Fl-okkażjoni tal-Festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, nhar il-Ħadd 10 ta’ Ġunju 2007 Mons Isqof Mario Grech qaddes fil-Katidral ta’ Għawdex u fl-omelija għamel din il-meditazzjoni.
IL-ĠUĦ ILLUM
Il-ġrajja deskritta fil-vanġelu tal-lum (Lq 9,11-17), meta Ġesù jsib quddiemu folla ta’ persuni li huma bil-ġuħ, mhix biss ġrajja remota imma tirrifletti l-esperjenza tal-bniedem tal-lum, għaliex anke llum għandna persuni li qed ibatu l-ġuħ.
Immigrazzjoni illegali
Hemm dawk li qed ifittxu li jissodisfaw il-ġuħ materjali. Filwaqt li ma nistax nittraskura l-foqra ta’ żmienna, irrid niftakar f’dawk l-immigranti illegali li qed jaqsmu l-baħar Mediterran u li dwarhom dan l-aħħar erġajna smajna. Din hija traġedja umana, u ma nistgħux nibqgħu indifferenti dwarha. Kif qal il-Papa Benedittu XVI il-bieraħ (is-Sibt 9 ta’ Ġunju) meta kellem lill-isqfijiet ta’ l-Afrika ta’ Fuq, il-qagħda ta’ dawn in-nies hija inkwetanti u drammatika u għandha tħasseb il-kuxjenza tagħna. Dan il-fenomenu jsir aktar preokkupanti meta wieħed jikkunsidra li wħud minn dawn il-persuni, waqt li jkunu jaqsmu l-baħar bid-dgħajjes tagħhom, jiltaqgħu mal-mewt! Din hija traġedja serja. Nifhem li bħala pajjiż m’għandniex is-soluzzjoni għal din il-problema; imma huwa importanti li nqajmu kuxjenza f’pajjiżna u barra minn pajjiżna dwar dan il-fenomenu. Kull min għandu x’jaqsam mat-traffikar tal-persuni, direttament jew indirettament, għandu jkun jaf li dan huwa delitt faħxi quddiem il-bnedmin u dnub serju ħafna quddiem Alla.
Ġuħ għal Alla
Imbagħad hemm dawk li huma bil-ġuħ għall-ikel spiritwali! U llum, li qegħdin niċċelebraw is-solennità tal-Corpus Christi, niftgħu l-ħarsa tagħna fuq Ġesù Ewkaristija li huwa l-“ħobż ħaj li niżel mis-sema”. Fl-Ewkaristija aħna nemmnu li hemm preżenti Ġesù, l-Iben t’Alla li sar bniedem. Dawk li huma bil-ġuħ għal Alla, għall-verità, għall-imħabba… ħa jersqu għand Ġesù Ewkaristija, u hemm isibu min jissodisfahom!
Imma nibża’ li din il-verità kattolika, jigifieri li wara li Ġesù joffri lilu nnifsu bħala vittma fis-sagrifiċċju ewkaristiku huwa jibqa’ realment preżenti bid-divinità u l-umanità tiegħu fl-Ewkaristija, kull ma jmur qegħda tiċċajpar fil-moħħ u l-qalb tagħna.
Dawk li ma jemmnux
Infatti għandna fostna xi wħud li ma jemmnux jew jiċħdu li Ġesù huwa preżenti fl-Ewkaristija. Forsi llum xi wħud għadhom ma sabux il-kuraġġ li jistqarru pubblikament dan in-nuqqas ta’ twemmin; imma min ma jemminx fil-mirakli li jagħmel Alla niddubita kemm jemmen fil-miraklu ta’ l-Ewkaristija!
Hemm dawk li, għalkemm jistgħu jitqarbnu, jagħżlu li jibqgħu ’l bogħod mill-Ewkaristija. Għalihom it-tqarbin huwa “lussu” li jistgħu jgħaddu mingħajru, u għalhekk jagħżlu li jitqarbnu okkażjonalment. Persuni bħal dawn qed jibagħtu messaġġ ambigwu dwar il-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija; għaliex min tassew huwa konvint li Ġesù Ewkaristija huwa l-ikel tal-ħajja, għandu jersaq aktar ta’ spiss, possibilment kuljum għat-tqarbin.
Imbagħad hemm numru ikbar ta’ persuni li, kif jgħid San Pawl, ma jagħżlux bejn l-Ewkaristija u ikel ieħor. Dawn jersqu biex jirċievu l-Ewkaristija qishom deħlin f’kafetterija biex jieħdu kafè! Dawn ukoll qed jibagħtu messaġġ li m’humiex konvinti mill-preżenza ta’ Ġesù fl-Ewkaristija. Min m’għandux id-dispożizzjoni, jew oġġettivament għandu x’iżommu milli jersaq biex jirċievi lil Ġesù Ewkaristija, joqgħod attent milli jersaq għat-tqarbin, għax barra li jkun qed jagħti skandlu, ikun qed iġib il-kundanna fuqu nnifsu. Meħtieġ li niċċelebraw u nersqu lejn l-Ewkaristija bl-ikbar devozzjoni u qima li jixirqilha l-preżenza t’Alla.
Adorazzjoni Ewkaristika
Fl-Ewkaristija Ġesù jingħata għalina. Din l-għotja Ġesù jagħmilha mhux biss meta nirċevuh fit-tqarbin, imma wkoll meta noqogħdu quddiemu nadurawh fis-silenzju. L-adorazzjoni ewkaristika hija għajn ta’ sliem, serħan u konsolazzjoni, u hemm bżonn niskopru l-valur ta’ din it-talba.
Xi ħadd għamilli osservazzjoni li l-bibien ta’ ħafna mill-knejjes tagħna jkunu magħluqin matul il-ġurnata. Nifhem li jista’ jkun hemm raġunijiet prattiċi, bħalma hija s-sigurtà; imma jista’ jkun ukoll li l-knejjes jagħlqu għax ma jkunx hemm min ifittex li jmur jagħmel żjara lil Ġesù Ewkaristija!
Għalhekk, inħeġġiġkom biex nitrawmu f’din id-drawwa qaddisa li matul il-jum nixirfu fil-knisja biex nagħmlu l-viżta tal-qalb lil Ġesù Ewkaristija. Anke din hija xhieda li aħna nemmnu fil-preżenza reali ta’ Ġesù fit-tabernaklu.