L-Etika ta’ l-Ispirtu (Kon-Katidral ta’ San Ġwann, 16 ta’ Novembru 2007)

Nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Novembru 2007, l-Isqof Mario Grech mexxa konċelebrazzjoni tal-Gradwazzjoni li saret Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Huma għamel din l-omelija:

L-Etika ta’ l-Ispirtu
 

Motiv ta’ ferħ

Inħoss li intom l-istudenti għandkom żewġ motivi għaliex għandkom tifirħu llum. L-ewwelnett il-fatt illi wara snin ta’ studju u sagrifiċċju rnexxielkom taslu biex tikkompletaw b’suċċess l-istudji tagħkom. Ċertament dan huwa motiv biex tkunu henjin, u jiena nirringrazzja lill-Kanċellier ta’ l-Università hawn preżenti talli tajtuni l-opportunità li nkun magħkom f’dan il mument importanti fl-istorja tagħkom, imma mhux tagħkom biss, għax intom parti mill-istorja tas-soċjetà tagħna.

Melħ u dawl tas-soċjetà

Imbagħad nara li hemm motiv ieħor għaliex għandkom tkunu henjin. Ir-raġuni ma nagħtihielkomx jiena, imma nfakkarkom f’dak li għadu kif qalilna Kristu fil-Bxara t-Tajba li għadha kif xxandritilna: “Intom il-melħ ta’ l-art … Intom id-dawl tad-dinja … Il-belt li tkun fuq muntanja ma tistax tinħeba” (Mt 5,13-15) Intom il-melħ u d-dawl tas-soċjetà tagħna! U Kristu jixtieqkom tkunu bħal dik il-belt li tkun fuq il-quċċata li tarmi s-sbuħija tagħha – din il-binja sabiħa hija intom fil-persuna tagħkom, fl-individwalità tagħkom kif ukoll fil-professjoni tagħkom – li għandha tkun l-espressjoni u l-estensjoni tal-jien.

Imma nistaqsi: hawn melħ biżżejjed ħalli jikkonserva l-ħafna tajjeb li hemm fostna? Jidhrilkom li hawn dawl biżżejjed ħalli jirbaħ id-dellijiet jekk mhux ukoll id-dlam li jaħkem l-imħuħ u l-qlub taċ-ċittadini kollha? 

Iva, intom id-dawl u l-melħ. Dan għandu jkun għalikom motiv ta’ ferħ li jimliekom bil-hena: mhux dak l-hena li jgħaddi, imma dak l-hena li jibqa’. Is-soċjetà għandha bżonnkom. Il-bniedem tal-lum għandu bżonn tas-servizz speċjalizzat. Però, biex aħna noffru dan is-servizz neħtieġu mhux biss ix-xjenza u l-informazzjoni, li ċertament intom ksibtu fis-snin li għaddew – u jien ċert li intom tifhmu wkoll l-importanza tal-formazzjoni kontinwata, – imma jeħtieġ li x-xjenza u l-għerf ikollhom ir-ruħ billi jkunu animati minn prinċipji ta’ etika. Huwa għalhekk li Kristu jgħidilna: “Henjin intom” – għax huwa jipproponilna mhux biss din il-missjoni li nkunu melħ u dawl, imma jipproponilna wkoll ir-ruħ, jiġifieri dawn il-prinċipji li jagħtu ħajja lix-xjenza u lil għerf.                  
 
  

L-għerf tas-sema

L-ewwel qari jiddistingwi bejn l-għerf tad-dinja u l-għerf tas-sema (Ġak 3,13-18). U x’jagħti r-ruħ lill-għerf tad-dinja? Hemm dik li tissejjaħ l-etika tad-dover, jiġifieri l-etika li toħroġ mill-istess professjoni, l-etika li toħroġ mill-istess natura umana tal-bniedem, li suppost hija etika komuni; imma ħafna drabi n-nuqqas ta’ melħ u dawl li nosservaw madwarna huwa sinjal li din l-etika tad-dover hija nieqsa. U din l-etika m’hijiex biss xi ħaġa partikulari tagħna bhala poplu t’Alla u bħala Knisja, imma hija etika komuni għal kull bniedem li huwa mżejjen bir-raġuni, l-intellett u l-libertà. 

Imma għan-nisrani hemm etika oħra li tipperfezzjona din l-etika tad-dover. Qed nirreferi għall-etika tal-frott ta’ l-Ispirtu. Kwalità ta’ etika li jipproponiha Kristu biss, u huwa dak biss li jiltaqa’ ma’ Kristu li jista’ jifhimha. Għiduli ftit jekk id-diskors tal-Muntanja jagħmilx sens għad-dinja ta’ llum? “Henjin il-fqar fl-ispirtu, henjin l-imnikkta, henjin dawk li huma bil-ġuħ u bil-għatx għall-ġustizzja, henjin dawk li hu ppersegwitati minħabba s-sewwa…”Għiduli intom liema mgħallem tad-dinja, san kemm san fl-etika tad-dover, ser imur jaddotta prinċipji u jeżalta atteġġjamenti bħal dawn. U għalhekk qed ngħid li għan-nisrani, barra l-etika tad-dover hemm l-etika ta’ l-Ispirtu li toħroġ minn fomm Ġesù Kristu, u li aħna nistgħu biss nixtarruha jekk inkunu ħbieb ta’ l-Evanġelju.  

