UFFIĊĊJU STAMPA
Il-Kurja ta’ l-Arċisqof, Floriana
Tel: 25906203, 21241281 Fax: 21242971
16 ta’ Novembru 2007
TQASSIM: MEDIA KOLLHA
MINN : C. BUTTIGIEG
REF : 142/2007
ASSEMBLEA TA’ L-ISQFIJIET TAL-KOMUNITA EWROPEA
Jattendi Mons. Isqof Mario Grech
Mons. Isqof Mario Grech se jirrappreżenta l-Konferenza Episkopali Maltija fl-Assemblea Plenarja tal-Ħarifa tal-Kummissjoni tal-Konferenzi ta’ l-isqfijiet tal-Komunità Ewropea (COMECE) li se tiltaqa’ fi Brussels, il-Belġju, mill-21 sat-23 ta’ Novembru 2007. Il-laqgħa se tiffoka l-iżjed fuq ‘L-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni Ewropea – sfidi ta’ bħalissa u perspettivi’.
Nhar l-Erbgħa, 21 ta’ Novembru, se jsir dibattitu pubbliku fuq il-kriżi fl-Iraq u x’qed tagħmel l-Ewropa dwar ir-refuġjati.
Il-Ħamis, 22 ta’ Novembru, l-Isqfijiet se jeżaminaw il-provvedimenti l-ġodda tar-Reform Treaty ta’ l-Unjoni Ewropea, li ġiet approvata mis-27 kap ta’ Stat u Gvernijiet ta’ l-Unjoni f’laqgħa li kellhom f’Ottubru li għadda fil-Portugall, kif ukoll il-proċedura għar-ratifika ta’ listess Trattat. Wara, l-Isqfijiet se jeżaminaw ukoll l-isfidi tal-mument fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika. Diskussjoni oħra se tkun fuq il-qagħda fin-naħa t’isfel ta’ l-Ewropa tal-Lvant, partikolarment fil-Kosovo, fid-dawl tal-veduti ta’ l-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-Ġimgħa, 23 tax-xahar, id-diskussjoni se tkun fuq il-ġrajjiet u l-laqgħat l-iktar importanti fil-ħajja tal-Knisja Kattolika fl-Ewropa fl-2007, fosthom il-Kungress tal-COMECE li sar f’Ruma u t-Tielet Assemblea Ekumenika li ltaqgħet fir-Rumanija.
Fl-Assemblea Plenarja l-Isqfijiet se jingħataw ukoll tagħrif dwar il-ħidma kontinwa tas-Segretarjat tal-COMECE, fosthom il-proposta għal strateġija ta’ l-Unjoni Ewropea li tappoġġja l-koppji u ż-żwieġ, u kwistjonijiet oħrajn ta’ policy li qed jiġu segwiti mis-Segretarjat.