Ċirkulari 441/2005 (6 ta’ Jannar 2005)

Nru. 441/2005

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Wara t-traġedja li laqtet deversi artijiet fix-Xlokk ta’ l-Asja, il-poplu tagħna ma baqgħax lura li jagħti prova tal-ġenerosita tiegħu mal-vittmi li żalliet warajjha.  Jixraq iżda li ma’ l-għotjiet nżidu ukoll it-talb tagħna kemm personali kif ukoll kommunitarju, għax aħna nemmnu fil-qawwa li t-talb għandu quddiem Alla.

Nitolbu fost l-oħrajn biex Alla jagħti l-premju ta’ dejjem lill-ħutna l-bnedmin li ħajjithom ġiet maħsuda f’dawk iċ-ċirkustanzi traġiċi.  Ma nistgħux imbagħad ninsew fit-talb tagħna lil dawk li sfaw feruti u tilfu l-maħbubin tagħhom, inġarritilhom darhom u ħwejjiġhom u dawk li b’xi mod jew ieħor qegħdin iġarrbu xi konsegwenzi koroh ta’ l-istess ġrajja.  Nitolbu wkoll lil Alla biex ibierek u jgħin lil dawk li taw xi għajnuna ta’ flus, oġġetti u kif ukoll is-servizz personali tagħhom sabiex itaffu t-tbatija lill-bnedmin milquta mit-Tzunami.

Nixtieq ukoll li f’dawn il-ġranet fil-knejjes sagramentali, tiġi organizzata Siegħa Adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat skond l-intenzjonijiet li semmejna.

Il-Mulej Alla jberikhom u jpattilkom tal-ġenerosita tagħkom.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 6 ta’ Jannar 2005

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex