Dun Ġorġ u l-Kelma li tgħammar fostna
Omelija fiż-Żjara tar-Relikwa ta’ San Ġorġ Preca f’Għawdex
Katidral Għawdex (5 ta’ Ġunju 2007)

DUN ĠORĠ U L-KELMA LI TGĦAMMAR FOSTNA

Omelija fiż-Żjara tar-Relikwa ta’ San Ġorġ Preca f’Għawdex
Il-Katidral ta’ Għawdex, Victoria
It-Tlieta 5 ta’ Ġunju 2007
L-E.T. Mons. Mario Grech, isqof ta’ Għawdex

Li Dun Ġorġ kien qassis tajjeb nafuh ilkoll; kważi ma kellniex bżonn il-konferma tal-Knisja fuq dan. Il-fatt li Dun Ġorġ issa huwa qaddis lili ma jżidli xejn fl-imħabba u l-ammirazzjoni li kelli lejh. Imma din il-ġrajja tqanqalli xi mistoqsijiet: kif wieħed jasal biex ifisser l-entużjażmu u l-ħeġġa li dehru fil-poplu tagħna f’din il-ġrajja? X’ġiegħel ħamest elef Malti u Għawdxi jagħmlu sagrifiċċju u jmorru Ruma għal din iċ-ċelebrazzjoni (tal-kanonizzazzjoni ta’ Dun Ġorġ)? X’wassal biex tant minn ħutna fil-parroċċi li żorna llum – Għajnsielem, il-Qala, in-Nadur, San Ġorġ u issa hawnhekk fil-Katidral, joħorġu bi ħġarhom? X’hemm li jqanqalkom f’Dun Ġorġ?

Xandâr tal-Vanġelu
Żgur li m’hix ir-relikwa, għax naf li intom maturi biżżejjed. Ir-relikwa hija sinjal importanti u nagħmlu sewwa li nuru esternament il-qima tagħna lejha; imma naf li f’qalbkom jekk ikollkom titkellmu hemm tweġiba oħra li jien sa nipprova niġbor u nesprimi. F’Dun Ġorġ nilmħu xandâr tal-Vanġelu, u jien l-ebda tifsira oħra ma tissodisfani jekk ma tiqafx u tirrifletti fuq dan is-saċerdot li għex għall-Vanġelu. Mhux ta’ b’xejn li kellu għal qalbu dik is-sentenza mill-prologu ta’ San Ġwann: “Il-Verb sar bniedem u għammar fostna”!

Nazzjon f’salib it-toroq
Nemmen li Alla ma jagħmel xejn b’kumbinazzjoni u nħossni konvint illi f’dawn iż-żminijiet partikulari li qegħdin ngħixu bħala nazzjon ninsabu f’salib it-toroq għax irridu nieħdu ċerti deċiżjonijiet fil-kamp ta’ l-ekonomija, tax-xjenza, tal-politika, f’dak leġislattiv u fir-rigward tal-familja. L-istess poplu li llum qiegħed jiċċelebra lil Dun Ġorġ irid jagħmel ċerti għażliet.

X’għażliet sa nagħmlu jekk mhux dawk li huma mnebbħin mill-Vanġelu? Nixtieq ħafna li din l-imħabba straordinarja li qed nuru f’dawn il-jiem tissarraf f’impenn biex inxandru l-Vanġelu u biex nevanġelizzaw.

Komunità mkissra fil-Kelma
Meta kont Ruma ġew diversi ġurnalisti jistaqsuni fuq Dun Ġorġ. Wieħed minnhom staqsieni x’naħseb li sa tkun tfisser din iċ-ċelebrazzjoni għall-Knisja f’pajjiżna. Ħassejt li għandi nwieġeb li dan huwa mument ta’ grazzja fejn ilkoll kemm aħna nagħrfu iktar il-Vanġelu, għaliex għandi l-impressjoni li aħna għadna ma ppenetrajniex il-Vanġelu u l-għarfien tagħna huwa wieħed superfiċjali. Intom tafu kemm bħala isqof tagħkom nixtieq li nkunu komunità li tagħmilha mal-Kelma; komunità li tagħraf “Leħen il-Maħbub”, kif kien isejjaħlu Dun Ġorġ.

Illum nitlob din il-grazzja għad-djoċesi tagħna: li lkoll kemm aħna nimpenjaw verament ruħna biex inkunu komunità mkissra fil-Kelma. B’dan il-mod imbagħad il-preżenza tagħna fid-dinja tagħmel differenza, u jekk is-soċjetà tagħna ssib ruħha f’salib it-toroq ma nibżgħux nintervjenu ta’ bnedmin imlaqqmin bil-Kelma. Aħna nemmnu li Kristu huwa l-verità, u jekk aħna nipproponu l-verità lil ħaddieħor ma nkunu nnaqqsulu xejn, anzi nkunu qegħdin nagħtuh servizz. Jekk jien nagħti xhieda tal-verità, il-verità kollha, ma nkun qed nirfes id-dritt ta’ ħadd. Għall-kuntrarju, inkun qed inħares dawn id-drittijiet. Hemm bżonn li l-veritajiet tal-Vanġelu mhux biss inkunu nafuhom b’konvinzjoni, imma jkollna l-kuraġġ li nipproklamawhom u ma nistħux nistqarru t-twemmin tagħna, anki f’soċjetà lajka.

