Ix-xewqa tal-ħajja ta’ dejjem
Omelija fil-Velja ta’ l-Assunta
Santwarju ta’ Pinu (14 ta’ Awissu 2007)

Omelija fil-Velja ta’ l-Assunta
Madonna Ta’ Pinu
It-Tlieta 14 ta’ Awissu 2007
L-E.T. Mons. Mario Grech, isqof ta’ Għawdex

IX-XEWQA TAL-ĦAJJA TA’ DEJJEM

Jekk f’Kana tal-Galilija Ġesù għamel miraklu li huwa sinjal biex aħna nemmnu fih, dak li qegħdin niċċelebraw illejla – l-Assunzjoni ta’ Marija – huwa sinjal ieħor qawwi li permezz tiegħu aħna nsaħħu l-fidi tagħna fi Kristu. Huwa sinjal ieħor ta’ Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem, biex aħna, għeżież tiegħi, nikkontemplaw il-verità li hemm tistenniena: li bħalma Marija daħlet fl-Arka ta’ dejjem li hija l-ġenna, u hemmhekk qiegħda tgawdi lil Alla, u hemmhekk seħħet l-għaqda definittiva tagħha ma’ Alla, hekk ukoll kull wieħed u waħda minna – il-Knisja tagħna trid tkun Knisja illi tgħix b’din ix-xewqa! – irid ikollu fil-fond ta’ qalbu, ta’ qalbha, din ix-xewqa illi naraw lil Alla wiċċ imb’wiċċ, illi għalina wkoll jasal dak il-mument fejn ningħaqdu ma’ Alla għal dejjem.

“Il-qalb tagħna ma ssibx mistrieħ jekk mhux fik, o Alla”. Dan il-kliem jgħidu Sant’Wistin, imma xieraq li jkun fuq fommi, fuq fommok u fuq fommna. Il-qalb tagħna tistrieħ biss meta bħal Marija aħna nidħlu fl-eternità. Kemm hi bxara tajba li mhux biss neħtiġuha aħna miġburin hawn illejla, imma kif għidnielkom aħna l-isqfijiet tagħkom (ara Pastorali ta’ Santa Marija 2007) – jiena u l-arċisqof – hija bxara tajba li nħossu li għandha tidwi f’kull qalb, f’kull familja, f’kull komunità ta’ pajjiżna.

Imma biex Marija setgħet tidħol fl-eternità u tingħaqad ma’ Alla u tgħix fl-Arka għal dejjem, f’ħajjitha kienet mimlija bil-grazzja; f’ħajjitha, meta kienet bħalna f’din id-dinja, kienet hi l-Arka illi laqgħet fiha lill-Verb ta’ Alla. Kienet hi illi bl-“iva” tagħha lil Alla ħaddnet fiha lil Kristu. U hekk ukoll aħna, jekk irridu naslu għal din id-destinazzjoni rridu nilqgħu lil Kristu fina u nagħmlulu spazju biex jgħammar magħna. U għalhekk fl-ittra pastorali illi tajniekom f’dawn il-jiem għamilna appell ħalli nkunu nafu aktar lil Kristu, u lil Kristu Rxoxt.

Nimtlew bil-ħsieb ta’ Alla
Marija llum ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem għaliex kienet mimlija bis-sens ta’ Alla, kienet mimlija bil-ħsieb ta’ Alla. San Pawl fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin jgħidilna: “Min jista’ jifhem is-sens, il-moħħ ta’ Alla?”. U jgħid ukoll: “Aħna għandna fina dan is-sens ta’ Alla, dan il-ħsieb ta’ Alla” (ara 1 Kor 2,16). U dan li nixtieq nafdalkom f’din il-Velja: illi lkoll flimkien nimpenjaw lilna nfusna biex nimtlew b’dan is-sens ta’ Alla, b’dan il-moħħ ta’ Alla, il-ħsieb ta’ Alla, biex bħal Marija l-moħħ tagħna jaħseb bħall-moħħ ta’ Alla, il-ħsieb tagħna jkun jaqbel mal-ħsieb ta’ Alla u ngħixu f’Alla.

X’ifisser ikollna l-ħsieb ta’ Alla? Illi nagħrfu x’irid Alla, x’inhu l-ħsieb ta’ Alla fuq il-bniedem, x’inhu l-ħsieb ta’ Alla fuq il-familja, x’inhu l-ħsieb ta’ Alla fuq l-art li aħna naħdmu u minnha naqilgħu l-għixien tagħna, x’inhu l-ħsieb ta’ Alla fuq il-ħajja. Imma biex aħna niksbu dan il-moħħ, il-ħsieb ta’ Alla, irridu nkunu nafu x’irid Alla u kif din ir-rieda tiegħu hi murija lilna fl-Iskrittura mqaddsa, partikularment fil-Vanġelu, fejn għandna lil Kristu illi wasslilna l-Kelma definittiva ta’ Alla, li rrivelalna l-moħħ ta’ Alla: “Min jara lili jara l-Missier” (ara Ġw 12,45).

U għalhekk, għeżież tiegħi, inħeġġiġkom, partikularment issa li qegħdin nippreparaw lilna nfusna għas-sinodu li ħa tlaqqa’ l-Knisja proprju fuq il-Kelma ta’ Alla u l-missjoni tal-Knisja, biex nitħeġġu aktar fl-għarfien tal-Kelma ta’ Alla. U għad-djoċesi tagħna l-appell li qegħdin nagħmlu, il-proposta li qegħdin nagħmlu għas-sena li ġejja hija proprju biex “inkunu ħbieb ta’ l-Evanġelju”. U nixtiequ illi fil-komunitajiet tagħna jitwaqqfu gruppi illi jiltaqgħu biex jagħmluha mal-Kelma, biex jistudjaw il-Kelma, biex jirriflettu fuq il-Kelma, għax minn hemmhekk nagħrfu l-ħsieb ta’ Alla, il-moħħ ta’ Alla. Kemm tkun ħaġa f’lokha kieku lkoll kemm aħna nitrawmu f’dik li tissejjaħ il-Lectio Divina, ħalli meta naqraw il-Kelma ta’ Alla b’din l-attitudni ta’ talb aħna niskopru x’irid Alla.

Skejjel ta’ talb u ta’ katekeżi
Imma meta nitkellem ukoll fuq is-sens ta’ Alla nifhem illi aħna nkunu konvinti illi nitħarrku, naġixxu, li l-ħajja tagħna tiżvolġi ruħha fil-preżenza ta’ Alla, li m’hix verità magħrufa minn kulħadd. Għax xi drabi l-mod kif nitkellmu, il-mod kif naġixxu, il-mod kif infasslu l-istil tal-ħajja tagħna jagħti indikazzjoni illi Alla mhux jgħammar fostna, jew aħjar aħna m’aħniex ngħammru fil-preżenza ta’ Alla. U biex nikbru f’dan is-sens ta’ Alla hija meħtieġa l-ħajja tat-talb.

U llejla nitlob lilkom, familji, illi sa ftit snin ilu kontu l-ewwel skola tat-talb, għaliex fejn hemm l-ispirtu tat-talb hemm is-sens ta’ Alla, hemm il-preżenza ta’ Alla. Imma llum sfortunatament lanqas nistgħu nserrħu fuq din l-iskola ta’ talb li hija l-familja, u allura hija meħtieġa iktar minn qabel il-ħidma kateketika, il-katekeżi. U nħeġġeġ lil dawk fostkom illi jħossu li l-Mulej qiegħed isejħilhom biex ikunu katekisti, għaliex il-komunità kristjana għandha bżonn urġenti ta’ lajċi u reliġjużi illi meta huma mimlijin b’Alla jwasslu dan is-sens ta’ Alla bil-ħidma kateketika tagħhom lill-oħrajn. U għalhekk ukoll inħossu l-bżonn illi lill-katekisti tagħna ngħinuhom ikomplu jiffurmaw lilhom infushom.

U nerġa’ ngħid issa għal dawk li huma fid-djoċesi tagħna: minn hawn u ftit ġimgħat oħra nagħmlulhom stedina – nerġa’ ngħid lill-katekisti – ħalli proprju nagħmlu esperjenza flimkien ta’ formazzjoni, ħalli nkunu nistgħu nwettqu missjoni tant importanti, anki fis-soċjetà tagħna, ħalli nnisslu s-sens ta’ Alla. Huwa dan illi b’xi mod jista’ jiggarantilna illi aħna jkollna l-ħsieb ta’ Alla, il-moħħ ta’ Alla, li aħna jkollna dan is-sens ta’ Alla, li huwa biss antiċipazzjoni ta’ dak illi hemm jistenniena, huwa biss tħejjija biex aħna ngħaddu minn dik l-istess esperjenza li għaddiet minnha omm Kristu u l-omm tagħna, Marija ta’ Nazaret: li aħna wkoll naslu biex naraw lil Alla wiċċ imb’wiċċ.

U rrid ngħid kelma ta’ apprezzament anki għall-preżenza tagħkom hawn illejla. Uħud minnkom ġejtu mill-bogħod, imma jien ninterpreta l-preżenza tagħkom bħala xewqa biex taraw lil Alla, bħala espressjoni ta’ l-għatx spiritwali li hemm fikom ħalli titqanqlu bl-imħabba għal Alla. U llejla nitlob lill-Verġni Marija ħalli tkun hi illi takkumpanjana u tgħinna biex ilkoll flimkien nilħqu dan l-ideal.