Festi speċjali fl-okkażjoni ta’ l-1750 mill-martirju ta’ San Lawrenz

Pelegrinaġġ f'San Lawrenz

Il-Parroċċa ta’ San Lawrenz Għawdex tagħti bidu għal sena speċjali li fiha ser jitfakkar l-1750 sena mill-Martirju ta’ San Lawrenz Djaknu u Marti

Il-bieraħ it-Tlieta l-ewwel jum tas-sena 2008 il-parroċċa ta’ San Lawrenz Għawdex permezz ta’ ċerimonja suġġestiva ħafna, tat bidu għal sena speċjali li permezz tagħha ser tfakkar l-1750 mill-martirju ta’ San Lawrenz.

san_lawrenz-1-jannar-2.jpgDin iċ-ċerimonja bdiet permezz ta’ kortej-pellegrinaġġ li telqu minn erba’ postijiet prinċipali tar-raħal. Dawn il-kortej wasslu għall-pjazza u matulhom ġew kantati l-litanija tal-Qaddisin. Mal-wasla tagħhom fil-pjazza ewlenija tar-raħal, quddiem ħuġġieġa kbira wara talba mill-Kappillan il-folla kbira ta’ nies li attendiet tefgħet injam f’din il-ħuġġieġa li ġarret magħha. Dan il-ġest sar bħala turija ta’ l-impen li permezz ta’dawn il-festi l-kommunita’ żgħira ta’ San Lawrenz trid li tkompli tħeġġeġ il-fjamma tal-fidi li ġiet mgħoddija lilha mingħand missirijietha, u li hi qed tgħaddiha lill-ġenerazzjoni taċ-ċkejknin. Imbagħad minn dan in-nar il-Kappillan Nazju Borg xegħel fjamma żgħira li ser tibqa’ tixgħel quddiem l-istatwa ta’ San Lawrenz għal matul is-sena kollha.

san_lawrenz-1-jannar-5.jpgWaqt l-omelija tiegħu, fil-quddiesa li saret, il-kappillan ħeġġeġ lill-ġemgħa sabiex din is-sena tkun tassew sena speċjali għal raħalna. Huwa ħeġġeġ sabiex kulħadd iħossu parti mill-parroċċa u wkoll elenka x’ser ikunu l-punti prinċipali li ser jimmarkaw din is-sena: komunità li tinbena fuq il-Kelma t’Alla (kif qed jitlob il-Pjan Pastorali Djoċesan), li ninbnew aktar bħala komunità parrokkjali (speċjalment bil-parteċipazzjoni ta’ kulħadd fil-liturġija ewkaristika tal-Ħadd), u li l-parroċċa ta’ San Lawrenz tkun parroċċa tal-qadi, li tilbes il-fardal fis-servizz ta’ karità li tagħti lil min hu fil-bżonn, kif kien jagħmel San Lawrenz. Waqt il-quddiesa ġie inawgurat ukoll il-logo li ser jakkumpanja lill-parroċċa matul din is-sena.

Fi tmiem il-Quddiesa, il-Kappillan Nazju Borg f’isem il-parroċċa u s-Sindku Noel Formosa f’isem ir-raħal poġġew quddiem San Lawrenz il-fjamma u bukkett ward rispettivament, u fost iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti ġiet miftuħa n-niċċa ta’ San Lawrenz u tkantat l-antifona lil-Levita martri.