Omelija ta’ l-Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġwann Battista li saret fix-Xewkija, nhar il-Ħadd 24 ta’ Ġunju 2007
NIRBĦU L-KRIŻI TAL-FIDUĊJA
Filosofu ta’ żmienna, Onora O’Neill, tgħid li qed ngħixu fi żmien fejn hawn kriżi ta’ fiduċja. Minħabba li hemm suspett kważi f’kollox, il-bniedem ma jafx fejn huwa s-sewwa u x’inhu awtentiku. Għadna diversi għejun li suppost jgħinuna indawlu lilna nfusna b’dak li huwa veru, imma minħabba din il-kriżi tal-fiduċja dawn mhux qed jitwemmnu. Jekk jitkellmu dawk li jifhmu fl-ekonomija, xi wħud jistgħu jistaqsu jekk dawn humiex jgħidu s-sewwa; jekk nosservaw dak li tgħid il-media lokali, ġie li ssib min irid iqarraq; jekk jitkellmu l-awtoritajiet ċivili jew il-politiċi, hemm min jissuspetta dwarhom! Anke f’dak li jgħidu n-nies tal-Knisja hemm min jidħollu jew idaħħlulu d-dubju! Dan kollu jikkontribwixxi biex din il-kriżi ta’ fiduċja ma thallinix nersqu lejn il-verità.
Velu li jgħatti
San Pawl fit-tieni ittra lill-Korintini jgħid l-poplu Lhudi kellu velu quddiem għajnejh li ma ħallihx jaqra l-Kotba tal-Patt il-Qadim; kien velu li jtelliflu l-viżjoni ta’ Alla. Pawlu jgħallem li huwa Kristu li jista’ jċarrat dan il-velu [2Kor 3,12ss]. Fil-każ tagħna, dan il-velu hu minsuġ minn diversi ħjut. Nistgħu nkunu aħna stess li minħabba l-injoranza tagħna m’aħnix kapaċi nippenetraw il-verità. Iżda jista’ jkun ukoll li hemm minn qed jieħu ċerti atteġġjament biex ipoġi għammad fuq għajnejna ħalli niġu mqarrqin.
Il-Battista jċarrat il-velu
Jien nixtieq nirrifletti magħkom dwar kif Ġwanni huwa dak li jċarrat il-velu li jaħbi l-awtentiċità. Ġwanni huwa dak li jneħħi l-maskra.
Fl-ewwel qari, meħud mill-profeta Isaija, għadna kliem li nistgħu napplikawh għal San Ġwann il-Battista, meta jgħidilna li Alla sejjaħlu minn ġuf ommu biex jagħmlu vleġġa mahtura u fommu jagħmilulu xabla msinna [Is. 49]. Il-vleġġa u x-xabla m’humiex armi biex wieħed jiddefendi lilu nnifsu bihom, imma huma armi normalment użati għal offensiva, biex bihom wieħed jagħmel l-attakk. Fid-dawl ta’ dak li għidna aktar ’il fuq, nużaw dawn l-armi biex inċarrtu l-velu li jaħbi minna l-awtentiċità! Ġwanni l-Għammiedi kien xabla msinna u vleġġa maħtura biex jagħmel din l-offensiva: biex jgħin lill-bniedem tal-bierah u tal-lum jegħleb il-kriżi tas-suspett. Nixtieq insemmi erba’ aspetti mill-ħajja ta’ Ġwanni li fejn jidhirli li irnexxielu jċarrat dan il-velu.
Alla moħbi
Ġwanni huwa dak li jgħin lill-poplu Lhudi jwarrab il-velu li ma jħallihx jara lil Ġesù, il-Ħaruf ta’ Alla. Kristu kien qed jgħix mal-poplu, imma l-Lhud ma għarfuhx. Kellu jkun Ġwanni li jgħin lill-bniedem ineħħi dan il-velu u jagħraf lil Alla magħmul bniedem. Lin-nies kien jgħidilhom: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu li għalih għidtilkom li ġej warajja xi ħadd li huwa aqwa minni għax kien minn qabli” (Ġw 1,29-30). Ġwanni jkompli jgħid li “Dak li bagħatni biex ngħammed bl-ilma, hu stess qalli biex fuq minn tara l-Ispirtu nieżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu … Dan huwa l-Iben ta’ Alla” [ibid]. U meta l-għada il-Prekursur kien mad-dixxipli tiegħu u ra lil Ġesù għaddej minn hemm, qalilhom: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla”, u d- dixxipli neħħew il-velu li kien jgħattilhom l-viżjoni ta’ Alla u marru wara Ġesù (Ġw 3,35-37).
