COMECE;
  • ser ikollna żewġ sacerdoti, Fr Emanuel Magro u Fr Joseph Sultana, fil-Kummissjoni Kateketika Nazzjonali tal-Konferenza Episkopali;
  • il-Kappillan Dun Nazju Borg, Delegat għall-Liturġija, ser ikun fil-Kummissjoni Liturġika tal-Konferenza Episkopali. F’dawn l-aħħar xhur il-Kappillan Borg ikkollabora ħafna mad-Delegat għal-Liturġija ta’ l-Arċidjoċesi ta’ Malta;
  • l-Amministratur tal-Kurja tagħna, Mons Joseph Cauchi għandu rapport tajjeb ma’ l-Amministratur tal-Kurja ta’ Malta u ġie li jkun mistieden jattendi għal xi kumitati.
  • ’Il quddiem inkun nista’ nikkomunika uffiċċji oħra.

Fuq livell djoċesan napprezza ħafna l-għajnuna li qed insib f’dawn l-istrutturi:

  1. Equipe Pastorali li jiltaqa’ regolarment
  2. il-Kulleġġ tal-Kunsulturi
  3. il-Kunsill Presbiterali;
  4. waqqafna l-Kummissjoni Persuni b’Diżabilità biex tgħin ħalli nagħmlu l-ħajja tal-Knisja f’Għawdex aktar aċċessibbli għal kulħadd. Id-Delegat tiegħi f’din il-Kummissjoni huwa Dun Joseph Bajada.
  5. Waqqafna l-Kunsill tat-Tfal li jitmexxa minn Dun Michael Said.
  6. Għamilna tibdil fil-formazzjoni tal-Kunsill Finanzjarju Djoċesan.