Jien ma nistgħagibx li ħafna huma sajmin minn din l-etika ta’ l-Ispirtu ġaladarba l-ktieb tal-Vanġelu ma jkunx wieħed mill-kotba – biex ma’ ngħidx il-ktieb! – fuq l-iskrivanija tagħna. Min ma jafx l-Evanġelju ma jafx lil Kristu. Id-diskors tal-muntanja nistgħu ninterpretawh bħala kodiċi ta’ l-etika ta’ l-Ispirtu: “Henjin il-fqar fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet; henjin l-imnikkta, għax jkunu mfarrġa; henjin dawk li huma bil-għatx għall-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħa; henjin dawk li huma ppersegwitati għall-fidi tagħhom, għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet”. Għaliex? Għaliex lil min huwa ħabib tiegħu, Kristu qiegħed jipproponilu atteġġjamenti illi jiskandalizzaw lill-bniedem; jipproponilu attitudni interjuri li għandu jkollha rifless fl-imġieba tagħna illi hija speċifikament kristjana. Huwa fqir fl-ispirtu min jagħraf li huwa ta’ Alla u jiddependi għal kollox fuq Alla. Huwa bil-għatx għall-ġustizzja għaliex qiegħed jitħabat biex jiġi rrispettat l-ordni naturali.

Għalhekk, jekk irridu nkunu henjin mhux biżżejjed li nagħmlu kisbiet umani, imma hemm bżonn li nifhmu l-hena veru li jagħtina Kristu – dak il-hena li ġej mill-etika ta’ l-Ispirtu. U hekk biss nistgħu nkunu l-melħ ta’ l-art u d-dawl tad-dinja.

Jiena nara li f’din iċ-ċelebrazzjoni hemm motiv biex tkunu hienja intom personalment.

Fis-servizz tal-familja u tas-soċjetà

Hemm motiv ukoll biex ikunu hienja l-familji. Qed nirreferi għall-familji ta’ l-oriġini tagħkom, li żgur fil-każ ta’ ħafna minnkom ħeġġewkom, sostnewkom. Imma qed nirreferi wkoll għall-familja tagħkom, jiġifieri dik il-familja li għad tiffurmaw intom. Kemm ikun sabiħ kieku l-ewwel investiment li intom tagħmlu ta’ dan l-għerf tad-dinja u tas-sema, intom tagħmluħ fi ħdan il-familji! 

Hemm motiv biex tkun hienja s-soċjetà tagħa, in-nazzjon tagħna. Il-pajjiz jinvesti ħafna fikom, imma jistenna minnkom kontribut mhux biss xjentifiku, imma wieħed animat mill-etika tad-dover u ta’ l-Ispirtu.  

Il-Knisja għandha bżonnkom!

Imma nżid ngħid li llum f’din iċ-ċirkustanza nara wkoll motiv ta’ ferħ għal Ommna l-Knisja, li qed tarakom miġbura flimkien għal din l-Ewkaristija. Għalija intom il-Knisja, u l-Knisja għandha bżonnkom. Il-Knisja teħtieġ il-professjoni tagħkom u s-servizz tagħkom. Il-Knisja teħtieġ dan is-servizz mhux tant lejha imma lejn kull bniedem, u dan għax temmen fikom li intom tistgħu tagħtu servizz animat f’din l-etika ta’ l-Ispirtu.

Għalhekk anke jien nirringrazzjakom għal dak li intom onestament tistgħu tagħtu. Inħeġġiġkom biex tkomplu tfittxu lil Dak li qal: “Jiena d-dawl tad-dinja”. Inħeġġiġkom biex Kristu ma jibqax xi ħaġa tal-kotba jew oġġett tal-katekiżmu imma jsir għalikom esperjenza. Għandi fiduċja sħiħa li jekk aħna nagħrfu niltaqgħu ma’ Kristu, aħna għandna garanzija li nkunu l-melħ u d-dawl ta’ pajjiżna; aħna nagħrfu nagħtu glorja lil Alla fl-opri tajba tagħna. Dawn l-opri tajba tagħna huma mhux biss ix-xogħol u s-servizzi li nagħtu, imma intom stess: kull wieħed u waħda minnkom!

Jien nrodd ħajr lil Alla għalikom f’din l-Ewkaristija, u nibqa’ nitlob għalikom biex din l-avventura li qegħdin tinawguraw illum ma tkunx biss avventura umana, imma tkun mimlija bl-etika ta’ l-Ispirtu.