Meta l-Battista lil Kristu jsejjaħlu l-Ħaruf ta’ Alla, dan ifisser li Ġwanni kien qed jippenetra l-misteru ta’ Alla u jara lil Kristu bħala l-Ħaruf tas-sagrifiċċju. Fi Kristu Ġwanni lemaħ lil dak li ser jieħu magħmudija bil-wisq differenti u superjuri għall-magħmudija li hu kien qed jamministra fil-Ġordan: il-magħmudija tad-demm. Aħna nafu li Ġesù vittma fuq is-salib huwa l-Ħaruf ta’ Alla offrut għas-salvazzjoni tagħna.
Kif Ġwanni l-Battista għen lis-soċjetà ta’ żmienu biex iċċarrat dan il-velu u tagħraf il-preżenza ta’ Kristu li kien magħhom imma ma għarfuhx, hekk ukoll illum San Ġwann ikompli jgħinna biex aħna nneħħu minn fuq għajnejna dak il-għata li qiegħed ifixkilna milli nimxu wara Kristu, il-Ħaruf ta’ Alla.
Jekk dan kien pass pożittiv, għax Ġwanni ħeġġeġ lil-Lhud biex jagħrfu ħaġa tajba, fl-istess ħin kellu jissielet biex iċarrat maskri oħrajn li kienu jaħbu l-ħażen.
Ipokrisija reliġjuża
Hekk, per eżempju, lill-poplu li kien imur jisimgħu u li kien poplu formalment reliġjuż, Ġwanni kien jgħidlu: “Ja nisel il-lifgħat! Agħmlu frott ta’ l-indiema. U taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom: għandna b’missier lil Abraham, għax ngħidilkom li Alla minn dan il-ġebel jista’ jqajjem ulied lil Abraham” (Mt 2,7-9).
Dan huwa kliem iebes, imma Ġwanni l-Battista ma jibżax ixandar il-verità biex iċarrat il-masra tal-ipokrisija reliġjuża minn fuq dak il-poplu li kien jiftaħar li kellu “tradizzjoni” reliġjuża antika! Kien poplu li jimla t-tempju, imma ma kienx poplu-tempju li fih jgħammar Alla. Il-Battista jsejhilhom “nisel il-lifgħat”. Hawnhekk għandna referenza għas-serp tal-Ġenesi, dak is-serp li bil-gidba jwaqqa’ lill-bniedem. Għalhekk, Ġwanni lin-nies ta’ quddiemu qed jgħidilhom: “Intom nies li qed tgħixu fil-gideb, kif jista’ jkun hemm l-awtentiċità fil-ħajja tagħkom? Kif tistgħu ma tnisslux kriżi tas-suspett meta dak li tgħidu huwa gidba?” Ġwanni jgħidilhom biex ma joqogħdux iserrħu raskom li huma ulied Abraham, u jaħsbu li l-istorja millenarja tagħhom bħala l-poplu magħżul hija xi garanzija. La huma t-tradizzjonijiet u lanqas il-konswetudni li jagħmlu l-poplu ta’ Alla; imma s-serħan tar-ras jinkiseb biss jekk huma jilqgħu l-kelma ta’ Alla u jħallu l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fihom.
Li kieku Ġwanni jigi jitkellem illum, m’hemmx bżonn ukoll li jtajjar dan il-velu minn fuq ħafna minna, li l-assikurazzjoni tagħhom huma t-tradizzjonijiet reliġjużi tagħhom? li mohhom mistrieh għaliex nanniethom, bużnanniethom kienu “nies tal-knisja” u għax il-kultura tagħhom hija kultura Kristjana? Imma llum ta’ min jistaqsi jekk ahniex verament Kristjani jew le. Għax jista’ jingħata l-każ li bhal-Lhud lil Alla nqimuh bil-fomm biss, mentri ħajjitna tkun ’il bogħod mir-rieda tiegħu.
Dan l-istess kliem iebes Ġwanni kien itennih b’wiċċu minn quddiem lis-Saduċej u lill-Farizej. Dawn kienu gruppi reliġjużi, ħafna qrib tat-tempju. Suppost kienu l-krema tal-poplu ta’ Alla. Imma anke hawnhekk San Ġwann ma jibżax itajrilhom il-maskra u jgħidilhom kliem li jirrifletti dak li kienu jgħallmu l-profeti: li mhux it-tempju li jgħodd, imma li jieħdu ħsieb l-iltiema, ir-romol u l-foqra; li t-tempju veru huwa l-qalb tagħna. Nerġa’ ngħid li San Ġwann dan kien qed jgħidu lil grupp partikulari fi ħdan il-poplu ta’ Alla, grupp illi kieku llum jinkludi lili nnifsi u lil sħabi s-saċerdoti – għaliex anke aħna nistgħu niżbaljaw u jista’ jkollna maskra!