Hemm strutturi oħra li nixtieq narahom jiffunzjunaw, imma l-formazzjoni tagħhom titlob aktar studju u riċerka. Dalwaqt inħabbar il-Kunsill Pastorali Djoċesan u l-Kunsill għall-Iskejjel tal-Knisja.
Dawn l-istrutturi ma jfissru xejn jekk ma jkunux animati minn persuni motivati evanġelikament. Quddiemnett f’din il-forza hemm intom, ħuti fis-saċerdozju, li flimkien nippartecipaw mill-ministeru uniku ta’ Kristu Ragħaj. Intom barka għall-poplu t’Alla, partikularment f’Għawdex, kif ukoll barra minn Malta – niftakru f’ħutna s-saċerdoti li qed iservu l-Knisja f’pajjiżi ohra. Illum għandna magħna lil Fr Raymond Portelli [Perù] u Fr. Salvu Vella [Brażil]. Ma nsibx kliem biex napprezza l-ħidma ministerjali tagħkom.
In-numru tagħna s-saċerdoti qiegħed dejjem jonqos fil-għadd. Ma l-14-il sacerdot li tlifna b’mewt naturali, kellna telfa oħra. Il-kanditati għas-saċerdozju fis-Seminarju Maġġuri ġie li kienu aktar (bħalissa għandna 17-il seminarista). Hemm 12-il student li bħalissa qed jattendu il-Pre-Seminarju.
Inħeġġiġkom biex nieħdu b’aktar impenn il-formazzjoni permanenti. Huma diversi dawk il-mumenti li jkollna flimkien: irtiri spiritwali, laqgħat formattivi fuq livell żonali, il-każ morali, nofs ta’ nhar ta’ spiritwalità fil-bidu ta’ l-Avvent u r-Randan. Normalment f’dawn il-laqgħat ikun hemm parteċipazzjoni sabiħa. Nixtieq li ’l quddiem nintroduċu kors ta’ aġġornament teoloġiku.
Napprezza l-parteċipazzjoni tagħkom fil-liturġija; imma nixtieq nara aktar preżenza tagħkom fil-ħajja tal-Knisja: fil-laqgħat tal-presbiteria parrokkjali, fiċ-ċelebrazzjonijiet djoċesani bħal ma huma l-festa ta’ Kristu Re, il-Velja ta’ Pentekoste, fl-ordinazzjoni tad-djakni jew presbiteri, waqt funerali ta’ saċerdoti u ġenituri tagħhom, għall-Adorazzjoni Ewkaristika li perjodikament issir fil-Knisja tal-Karmnu f’Ta’ Ħamet.
Ix-xhieda tagħna hija importanti ħafna għax issaħħaħ ikelma tagħna. Daqstant ieħr tkun detrimentali xhieda skandaluża. Nagħmel referenza għall-allegazzjonijiet ta’ abbużi sesswali minn funzjonarji pastorali. Fil-preżent fid-djoċesi tagħna s-saċerdot normalment huwa fdat. Nibżgħu għal din il-fiduċja. Imġieba skorretta mhux biss tagħmel ħsara gravi lill-vittmi, imma tkisser il-kredibilità tal-presbiterju kollu, aktar u aktar jekk din l-imġieba tirriżulta waqt l-azzjoni liturġika. Fil-Provincja Ekkleżjastika Maltija għandna Policy li jien obligat insegwi; imbagħad hemm ukoll istruzzjoni mill-Kongregazzjoni tal-Fidi li tgħid li jekk l-isqof ikun mgħarraf b’xi inċidenti bħal dawn, huwa fid-dmir li jikkomunika magħhom.
Jista’ jkollna operaturi pastorali bil-mustaċċi; jista’ jkollna l-aqwa metodi biex inwettqu l- evanġelizzazzjoni; nistgħu inħaddmu teknika l-aktar moderna biex nipproduċu l-messaġġ. Dan kollu xejn ma jiswa jekk ma nindukrawx il- komunjoni ekkleżjali. L-Arcisqof Bruno Forte jikteb hekk: “la comunione dei discepoli del Signore, per essere effettivamente vissuta, richiede che da parte di ciascuno e di tutti siano detti con la vita tre “no” e tre “sì”. Il primo “no” è al disimpegno, cui nessuno ha diritto, perché ognuno è dotato di doni da vivere nel servizio e nella comunione: ad esso deve corrispondere il “sì” alla corresponsabilità, per cui ognuno si faccia carico per la propria parte del bene comune da realizzare secondo il disegno di Dio. Il secondo “no” è alla divisione, che parimenti nessuno può sentirsi autorizzato a provocare, perché i carismi vengono dall’unico Signore e sono orientati alla costruzione dell’unico Corpo, che è la Chiesa (cf. 1Cor 12,4-7): il “sì” che ad esso corrisponde è quello al dialogo fraterno, rispettoso della diversità e volto alla costante ricerca della volontà del Signore. Il terzo “no”è alla stasi e alla nostalgia del passato, cui nessuno può acconsentire, perché lo Spirito è sempre vivo ed operante nello svolgersi dei tempi: ad esso deve corrispondere il “sì” alla continua, necessaria purificazione e riforma, per la quale ognuno possa corrispondere sempre più fedelmente alla chiamata di Dio, e la Chiesa tutta possa celebrarne pienamente la gloria. Attraverso questo triplice “no” e questo triplice “sì”, in maniera dunque dinamica e mai del tutto compiuta, la Chiesa si presenta come riflesso luminoso ed irradiante della bellezza di Dio, casa e scuola di quella comunione, rispettosa delle diversità, che è veramente buona novella per tanti uomini e donne prigionieri della solitudine e dell’incapacità di amare”.

Għeluq

Inqiegħed dan kollu taħt il-protezzjoni ta’ l-Omm tagħna Marija. Din is-sena fid-Djoċesi sejrin infakkru l-125 sena minn meta seħħet il-grajja Ta’ Pinu. Fil-Konferenza Episkopali ddeċidejna li din is-sena din it-tifkira tkun ċċelebrata bħala festa f’Malta u Għawdex. Nixtieq li matul din is-sena insaħħu fina u fl-insara tagħna l-imħabba lejn dan is-Santwarju Nazzjonali, filwaqt li nimpenjaw ruħna biex verament nagħmluh destinazzjoni ta’ pellegrinaġġi fejn, taħt il-kenn ta’ Marija, insibu l-faraġ tas-sema. Nirrakkomandalkom, għeziez saċerdoti, biex tkattru l-imħabba tagħkom lejn Ommna Marija u żżommu s-Santwarju ta’ Pinu bħala refuġju żgur fil-ħajja mħabbta tal-ministeru tagħkom.