Is-saċerdot ministru tal-kompassjoni (Parroċċa San Ġorġ, 30 ta’ Settembru 2007)

Nhar il-Ħadd 30 ta’ Settembru sar il-funeral ta’ Mons. Salv Borg, arċipriet emeritu tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ, Għawdex. Il-funeral tmexxa minn Mons. Isqof Mario Grech, bis-sehem ta’ numru kbir ta’ saċerdoti. Din hi l-omelija li għamel l-Isqof Grech waqt il-quddiesa tal-funeral.

IS-SAĊERDOT MINISTRU TAL-KOMPASSJONI

Konna nafu li Dun Salv Borg kien rikoverat fl-isptar, imma naħseb li taqblu miegħi jekk ngħid li l-aħbar tal-mewt tiegħu ħasditna. M’iniex ngħid dan biss minħabba l-eta’ li huwa kellu, imma wkoll għax sa ftit ġimgħat ilu kien għadu għaddej bit-twettieq tal-ministeru tiegħu, partikularment bil-priedki tiegħu. Meta ċempluli u qaluli li Dun Salv ħalliena nħsadt, u għamilt daqsxejn ta’ eżami tal-kuxjenza, u għidt lili nnifsi: min kien ser jgħidlu li f’xahar ser jmut u jidher quddiem Alla? Jien konvint li Dun Salv kellu intwizzjoni ta’ din il-ħaġa; imma din ir-riflessjoni nagħmilha għalija u għalikom biex dan ikun mument ta’ grazzja għalina.

Aħna nistgħu nidhru quddiem Alla minn mument għall-ieħor u sew jekk jien Isqof, sew jekk int saċerdot jew jekk inti miżżewweġ, ilkoll ser nidhru quddiem Alla u rridu nagħtu kont ta’ għemilna. Xi darba tista’ tgħid li għadu ż-żmien, imma xemx u xita Alla jaf meta. M’iniex qed ngħid dan b’sens ta’ biża’, imma biex nkunu ppreparati. Nassigurakom li jekk intom għandkom il-biża’ biex tagħmlu dan il-passaġġ, daqshekk ieħor għandi jien u sħabi s-saċerdoti. Aħna m’għandna l-ebda superjorita’ fuqkom; aħna bnedmin tad-demm u l-laħam. Il-Mulej bħalma ta lilkom, ta wkoll lilna ċerti responsabiltajiet u ta’ dan rridu nagħtu kont lilu.

Din iċ-ċirkostanza tagħtini wkoll okkażjoni biex nirrifletti ftit dwar il-ministeru tagħna s-saċerdoti. Forsi tgħiduli li dan id-diskors għandi nagħmlu mas-saċerdoti biss. Imma jiena nħoss li għandi nagħmlu magħkom ukoll, għax aħna meħudin minn fostkom għas-servizz tagħkom bħala ministri ta’ Kristu; u daqskemm intom tistgħu tgħinuna biex ngħixu l-ministeru tagħna, daqshekk ieħor tistgħu wkoll ma tgħinuniex, biex ma ngħidx ittelfuna! Għalhekk inħoss li huwa xieraq li magħkom illum nagħmel meditazzjoni fuq il-ministeru saċerdotali fid-dawl tal-Evanġelju li għadu kif ixxandrilna.

FL-Evanġelju, Kristu huwa ppreżentat bħala dak li għandu kompassjoni għall-bniedem sofferenti. Kristu huwa dak li jitħassar il-morda u jitħassar dik il-folla li kienet bil-ġuħ. Jiena naħseb li nkun qed nirrifletti t-tagħlim ta’ Ommna l-Knisja jekk ngħid li l-ministeru tas-saċerdot huwa primarjament parteċipazzjoni minn din il-kompasssjoni li Kristu kellu lejn il-bniedem.

Kristu kif juri din il-kompassjoni? L-ewwel, billi meta ra l-morda madwaru, hu fejjaqhom. Il-ministeru tagħna huwa ministeru li jfejjaq; mhux daqstant fejqan fiżiku, imma fejqan iktar profond u iktar serju: il-fejqan spiritwali. Tagħmlu sew tiġu għandna f’ħinu u barra minn ħinu biex titolbuna ngħinukom tirċievu dan il-fejqan. Aħna nitolbu lil Alla biex jgħinna namministrawlkom il-mediċina ġusta, f’doża ġusta. Jien persważ li aħna, li nafu lil Dun Salv, nafu kemm kien tabib tar-ruħ, u kemm mhux biss bil-kelma tiegħu imma bl-azzjoni tiegħu fejjaq u pprova jfejjaq ħafna ġrieħi. Mhux dejjem jirnexxielna nagħmlu dan; imma almenu Dun Salv wera din il-kompassjoni. Jien grat lejn Alla li għandna saċerdoti terapewtiċi bħal Dun Salv.