Etika fil-politika
Imbagħad hemm it-tielet kategorija li Ġwanni l-Prekursur bil-kuraġġ kellu jtajrilhom il-maskra tagħhom. F’din il-kategorija niġbor lil Erodi, il-pubblikani u s-suldati li kienu jirrikorru għandu. Fihom nilmaħ il-politiċi u l-amministrazzjoni ċivili tas-soċjetà. Veru li lil Erodi Ġwanni jgħidlu biex lil Erodja jħalliha għax ma kienitx martu imma mart Filippu. Jien nifhem li b’dan l-intervent, Ġwanni kien qed jikkritika s-sistema li biha kien qed imexxi l-bniedem fil-poter ta’ dak iż-żmien, Erodi. Għax meta lil Erodi kien qed jiftaħlu għajnejh u jgħidlu li kien immorali li wieħed jgħix f’adulterju, ċertament Ġwanni kien qed jappellalu biex fid-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tiegħu bħala leġiżlatur ma jitfax taħt saqajh il-prinċipji etiċi! Jekk lil Erodi Ġwanni kien qed jgħidlu biex joqgħod kawt għaliex bil-kelma u bl-eżempju tiegħu kien skandlu għas-soċjetà, daqstant ieħor kien qed jgħidlu biex iħaddem l-awtorità tiegħu b’mod li ma jkunx ta’ dannu għas-soċjetà.
Is-sistema fiskali ġusta
Anke lill-pubblikani u lis-suldati qalilhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu … tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom u kkuntentaw bil-paga tagħkom” [Lq 3,14]. Bħal donnu li Ġwanni kien qed jattakka l-amministrazzjoni fiskali tas-soċjetà ta’ żmienu li kienet sistema inġusta għax mibnija fuq is-serq, it-theddid u l-qerq. Anke jekk kien jaf x’inhu l-ħlas tal-profeta, Ġwanni ma beżax joħroġ għonqu u jċarrtilhom il-velu billi jgħidilhom: “Hawnhekk qegħdin tiżbaljaw… il-qerq inissel l-isfiduċja u l-kultura tas-suspett”.
Xhieda tal-verità
Jidhrilkom illi kieku Ġwanni l-Battista kien qiegħed hawn illum ma jagħmilx minn kollox biex itajjar dawn il-maskri minn fuqna? Mhux ta’ b’xejn li Kristu jfaħħru u jgħidlu: “Inti xhud tal-verità”, “l-ikbar fost dawk li twieldu min-nisa’. Bir-raġun Kristu jgħid għalih: “Dan huwa musbieħ li jixgħel u jiddi biex ikeċċi d-dlamijiet”.
Imma Kristu jgħid ukoll li “l-iżgħar wieħed fis-saltna ta’ Alla huwa ikbar minnu” (Lq 9,28). Kristu qed jirreferi għalina lkoll. Huwa sewwa li jkollna mħabba għal San Ġwann, u huwa sewwa li nagħmlu festa ad unur tiegħu; imma dan għandu jkun mument fejn aħna nieqfu biex inġeddu l-impenn tagħna ħalli nkunu tassew xabla msinna u vleġġa maħtura f’idejn Alla, biex ikollna soċjetà iktar awtentika, soċjetà li tegħleb darba għal dejjem il-gideb u tispira fiduċja.
Kristu jgħid li minn Ġwanni il-Battista ’l hawn is-saltna tas-smewwiet sabet ħafna min ifixkilha u jaħbat għaliha; imma dawk li jitħabtu bis-sħiħ għaliha jaħtfuha (ara Mt 11,12). Mhux kliem ħafif biex tinterpretah. Imma nistgħu ngħidu li hawnhekk Ġesù qed jitkellem dwar żewġ kategoriji: dawk li qegħdin jaħbtu għas-saltna ta’ Alla b’kull mezz ħalli jiskreditaw il-poplu ta’Alla – dawk li bi kliemhom u b’għemilhom jiżirgħu s-sikrana li mbagħad toħnoq il-qamħ fis-soċjetà, inkluża tagħna. Imma mbagħad hemm dawk li “jitħabtu” bis-sħiħ għas-saltna tas-smewwiet u jirbħuha: dawn huma il-magħżulin, li b’sejħa qaddisa minn ġuf ommhom huma mibgħuta biex inkunu xabla msinna u vleġġa maħtura f’idejn Alla u jagħmlu l-ġid, anke jekk huma stess ikunu vittmi tal-vjolenza umana, bhalma juri l-martirju ta’ San Ġwann Battista. Aħna ma’ dawn hemm bżonn inkunu. Hekk fuq il-passi ta’ Ġwanni l-Għammiedi naħdmu biex ikollna soċjetà li terġa’ tikseb il-fiduċja.