It-twelid ta’ Ġesù – aħbar ta’ ferħ veru għal kull bniedem
Il-Milied dalwaqt magħna! Madwari nara ħafna attività u tiżjin, li mingħajr ebda dubju joħloq ambjent ta’ ferħ u festa. Din hi x-xewqa li hemm fil-qalb tal-kotra f’dan iż-żmien. Ftit jiem ilu xi ħadd bagħatli kartolina tal-Milied u kitibli messaġġ li ġagħalni naħseb. Din il-persuna kitbitli li għaliha ż-żmien tal-Milied huwa żmien ta’ dwejjaq kbar. Faċli għal ħafna minna li f’dawn il-festi “niskru” bil-festeġġjamenti u ninsew li ħdejna u madwarna hawn individwi li f’dawn il-jiem jgħaddu minn tbatija kbira!
Min jistgħu jkunu dawn il-persuni? Huma dawk li tilfu lil xi ħadd mill-familjari tagħhom; huma xi ġenituri li jixtiequ jaraw lil uliedhom aħjar, imma kważi qatgħu qalbhom minnhom; huma aħwa li ma humiex jitkellmu ma’ xulxin; huwa dak iż-żagħżugħ li qed jassisti lill-maħbuba ta’ ħajtu fuq is-sodda tal-mard tagħha; huwa dak in-negozjant li għandu diffikultajiet finanzjarji kbar; hija dik il-mara ttraduta mill-persuna li tħobb; hija dik il-persuna li għandha dubji ta’ fidi, jew trid tinfatam mid-dnub tagħha imma ssib li hija inkapaċi. Filwaqt li ħafna jistennew li jasal il-Milied, din il-kategorija ta’ persuni li semmejt u oħrajn bħalhom jixtiequ “jħassru” din il-festa mill-kalendarju!