Din il-kompassjoni Kristu wrieha ukoll ma’ dik il-folla nies li kellhom il-ġuħ. Filwaqt li d-dixxipli tiegħu riedu jkeċċuhom u jeħilsu minnhom, Ġesu’ qalilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu”. Minkejja li kienu miegħu ma tantx urew kompassjoni! Din il-kompassjoni mhix xi ħaġa awtomatika imma rridu nikkultivawha. L-Appostli qalulu: “Ibgħathom”, jew aħjar eħles minnhom!; imma Kristu qalilhom: “Ipprovdulhom intom”, jew aħjar taffulhom intom il-ġuħ. Aħna nafu li meta nitkellmu dwar l-ikel qed nitkellmu dwar sustanza essenzjali u vitali għall-ħajja. Għalhekk meta Kristu qed jipprovdi l-ikel lill-bniedem, qed jipprovdilu l-meħtieġ mhux biss biex jgħix imma biex jgħix ħajja ta’ kwalita’, ħajja ta’ bniedem mifdi u maħbub minn Alla. Din hija l-missjoni tagħna s-saċerdoti, maħbubin tiegħi: li bħala ministri ta’ Kristu ngħinukom biex tgħixu l-ħajja fil-milja tagħha, ngħinukom biex id-don tal-ħajja tgħożżuh.

Kif irrimedja Kristu għas-sitwazzjoni tan-nuqqas ta’ ikel? Kif wera din il-kompassjoni tiegħu? L-appostli qalulu: “Aħna m’għandna xejn; għandna biss ħames ħobżiet u żewġ ħutiet”. Fi kliem ieħor, l-appostli wrewh il-limiti tagħhom. Ngħidilkom li jiena stess ħafna drabi nagħraf il-limitazzjonijiet umani tiegħi, u jien konvint li dawn sħabi s-saċerdoti jaqblu miegħi li aħna lkoll nsibu ruħna f’ħafna ċirkostanzi li fihom nixtiequ nuru kompassjoni magħkom biex ngħinukom tgħixu l-ħajja fil-milja tagħha, imma nsibuna b’idejna vojta għax aħna bnedmin limitati. Huwa proprju hawnhekk li aħna jrid ikollna wkoll dik il-fidi li kellhom l-appostli li lil Ġesu qalulu: ”Ħu dan ix-xejn tagħna, dan il-ftit tagħna ta’ ħames ħobżiet u żewġ ħutiet”. Kristu jaċċetta din l-offerta fqira u miżera tagħna li hija mimlija bl-imħabba, u kapaċi li dak ix-xejn tagħna jitlob fuqu u jkabbru, ikattru u jagħtih qawwa li jfejjaq.

X’inhu x-xejn tagħna? L-intelliġenza tagħna. Jien l-ewwel wieħed fost dawn ħuti li nħossni l-inqas li naf. Ix-xejn tagħna jirrifletti wkoll fil-kapaċitajiet tagħna. Min minnha huwa daqshekk bravu li ma jiżbaljax fil-metodi tiegħu? Hemm ukoll ix-xejn tal-volonta’ tagħna. Jien dan kollu nxebbħu ma’ dawk il-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet. Lil Ġesu ngħidulu: ”Dawn tiegħek, Mulej Ġesu’; użahom int biex din il-kompassjoni tiegħek tixtered ma’ kulħadd u biex inti tagħti l-ħajja lil kulħadd”.

Għeżież tiegħi, Ġesu’ jagħmel dawn il-mirakli. Araw ftit x’mirakli nagħmlu aħna s-saċerdoti fix-xejn u fid-djgħufija tagħna meta nħallu lil Kristu jinqeda bina. Eżempju ta’ dan huwa dak li jseħħ hawnhekk f’dawn il-konfessjonarji ta’ din il-Knisja Bażilika ta’ San Ġorġ. Din hija Knisja fejn dawk il-konfessjonarji jinfetħu spiss għax ħafna jiġu hawn biex jiċċelebraw ir-rikonċiljazzjoni tagħhom ma’ Alla. Jiena nixtieqkom tagħmlu esperjenza ta’ xi tfisser tkun konfessur. Taħsbux li hija xi ħaġa faċli. Jiena nitlob lil Alla biex jagħtini d-dawl, il-kelma u l-imħabba biex x’ħin inkun ser inqarar jagħtini l-kompassjoni ta’ Kristu. Jitkellem dan li hawn quddiemna, Dun Salv, li kellu l-konfessjonarju ħafna għal qalbu. Hemmhekk aħna noffru x-xejn tagħna u Kristu juri l-qawwa tiegħu! Kemm drabi jien flimkien magħkom – għax jien ukoll penitent – noħorġu mingħand il-konfessur b’ċerta serenita’ u bil-paċi f’qalbna! Huwa Kristu li jagħtina l-paċi permezz tal-konfessur.

