Niċċelebraw il-ħniena tal-Missier! (Ċirkulari 4/2007)

Ċirkulari 4/2007

Niċċelebraw il-Ħniena tal-Missier!

Meta llum, Festa ta’ Marija Addolorata, qegħdin nagħtu bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet li jdaħħluna fil-Ġimgħa Mqaddsa, filwaqt li nistedinkom u nħeġġiġkom biex tieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi li jsiru fil-jiem li ġejjin fil-knejjes tagħna, nixtieq ngħarrafkom:

1. li mil-lum sa nhar Ħadd il-Għid, is-saċerdoti kollha għandhom il-fakultà li jaħfru ċ-ċensuri marbuta ma’ ċerti dnubiet gravi ħafna, bħalma huwa fil-każ ta’ l-abort, fejn min jagħmel dan id-dnub kontra l-ħajja umana jaqa’ fi skomunika. Din hija ġimgħa speċjali fejn il-Knisja trid iddewwaqna l-ħniena infinita tal-Missier!

2. Nhar it-Tlieta li ġejja fid-Djoċesi ser ngħixu Jum ta’ Rikonċiljazzjoni. Fil-knejjes parrokkjali tagħna filgħaxija ser issir ċelebrazzjoni penitenzjali fejn ikun hemm il-konfessuri biex, permezz tas-Sagrament tal-Qrar, iħabbuna mal-Missier! Nappella biex dan il-jum inħarsuh bis-sawm u l-penitenza b’sinjal ta’ ndiema għal dnubietna, bħala talba għall-konverżjoni ta’ min huwa ’l bogħod minn Alla u mill-Knisja, u b’riparazzjoni għall-offiżi li jsiru lil Alla.

3. Billi nhar Ħamis ix-Xirka filgħodu s-saċerdoti kollha niltaqgħu flimkien fil-Katidral biex inġeddu l-wegħdiet saċerdotali tagħna, nitlobkom biex f’dik il-ġurnata toffru talb għalina s-saċerdoti biex inkunu ministri ta’ Kristu u tal-Knisja, li bil-kelma u l-azzjoni tagħna nagħmlu lill-Missier preżenti fid-dinja tal-lum. Inrodd ħajr lil dawk li f’din il-ġurnata jagħmlu l-offerta ġeneruża tagħhom fil-ġabra għall-ħtiġijiet tas-saċerdoti.

Nitlob lil Marija Addolorata, wieqfa ħdejn is-Salib ta’ Binha Ġesù, tieqaf magħkom ilkoll.

Mogħtija mill-Kurja ta’ l-Isqof, Victoria, Għawdex. Illum, il-Ħamis, 29 ta’ Marzu 2007.

+ Mario Grech
Isqof għall-qadi tagħkom

Mons. Salv Debrincat
Kanċellier