Diċembru 2007
It-twelid ta’ Ġesù – aħbar ta’ salvazzjoni għal kull bniedem
Għeżież emigranti,
Il-Milied dalwaqt magħna! Dan hu żmien “speċjali”, mistenni minn tant u tant bnedmin. Is-sinjali esterni tat-tiżjin fit-toroq, fid-djar u fl-ibliet joħolqu ambjent ta’ ferħ u festa. Din hi x-xewqa profonda li hemm fil-qalb ta’ kull bniedem: li jħossu ferħan u maħbub, u għalhekk jista’ jagħmel festa.
Għaliex daż-żmien hu daqshekk “speċjali”? Sempliċement għax inżejnu? Għax qalbna tfittex li tkun ferħana? Jew fil-qalb ta’ din il-ġrajja tal-Milied hemm xi ħaġa aktar fil-fond? hemm XI ĦADD li jagħti sens lil dan kollu? li jagħti sens lix-xewqat l-aktar profondi tal-bniedem?
Wieħed mill-“messaġġi” tal-Milied hu li nagħtu “ir-rigali”, jiġifieri l-kapaċità tagħna li ma naħsbux fina nfusna biss, imma li niftħu għajnejna, moħħna u qalbna lejn id-dinja ta’ madwarna, lejn il-persuni l-oħrajn… speċjalment lejn dawk li m’humiex f’kundizzjoni li jistgħu jifirħu u għalhekk jiċċelebraw.
Ftit jiem ilu rċivejt kartolina tal-Milied b’messaġġ li ġagħalni naħseb. Din il-persuna kitbitli li għaliha ż-żmien tal-Milied huwa żmien ta’ dwejjaq kbar. Faċli għal ħafna minna li f’dawn il-festi “niskru” bil-festeġġjamenti u ninsew li ħdejna u madwarna hawn individwi li f’dawn il-jiem jgħaddu minn tbatija kbira!
Min jistgħu jkunu dawn il-persuni? Dawk li għaddew jew għaddejjin minn luttu fil-familja; dawk li qed iġarrbu t-tbatija tal-mard bla fejqan; dawk li qed jaraw il-familja tagħhom titfarrak; l-ulied li m’għahomx jaraw imħabba bejn il-ġenituri tagħhom; dawk li qed isofru tradiment; dawk li jagħfas il-piż tad-dejn fuqhom; dawk li jħossuhom imwarrba minn kulħadd; dawk li jgħixu fil-faqar, fil-gwerra… u l-lista tista’ tkompli. Filwaqt li ħafna jifirħu u jiċċelebraw il-Milied, dawn il-persuni għadhom ’il bogħod milli jgawdu dan il-ferħ, milli jgawdu “is-salvazzjoni” tal-Milied.
Il-ġrajja tal-Milied tfakkar it-twelid tal-Feddej! “Jissemma’ Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu”, hekk qal l-anġlu lil Ġużeppi. Ġesù, l-Iben ta’ Alla, ġie fostna biex jagħtina “aħbar tajba”, ġie fostna biex ikun salvatur. U biex juri li l-kliem tiegħu hu ta’ min jemmen fih, “xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir u sar jixbaħ lill-bnedmin” (Fil 2,7). Huwa ftaqar mhux biss biex ikun fqir bħall-foqra u mal-foqra, imma biex lill-foqra jgħinhom jirbħu l-“faqar” tagħhom! Il-kelma tiegħu għandha qawwa li tlibbes lill-bniedem imneżża’ mid-dinjità tiegħu, li timla bl-imħabba l-qalb maqsuma, li tfawwar bit-tama li min tilef il-kuraġġ, li terġa’ tqajjem għall-ħajja li min tilef kull ħajra li jgħix, li ġġib is-salvazzjoni fejn għad hemm id-dnub! Għalhekk il-Milied hu tassew aħbar ta’ tama u salvazzjoni għal min ma jħossx li jista’ jiċċelebra “it-tiżjin” tal-Milied. Ġesù twieled għalhekk: biex ikun qrib il-bniedem, ikun qrib ta’ kull bniedem.
Iċ-ċelebrazzjoni tal-Milied titlef il-verità sħiħa tagħha mingħajr Ġesù. Ejjew niċċelebraw din il-ġrajja bil-ferħ, kif jixraq. Imma ejjew ngħixuha fil-verità tagħha billi nippruvaw “insiru aktar ħbieb” ta’ l-Evanġelju, kif kien iħobb jgħid San Ġorġ Preca, u kif qed tipprova tagħmel id-Djoċesi ta’ Għawdex matul din is-sena. Inkunu aktar ħbieb ta’ l-Evanġelju billi ngħixu aktar il-ġrajja tas-salvazzjoni, billi nħallu lil Ġesù ikun is-salvatur tagħna. Inkunu ngħixu s-salvazzjoni billi aħna stess insiru “aħbar tajba” għal dawk kollha li ma jistgħux jiċċelebraw il-ferħ tal-Milied.
Dawn huma l-awguri tiegħi għalikom l-emigranti u għall-familji tagħkom, partikularment għal dawk li l-Milied se jsibhom f’sitwazzjoni ta’ tbatija u dwejjaq, imsieħba bit-talb u l-barka tiegħi.
+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex