ITTRA
PASTORALI
MILL-E.T. MONS. PAWL CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta
u
MILL-E.T. MONS. MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex
fl-okkażjoni tal-Festa ta’
Marija Mtellgħa s-Sema
2007
IL-VERU FUTUR TAL-BNIEDEM
Maħbubin Uliedna,
Mistoqsija li jagħmel il-bniedem ta’ kull żmien hija dwar x’futur hemm għalih. Hija mistoqsija li jagħmlu ħafna ġenituri mħassbin dwar uliedhom; l-istudenti li dalwaqt jerġgħu jibdew l-iskola; iż-żgħażagħ li qegħdin ifittxu x-xogħol; l-għarajjes li qed jippjanaw għaż-żwieġ; il-pensjonanti li issa rtiraw mix-xogħol; il-morda li qed ifittxu kura; dawk li kellhom falliment fiż-żwieġ u jixtiequ jibdew paġna ġdida. Dan hu kollu tħassib li jinkwetana. Imma lil hinn mill-inkwiet materjali, il-bniedem jagħmel ukoll mistoqsijiet dwar l-għan veru ta’ ħajtu u dwar l-esperjenza tal-mewt u x’jista’ jkun hemm wara l-mewt!
Fl-istess ħin, qed ngħixu f’kultura li tipprova tnessina li hemm ħajja wara l-mewt. Uħud donnu jimpurtahom biss mill-preżent mingħajr il-ħsieb ta’ l-għada; oħrajn aktar jinteressahom mill-ħajja kif inhi hawn milli mill-ħajja ta’ dejjem. Ma niskantaw xejn li fost il-mard serju tas-soċjetà tagħna l-lum teżisti skarsezza ta’ dawk iċ-ċertezzi ta’ l-etika li normalment iservu ta’ gwida żgura għall-oqsma tax-xogħol u l-kultura, għar-riċerka xjentifika u l-applikazzjoni tal-kisbiet tagħha għall-fejqan, għall-istil tal-ħajja adottat miċ-ċittadini u mill-familji, kif ukoll għall-għażliet politiċi u leġislattivi. Ma tissorprendix li għandna l-mentalità li ma nħossuniex marbutin li nagħtu kont ta’ għemilna lil ħadd! Għax jekk ngħixu ħajjitna daqs li kieku Alla ma jeżistix, qiesu noqtlu lil Alla, kollox isir leċitu. Mhux Alla huwa l-għajn tal-verità u tat-tajjeb? Jekk ma nemmnux li xi darba se nidhru quddiem Alla u rridu nagħtu kont ta’ għemilna, x’sejjer jgħinna biex inkunu responsabbli magħna nfusna u ma’ l-oħrajn?
It-tifsira vera ta’ ħajjitna
Quddiem din ir-realtà, il-festa ta’ l-Assunta toffrilna ħafna dawl dwar it-tifsira vera ta’ ħajjitna u dwar il-veru futur tal-bniedem. Għaliex meta Marija ġiet imtellgħa s-sema hija ħadet sehem mir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt u qed tgħix għal dejjem. Hekk għandna eżempju tal-qawwa tal-Qawmien ta’ Kristu, li huwa fatt li seħħ fl-istorja u l-Appostli huma xhieda tiegħu (Atti 2.22-32). Li Kristu qam mill-mewt ma jfissirx li huwa reġa’ ġie lura għall-ħajja li aħna mdorrijin biha fid-dinja; imma bil-qawmien tiegħu hu daħal f’ħajja totalment ġdida u differenti: il-ħajja ta’ dejjem fi ħdan il-Missier. Miegħu, huwa daħħal lill-familja kollha tal-bnedmin: “kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida” (Rum 6.4).
Marija hija l-ewwel xhud tal-Qawmien ta’ Binha u l-ewwel fost il-bnedmin li daħlet wara Kristu fil-glorja tas-sema. Għalhekk, il-Konċilju Vatikan II jistedinna nħarsu hekk lejn Marija: “Bħalma Omm Ġesù fis-sema, fejn hija diġà fil-glorja bir-ruħ u l-ġisem, hija l-bidu u x-xbieha tal-Knisja, kif għad tkun ipperfezzjonata fiż-żmien li ġej, hekk ukoll hija fuq din l-art, sakemm jasal jum il-Mulej, bħala sinjal jiddi ta’ tama żgura u ta’ faraġ għall-poplu ta’ Alla fil-mixja tiegħu lejn is-sema” (Lumen Gentium, 68).
“Din it-tama ma tqarraqx bina għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna” (Rum 5.5). Il-pedament ta’ din it-tama nisranija hija l-imħabba bla tarf li dehret fil-misteru tal-Għid ta’ Ġesù Kristu. Għax iħobbna, Ġesù ngħata lill-Missier u għalina. Għax iħobbu, il-Missier qajmu mill-mewt. U kif San Pawl jgħid lill-Knisja f’Korintu, “Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu … Bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu (cfr.1Kor 15.20-22). Għalhekk, aħna l-Isqfijiet inħeġġukom biex tkunu tafu aktar lil Kristu Rxoxt, li hu s-sustanza tal-messaġġ evanġeliku, għax bil-qawmien tiegħu qed jipproponilna l-ħajja eterna fil-glorja tal-ġenna.
Fid-dawl ta’ dan kollu, inħossu li huwa urġenti u kruċjali li l-komunità ekkleżjali f’pajjiżna terġa’ tiskopri u tipproponi lis-soċjetà dgħajfa tal-lum id-dimensjoni l-oħra tal-ħajja f’din id-dinja li sikwit qed ninsew: il-ħajja ta’ dejjem. Jekk fl-imgħoddi riċenti kien hemm min ħaseb li t-tagħlim dwar il-“ħwejjeġ ta’ l-aħħar” ma kienx iktar attwali u ma kienx jagħmel sens, il-lum il-ġurnata din il-verità tal-fidi tagħna kif nistqarruha fil-Kredu hija waħda mis-sinjali taż-żminijiet għaliex toffri sfida u tweġiba fl-istess ħin lill-bniedem u lis-soċjetà li huma mifxulin dwar il-ġejjieni. Għaliex jekk il-futur huwa proġett li jippjana l-bniedem, il-ħajja ta’ dejjem hija l-futur kif rivelat minn Alla. U Alla jirrivelalna l-verità dwar il-bniedem sħiħ. San Ġorġ Preca kien ta’ spiss jitkellem fuq in-Novissmi. U ta’ spiss il-lum nisimgħu anke l-akkuża li aħna s-saċerdoti fil-predikazzjoni tagħna, ftit li xejn nitkellmu fuq dan.
Għan għal ħajjitna
Dan il-futur muri lilna minn Alla ma għandux x’jaqsam biss ma’ dak li qed jistenniena wara l-mewt, meta niltaqgħu ma’ Alla wiċċ imb’wiċċ, imma joffrilna għan għal ħajjitna li jissarraf fil-ħajja tagħna tal-lum. Infatti, it-tama nisranija mhix aljenazzjoni jew ħarba mill-impenn tal-ħajja ta’ kuljum. Jekk nifhmu hekk, inkunu qed inħaddnu ereżija. “Il-Knisja tgħallem”, jgħidilna l-Konċilju, “li t-tama eskatoloġika ma tnaqqasx l-importanza tad-dmirijiet fuq l-art, anzi ssaħħaħ it-twettiq tagħhom b’raġunijiet ġodda. Għall-kuntrarju, jekk jonqos il-pedament ta’ Alla u t-tama tal-ħajja ta’ dejjem, id-dinjità tal-bniedem tonqos ħafna … u l-enigma tal-ħajja u l-mewt, tal-ħtija u ta’ l-indiema, jibqgħu bla tweġiba u għalhekk mhux ftit drabi l-bnedmin jaqgħu fid-disperazzjoni” (Gaudium et Spes, 21). Il-verità dwar il-ħajja eterna tgħidli li l-bniedem ta’ ħdejja hu maħluq għal Alla u rrid nirrispettah u ma nfixklux anke f’dan; il-ħwejjeġ materjali huma utli u neċessarji, iżda ma nistax ma naħsibx kif nużahom tajjeb, għax dawn jistgħu jkunu teżor għalija fis-sema; it-tbatija u l-mewt ma niħux gost bihom, iżda nista’ ngħaqqadhom mat-tbatija ta’ Kristu li kienet biss passaġġ għall-ħajja ta’ dejjem.
Jekk mil-lum ma nkunux mexjin lejn l-eternità, aħna pagani ġodda! Għax min ma jemminx fil-ħajja ta’ dejjem, ma jkollux fih ix-xewqa li jingħaqad ma’ Alla biex igawdi l-wiċċ sabiħ tiegħu; ma jkollux qawwa u dawl biżżejjed biex jissielet kontra d-dnub u l-ħażen. U konsegwenza ta’ dan, ikollu viżjoni mċajpra dwar dak li jagħmel il-ħajja umana esperjenza sabiħa u sħiħa: dwar x’inhu l-bniedem, dwar il-valur tal-ħajja, l-importanza tar-relazzjonijiet fil-familja u fil-komunità, il-kwalità tar-rabtiet bejn l-imsieħba soċjali, l-edukazzjoni u t-trasmissjoni tal-valuri, l-attenzjoni lejn dawk fil-bżonn, is-sens ċiviku, u r-rispett lejn il-legalità.
Infatti, kieku wieħed ikun jaf li għandu jidher quddiem Alla, kieku se jigdeb, jisraq, joqtol? Kieku fiż-żwieġ, qabel xi ħadd jittradixxi lill-parti l-oħra u lill-familja tiegħu jew tagħha, jagħraf jew tagħraf li l-infedeltà hija dnub bil-konsegwenzi eterni tiegħu, kieku jasal biex jagħmel dan it-tradiment? Kieku konvinti li aħna ta’ Alla u ħaddieħor huwa tiegħu wkoll, kieku ma naħsbuhiex darbtejn qabel ma nkunu ta’ skandlu? Kieku taf li xi darba għad tista’ tisma’ lil Alla jgħidlek, “kont bil-guħ u ma tmajtnix … kont barrani u ma ltqajtnix … kont għeri u ma libbistnix … kont marid u l-ħabs u ma ġejtx iżżurni”, ma taħsibx li tkun aktar attent kif tittratta l-proxxmu tiegħek? Kieku naf li rrid nirrispondi quddiem Alla għall-għemil irresponsabbli tiegħi, ma nkunx aktar attent biex nirrispetta dak li jagħmel parti mill-ġid komuni, bħalma huma r-riżorsi materjali u l-patrimonju kulturali u ambjentali tal-pajjiż?
Preżenza li toffri ħajja ġdida
Hija xewqa tagħna l-Isqfijiet li l-festa ta’ l-Għid ta’ l-Assunta tqanqal lilna bħala Knisja f’Malta u Għawdex biex il-kliem tal-Kredu, fejn jingħad li “nistennew il-qawma mill-imwiet u l-ħajja taż-żmien li ġej”, mhux biss ngħiduh bix-xufftejn imma ngħixuh; biex inkunu tassew sagrament tal-Qawmien u għalhekk preżenza f’pajjiżna li toffri ħajja ġdida.
Għalhekk, nagħmlu sejħa lill-poplu ta’ Alla biex filwaqt li jkompli jirrifletti aktar fil-fond dwar l-Għid ta’ Kristu, jinbena f’komunitajiet ta’ nsara li, fi kliem Sant’Injazju ta’ Antijokja jiddistingwu ruħhom bħala “dawk li kisbu tama ġdida” u jgħixu bħala wlied il-Jum tal-Ħadd (dies dominicam viventes), peress li fil-jum tal-Ħadd il-Knisja tfakkar l-Għid tal-Mulej.
Nixtiequ li jkollna komunitajiet, partikularment dawk parrokkjali, li jgħożżu aktar l-Ewkaristija tal-Ħadd. Nixtiequ wkoll li jsir sforz ġenwin u kollettiv biex il-liturġija tkun tassew ċelebrazzjoni li tiftiehem u tħalli frott. Hekk, bħala nsara nieħdu l-aktar ġid minn dan is-sagrifiċċju Ewkaristiku li bih is-sagrifiċċju tas-Salib jibqa’ jiġġedded sal-miġja tiegħu (Sacrosanctum Concilium, 47).
Konvinti li l-fidi tagħna dwar il-ħajja wara l-mewt tista’ tagħti tifsira aktar għolja lillesperjenzi ta’ ħutna, tal-familji u tas-soċjetà, inħeġġukom biex titkellmu dwarhom filpredikazzjoni, fil-katekeżi, fl-evanġelizzazzjoni u bejnietna. Jekk ngħixu dan, mhux il-Knisja biss tikber, iżda nħallu effett pożittiv fuq is-soċjetà tagħna f’dawn il-gżejjer. Aħseb x’inti kapaċi tagħti lis-soċjetà ċivili jekk tħares il-kmandamenti u jekk tkun imbuttat mill-kelma u mill-kwalità tal-ħajja proposta minn Ġesù!
Ħafna minna qatt ma ċaħdu l-verità tal-Qawmien u l-Ħajja ta’ Dejjem, imma għażlu li jwarrbuha u ma jaħsbux fiha; imma mbagħad, meta nkunu quddiem il-mewt tagħna jew ta’ xi ħadd għażiż għalina, nibdew naħsbu u nitkellmu dwar il-ġenna. Għaliex ma tibdiex tirrifletti u titkellem il-lum fuq dak li taf li se taħseb fuqu f’dawk iċ-ċirkustanzi?
Hekk, it-tlugħ fis-sema ta’ Marija, li tant niċċelebrawh bi mħabba fil-gżejjer tagħna, jibda jfisser ukoll bidla f’ħajjitna u fil-ħajja tal-Knisja.
Nagħtukom il-barka pastorali tagħna b’rahan ta’ kull ġid mis-sema.
Il-lum, 6 ta’ Awissu 2007, Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej.
PAWL CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta
MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex