Ħtieġa ta’ konfront ma’ Kristu
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech fis-Solennità ta’ l-Għid il-Kbir
Katidral – 8 ta’ April 2007

ĦTIEĠA TA’ KONFRONT MA’ KRISTU

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech fis-Solennità ta’ l-Għid il-Kbir (Katidral – 8 ta’ April 2007)

Il-komunità paskwali

Ir-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws (Lq 24) jippreżentalna diffikultà li għandu l-bniedem tal-lum. Bħal Kleofa u sieħbu, li fi triqthom minn Ġerusalemm għal Għemmaws iltaqgħu ma’ Kristu Rxuxtat u ma għarfuhx, hekk jiġri ’l-bniedem illum. Barra minn hekk, jidher li din ma kienitx l-esperjenza ta’ dawn iż-żewġt irġiel biss, għax l-istess seħħ fil-kaz ta’ Marija ta’ Magdala u ta’ Pietru; donnu li tagħmel parti mill-esperjenza umana li Kristu jkun qrib tagħna imma aħna ma nindunawx bih!

Quddiem din l-esperjenza f’dan il-jum qaddis ta’ l-Għid ta’ Kristu jiena nagħmel stedina lill-Knisja lokali ħalli tkun tassew komunità paskwali: komunità illi wara li tkun għarfet lil Kristu Rxuxtat, tgħin lill-bniedem ta’ żmienna jevita l-iżball illi jiltaqa’ ma’ Kristu u ma jagħrfux.

Huwa importanti ħafna li aħna fil-ġurnata tal-lum nikkonfrontaw ruħna ma’ Kristu. Teologu martri protestant Deitrich Bonhoeffer jgħid illi tagħmel sew is-soċjetà tikkonfronta ruħha ma’ nies illustri fil-letteratura bħal ma huwa Goethe u ma’ filosofi bħal Socrate, għax minn dan jiddependu l-kultura u l-ethos tas-soċjetà; imma jkun gwaj għas-soċjetà jekk tkun imħabbta ħafna biex tagħmel dan il-konfront u ma tagħmilx il-konfront ma’ Kristu li minnu jiddependu l-ħajja u l-mewt, is-salvazzjoni jew it-telfien tagħna lkoll.

Jien dan napplikah perfettament għas-soċjetà tagħna. Nagħmlu sew nikkonfrontaw l-imħuħ tagħna ma’ mħuħ oħra fil-kontinent għax minn dak tiddependi l-kultura tagħna; nagħmlu sew naraw x’qed jiġri fl-ambjenti politiċi fl-Ewropa issa li aħna parti mill-Komunità Ewropea; xieraq li naraw x’qed jiġi diskuss fis-salotti ta’ Brussels. Imma gwaj għal din is-soċjetà jekk ma tagħmilx ukoll il-konfront ma’ Kristu Rxuxtat, għaliex minn dan il-konfront ma jiddependix il-progresss materjali u ekonomiku biss, imma tiddependi xi ħaġa wisq iktar essenzjali li hija il-ħajja u l-mewt tiegħi u tiegħek, is-salvazzjoni jew it-telfien tagħna lkoll.

Għalhekk f’din il-ġurnata ta’ l-Għid il-Kbir nerġa’ ntenni dan l-appell lilkom u lid-djoċesi tagħna ħalli ngħinu lill-bniedem tal-lum jiskopri lil Kristu u jkun jista’ jagħmel konfront miegħu.

L-esperjenza tal-bniedem tal-lum

Il-bniedem tal-lum huwa ppreżentat f’dawn iż-żewġt irġiel ta’ l-esperjenza ta’ Għemmaws. Huwa l-bniedem li xi drabi jaqbad it-triq li ser tieħdu f’direzzjoni żbaljata; triq li minflok tieħdu Ġerusalemm, il-belt t’Alla, tbiegħdu minnha. Huwa l-bniedem li għandu kriżi tas-sens ta’ ħajtu. Dawn kienu jaħsbu li Kristu kien ser iġib riforma politika billi jwaqqa’ s-setgħat Rumani, imma mbagħad lil Kristu rawh imsallab. Għalhekk ħassewhom delużi u bla orjentament f’ħajjithom, tant li għażlu li jirtiraw.

Għeziez, intom timxu fit-triqat tal-bliet u l-irħula bħalma nimxi jien, u niltaqgħu ma’ nies li jisimhom Kleofa! Niltaqgħu ma’ nies li forsi qabdu t-triq żbaljata; nies li tilfu s-sens tal-ħajja; oħrajn li huma bla għaqal u qalbhom tqila; oħrajn li qatgħu qalbhom u għandhom ħajra jirtiraw mill-kamp.

L-attitudni tal-komunità nisranija

X’inhi l-attitudni tagħna bħala komunità li tiċċelebra lil Kristu Rxuxtat, anzi bħala Knisja li trid tagħmel lil Kristu Rxuxtat preżenti fid-dinja ħalli hekk iseħħ il-konfront li semmejtilkom? X’inhi l-attitudni tagħna quddiem individwi bħal dawn?

Naraw x’inhi l-attitudni ta’ Kristu Rxuxtat. Kristu jiltaqa’ ma’ dawn it-tnejn; jimxi magħhom u jakkumpanjahom biċċa triq minkejja li kien bil-lejl. Kristu saħansitra jidħol jiekol magħhom biex jagħmlilhom il-qalb, jgħinhom jirbħu l-kriżi tas-sens, jgħinhom jiskopru mill-ġdid it-tifsira ta’ ħajjithom biex hekk jorjentaw ruħhom. F’din l-esperjenza li jirrakkontalna Luqa, nara li Kristu qiegħed jagħtina verżjoni oħra tal-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb. Is-Samaritan x’ħin ra lill-bniedem midrub, misruq, imneżża’, kważi moribond, ma baqax għaddej kif għamlu l-qassisin u l-leviti, imma waqaf ikkurah, offrielu l-ospitalità u l-kura f’lukanda. Hekk bis-sehem tas-Samaritan dak li kien sejjer Ġeriko rċieva l-ħajja. Dawn it-tnejn minn nies fi triqithom lejn Għemmaws kienu qalbhom maqtugħa u mħawdin, imma meta ltaqgħu ma’ Kristu mtlew bil-ħajja u bl-entużjażmu, imtlew bid-dawl li jirbaħ il-lejl u reġgħu lura lejn Ġerusalemm.

Jista’ jkun li din l-esperjenza ġarrabtha int ukoll, għax anke magħna Kristu jagħmel l-istess. Għax għal dawk in-nagħaġ li huma bla ragħaj, Kristu huwa r-ragħaj it-tajjeb; għal dawk li huma morda, Kristu huwa t-tabib tagħhom; u għal dawk li huma qalbhom maqtgħuha, Kristu joffrilhom it-tama. Mhux eskluż li aħna ninsabu f’xi kategorija minn dawn! Inħallu lil Kristu jkun ir-ragħaj, it-tabib, l-għalliem tagħna ħalli mbagħad bħala komunità nisranija nagħmlu lil Kristu preżenti fid-dinja tal-lum u hekk nassistu lill-bniedem li għandu diffikultà biex jagħraf lil Kristu u jbexxaq għajnejh quddiem il-misteru!

Klement ta’ Alessandrija għandu espressjoni sabiħa ħafna: “Jekk int rajt lil ħuk, int rajt lil Alla”. Il-wiċċ tal-bniedem mifdi minn Kristu jirrifletti lil Alla u għalhekk min jiltaqa’ miegħek għandu jara l-fattizzi t’Alla! Din hija l-isfida li nixtieq nagħmlilkom illum, uliedi. Kemm minn ħutna li hemm fit-toroq huma bħad-dixxipli ta’ Għemmaws, u meta jiltaqgħu magħna jistgħu jgħidu, “ltqajt ma’ ħija jew ma’ oħti u fih jew fiha rajt lil Kristu”? F’dan il-jum ta’ l-Għid il-Kbir, meta aħna bix-xieraq qegħdin niċċelebraw il-Qawmien ta’ Kristu, ejjew inħossu fuqna din ir-responsabiltà li wara li nħallu lil Kristu ilibbisna, ifewwaħna, ifejjaqna u jagħtina l-ħajja, aħna nħossuna mibgħuta biex inlaqqgħu lill-bniedem ma’ Kristu.

Il-bżonn tal-bniedem

Il-bniedem modern huwa għatxan għall-Assolut! Għandu bżonn is-sens ta’ Alla. Aħna rridu ngħinuh jiskopri lil Alla. Hija meħtieġa s-solidarjetà bejn l-aħwa, bħalma ħassu n-nuqqas tagħha d-dixxipli ta’ Għemmaws. Dawn sabu ruħhom weħidhom għax abbandunaw il-komunità ta’ Ġerusalemm; imma meta reġgħu skoprewha hemm sabu dan is-sens ta’ solidarjetà. Il-bniedem mixtieq għal dak l-ambjent fejn iħossu milqugħ u maħbub. Għaliex ma nibdlux il-knisja tagħna f’lok li joffri din l-ospitalità fis-sens wiesgħa tal-kelma? Hawn min għandu bżonn għajnuna materjali, psikoloġika, morali u spiritwali. Jekk iħabbat il-bieb f’din il-“lukanda” li tissejjaħ Knisja, aħna ppreparati biex noffru din l-ospitalità kif għamel Kristu Rxuxtat mad-dixxipli ta’ Għemmaws? F’dan ir-rigward nixtieq nirreferi għal zewg esperjenzi konkreti.

Fundazzjoni Arka

Naf li l-bieraħ kien hawn kampanja ta’ solidarjetà mad-“Dar Arka” li għandna fid-djoċesi. Irrid nirringrazzja pubblikament lill-poplu Malti għall-ġenerożità u s-sens ta’ solidarjetà li wera ma’ dawn ħutna illi jfittxu ospitalità f’din l- “arka”. Irrid nirringrazzjakom għal dak kollu li tagħmlu mhux biss ma’ din id-dar, imma ma’ kull istituzzjoni oħra tal-karità u tal-promozzjoni umana f’Malta u Għawdex, partikularment dawn immexxija mill-Knisja.

Refuġjati u Immigranti

Hemm esperjenza oħra li wkoll jixirqilha l-attenzjoni tagħna: il-ħidma mar-refuġjati u l-emigranti illegali jew extra-komunitarji. Kemm inħossha tistona l-kelma “extra-komunitarji” – qisu dawn il-bnedmin m’humiex ġejjin minn komunità umana! Huwa fatt li l-Knisja ma tistax tieħu r-rwol tal-politiċi u ta’ l-Istat meta tiġi biex tindirizza realtajiet bħal dawn. Il-ħidma ta’ gruppi fil-Knisja b’risq din il-kategorija, bhalma huma l-Ġiżwiti u l-Kummissjoni Emigranti, hija waħda sussidjarja. Imma l-Knisja lanqas tista’ tibqa’ muta u tibqa’ indifferenti jekk dawn il-persuni li għandhom bżonn ta’ għajnuna, bħalma kellhom id-dixxipli ta’ Għemmaws, jibqgħu ma jsibuhiex. Meta qed ngħid il-Knisja, nifhem ilkoll kemm aħna. Anke dan l-impenn favur il-bniedem sofferenti tal-lum huwa mod kif aħna nistgħu nlaqqgħu lill-bniedem ma’ Kristu Rxuxtat. Dan huwa element li jikkaratterizza lill-komunità paskwali. Dawn huma l-awgurji li nixtieq inħallilkom f’dan il-jum li jimmarka s-sena liturġika kollha tagħna.

Awguri ta’ l-Għid

L-Għid it-tajjeb! Dawn l-awguri nixtieqhom jinftehmu fil-kuntest ta’ dak li qsamt magħkom, imnebbaħ mil-ġrajja ta’ Għemmaws. l-Għid ikun tassew tajjeb jekk kull komunità nisranija tinbena f’komunità paskwali li tħossha imbuttata biex tlaqqa’ lil Kristu mal-bniedem tal-lum, ħalli hekk iseħħ il-konfront meħtieġ bejniethom.