Il-Kelma ssir laħam illum
Kulħadd sema’ bil-purċissjoni tal-Milied li kienet tant għal qalb Dun Ġorġ. Dak il-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni li seħħ f’Betlehem u li Dun Ġorġ kien jiċċelebrah b’tant enfasi ta’ kull sena, għadu jitwettaq sal-ġurnata tal-lum. Din il-Kelma ta’ Alla llum ukoll ssir laħam, illum ukoll tieħu sura, espressjoni u manifestazzjoni umana. Min sa jagħtiha din is-sura jekk mhux aħna lkoll? Għalhekk jekk tassew inħobbu lil Dun Ġorġ u nixtiequ li nipperpetwaw il-festa tal-Milied, jeħtieġ li f’dawn l-oqsma li semmejtilkom u oqsma oħra aħna nkunu dak li l-papa Benedittu qal nhar il-Ħadd lli għadda, meta sejjaħlu “eku fidil tal-Kelma ta’ Alla”.

Ix-xandir tal-Kelma u l-lajċi
Dan il-ministeru tal-Kelma Dun Ġorġ wettqu mhux biss bil-predikazzjoni, bit-tagħlim u bil-kitba, imma wkoll fil-konfessjonarju u fid-direzzjoni spiritwali. Nirrikmandalkom li nerġgħu nieħdu f’idejna d-diskors li għamel il-Papa fl-omelija ta’ nhar il-Ħadd. Ix-xandir tal-Kelma m’hux xogħol tagħna s-saċerdoti biss, imma tal-komunità kollha kemm hi. Anzi hemm ċerti oqsma fil-ħajja li huma kamp proprju u speċifiku tagħkom il-lajċi, għax aħna s-saċerdoti ma nistgħux inkunu preżenti. Anki f’din il-ħaġa Dun Ġorġ Preca antiċipa ż-żminijiet tagħna meta għaraf il-valur tal-lajċi, u dan għamlu mhux biss billi fdalhom il-Kelma, li kienet xi ħaġa straordinarja dakinhar, imma wkoll billi ħass li għandu jsawwarhom biex ikunu bħal ħmira fid-dinja fejn jgħixu u jaħdmu biex bil-preżenza tagħhom iqaddsu d-dinja ta’ madwarhom.

Dun Ġorġ u l-“Magnificat”
Qegħdin fil-katidral iddedikat lill-Assunta. Dun Ġorġ kellu mħabba speċjali lejn il-Verġni Marija. Nimmaġina li l-għanja ta’ radd il-ħajr li kantat Marija fil-Magnificat kienet ukoll l-għanja ta’ Dun Ġorġ. Għax kif il-Missier mar jafda l-Verb fil-ġuf ta’ Marija għax ra fiha l-qaddejja umli tiegħu, hekk ukoll Alla lil Dun Ġorġ fdalu l-Verb biex għamlu xandâr tal-Vanġelu. Alla għażlu għax bħal Marija kien umli, ċkejken u dgħajjef. Imma aktar minn hekk: bħalma l-Missier mar jafda l-Kelma ’l Marija biex il-Kelma saret laħam, Dun Ġorġ jafda l-Kelma lis-soċji tiegħu biex jinkarnawha fid-dinja!

Inħossni fid-dmir li ngħid kelma ta’ apprezzament lilkom, għeżież ulied is-Soċjetà tal-Museum, li fakkartu l-mitt sena mill-bidu tas-Soċjetà. Għandna bżonnkom biex tgħinuna fil-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni u, jekk Alla jrid, naslu anki fil-ħidma ta’ katekeżi ma’ l-adulti.

Filwaqt li llejla rroddu ħajr lil Alla, nerġa’ nappellalkom tistaqsu x’inhi r-raġuni ta’ din il-ġirja li għadha ma waqfitx hawn, għaliex jekk Alla jrid nhar il-Ħamis ukoll immorru fuq il-Fosos biex nagħtu xhieda u nagħmlu esperjenza ta’ Knisja. X’inhi r-raġuni li tiġbidna wara Dun Ġorġ? It-tweġiba hija waħda: għax Dun Ġorġ issaħħar wara Kristu u ma waqafx qabel ma għadda lil Kristu lil oħrajn.