Il-kompassjoni ta’ Kristu tintwera wkoll fil-predikazzjoni tagħna, meta fix-xejn tagħna nippruvaw nisilfu lil Alla l-kelma tagħna biex bil-kelma tiegħu jfejjaq il-ġrieħi u jagħti l-ħajja. Jekk aħna noqogħdu naħsbu li ser nidhru quddiem Alla b’din ir-responsabilta’, ikollna problema għax ma jkunx hawn iżjed predikaturi. Imma aħna s-saċerdoti għandna noffru lil Alla l-fakulta’ tal-kelma, u filwaqt li nħalluh jinqeda bina naraw iseħħu l-mirakli. Hawnhekk ukoll jitkellem Dun Salv, li tant kien jgħożż il-ministeru tal-kelma. Kemm qal kliem, jew aħjar kemm-il darba ħalla l-fomm tiegħu jkun il-mikrofonu ta’ Alla u t-tromba tal-Knisja biex bil-kelma jfejjaq u jagħti l-ħajja! Dan huwa l-ministeru tagħna, għeżież tiegħi.

Ma jfissirx li ma jkollniex mumenti tqal speċjalment meta jkollna responsabiltajiet. Hawnhekk jien ukoll inġib quddiem għajnejja lil Dun Salv fid-diversi responsabiltajiet li kellu fid-djoċesi u f’din il-parroċċa, partikularment fis-snin li għamel bħala ragħaj spiritwali ta’ din il-komunita’. F’dawk il-mumenti għat-telgħa, jagħmlilna kuraġġ dak li qrajna fit-tieni qari tal-lum: “Min ser jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? Taħbit, dwejjaq, persekuzzjoni, ġuħ, għera, tiġrib, xabla? F’dan kollu, aħna noħorġu rebbieħa mhux bis-saħħa tagħna imma bil-qawwa ta’ Kristu” (Rum 8,35ss). U bħalma Pawlu jagħmel l-istorja tiegħu fl-ittra lill-Korintin, jien ngħidilkom li kull saċerdot mogħti għall-ministeru għandu l-istorja tiegħu, mhux eskluż ħuna Dun Salv. Ikompli jilkteb San Pawl: ”Jiena żgur li la l-ħajja u la l-mewt, la l-anġli u lanqas il-qawwiet, la ż-żmien ta’ issa u ta’ li ġej, la l-għoli u lanqas il-fond, l-ebda ħlieqa oħra ma jistgħu jifirduna mill-imħabba ta’ Alla fi Kristu Ġesu”. Għax il-qawwa ta’ Alla mhix dawk il-ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, imma l-qawwa tagħna huwa Kristu li sejħilna u għamilna ambaxxaturi tiegħu. Hija din l-imħabba ta’ Alla li kif jgħidilna San Pawl ma tħalli xejn milli jifridna minnu: lanqas il-mewt.

Mela anke f’dan il-mument, meta qed nagħmlu din il-liturġija, għandna nimtlew bit-tama għaliex lanqas il-mewt ma tista’ tifridna mill-imħabba ta’ Kristu. Jiena konvint li fil-mument li fih Dun Salv wasal biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, ma beżgħax, imma bħal San Pawl qal: “X’ser jifridna mill-imħabba ta’ Kristu?”

Għalhekk, għeżież tiegħi, itolbu għalina ħalli aħna nkunu mhux biss ministri tagħkom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla, imma nkunu xhieda għalikom. Ħarsu lejn dan it-tempju sabiħ, mimli b’xhieda. Hawnhekk jiġini f’moħħi San Ġorġ li jżejjen din il-komunita’. Min jaf kemm Dun Salv ispira ruħu mix-xhieda ta’ San Ġorġ li bħal Pawlu wkoll kien jgħid: “Min ser jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? Għera, taħbit, persekuzzjoni, ix-xabla, l-mewt?” Għandi tama qawwija li bl-għajnuna tagħkom ikollna presbiteria li, għalkemm konxji mix-xejn u d-djgħufija tagħhom, ikunu mimlija bl-imħabba għal Kristu, ħalli imbagħad anke lilkom ngħinukom sabiex ilkoll flimkien, meta jasal il-mument u ma nafux meta, nerġgħu niltaqgħu ma’ l-għeżież tagħna.