Omelija fis-solennità tan-Nawfraġju ta’ Missierna San Pawl
u fl-għoti tal-ministeru tal-Lettorat
Parroċċa Munxar
Is-Sibt 10 ta’ Frar 2007
Il-Presbiteri tagħna
Knisja Appostolika
Is-solennità tan-nawfraġju ta’ San Pawl fil-ġżejjer tagħna toffrilna okkażjoni biex nagħmlu meditazzjoni importanti fuq temi li għandhom rilevanza nazzjonali: dan hu li nixtieq nagħmel magħkom, imnebbaħ miċ-ċirkustanzi tal-lum.
It-tradizzjoni tgħidilna li l-Appostlu San Pawl qabel telaq minn Malta, wara li għadda fostna tliet xhur, ħallielna lil Publiju bħala isqof tal-Knisja ta’ pajjiżna. Dan il-fatt, anki kieku m’hux imsaħħaħ bit-tradizzjoni, huwa msaħħaħ bil-prassi ta’ San Pawl, tant illi fl-Atti ta’ l-Appostli naqraw illi f’kull komunità li kien iżur Pawlu, wara li kien jgħammed u jiġbor flimkien il-komunità Kristjana, kien iħallilhom il-presbiteri – kien isejjaħ lil xi wħud mill-irġiel u jafdalhom il-ministeru presbiterali. Għalhekk, ma naħsibx li nkunu niżbaljaw jekk f’din iċ-ċirkustanza tal-lum aħna rroddu ħajr lil Alla talli bil-miġja ta’ Pawlu fostna huwa mhux biss ħallielna lil Publiju bħala isqof imma wkoll madwaru bħala kollaboraturi tiegħu ħallielna s-saċerdoti.
Il-vokazzjonijiet saċerdotali
Inħoss li din ir-riflessjoni fuq is-saċerdozju u fuq il-preżenza tal-presbiteru fil-komunità Kristjana għandha tkun tema ta’ riflessjoni mhux biss ta’ l-isqof imma tal-Knisja kollha f’pajjiżna. Forsi għadna ma ndunajniex x’inhu l-valur tas-saċerdot u ma nafux x’ifisser tkun mingħajr preżenza tas-saċerdot, għaliex sal-lum il-grazzja ta’ Alla kienet kotrana. Imma x’sa jiġri ’l quddiem m’hux muri lilna, għalkemm għandna indikazzjonijiet ċari fuq dan li rridu nagħtu kashom!
Nixtieq li l-kawża tal-vokazzjonijiet saċerdotali tkun għall-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Dan ifisser li mill-kbir saż-żgħir għandna nħossuna lkoll fid-dmir illi naħdmu biex ikollna ambjent li fih is-sejħa saċerdotali li jagħmel Alla tiġi magħrufa, issib qalb li tilqagħha, tikber u tagħti l-frott.
Min hu s-saċerdot?
Fuq liema tip ta’ saċerdozju qegħdin nitkellmu? Hemm sentenza fl-Atti ta’ l-Appostli – li nqrat illejla – li lili tagħtini ħafna dawl. Il-baħrin kienu qatgħu qalbhom, il-baħar kien qawwi ġmielu, ix-xemx u l-kwiekeb kienu nħbew; imma mbagħad jidħol Pawlu u jgħid lil dawk li kienu miegħu fuq il-ġifen: “Agħmlu l-qalb, għax deherli l-anġlu ta’ Alla li tiegħu jien u lilu nqim”.
F’din il-frażi nilmaħ il-vokazzjoni tiegħi u l-vokazzjoni tagħna s-saċerdoti u s-seminaristi; nilmaħ dak li rridu naħdmu għalih biex ikollna Knisja għanja bil-preżenza tal-presbiteri!
“Jien tiegħu”
Il-presbiteru huwa dak illi jrid ikollu l-kuraġġ li kellu Pawlu li jgħid: “Dak Alla li jien tiegħu”. Huwa veru li ommi u missieri nissluni għall-ħajja, li trabbejt f’familja u kbirt f’komunità partikulari, imma jien ma jien ta’ ħadd minn dawn, ħlief ta’ Alla! San Pawl kien iħossha din l-appartenenza tiegħu lil Alla, tant li fl-ittra lill-Filippin juża frażi qawwija: “Kristu ħataf lili” (Fil 3,12), u: “Jien ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu u nkun ninsab fih” (Fil 3,8). Filwaqt li dan huwa l-impenn tagħna, għeżież ħuti fis-saċerdozju, li nħallu lil Kristu jaħtafna biex inkunu tiegħu biss, inħeġġeġ lill-komunità Kristjana biex tgħinuna ħalli nkunu ta’ Alla u ta’ Alla biss. Għalhekk jagħmel sens iċ-ċelibat: għax aħna tiegħu, aħna nagħżlu li ma nkunux ta’ persuna oħra. Għax nappartienu lil Kristu, aħna ninfatmu minn dak kollu li huwa tagħna, ibda mill-istess rieda tagħna sa l-istess komunità tagħna. L-uniku patt li aħna għandna huwa patt ma’ Alla. Aħna sħab fil-Patt il-ġdid li waqqaf Kristu.
Naf li m’inix ngħid affarijiet tad-dinja u li m’humiex ħfief għalina, imma bil-grazzja ta’ Alla nistgħu kollox. Din kienet il-konvinzjoni ta’ Pawlu u din għandha tkun il-konvinzjoni tagħna. Għeżież ħutna, itolbu għalina biex aħna nkunu ta’ Alla u biex inkunu ta’ servizz f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla. Għinuna biex ma nitbiegħdux minn din il-vokazzjoni, u biex inħallu lilna nfusna nsiru l-ġid ta’ Alla, biex inħossuna maħtufin minn Kristu.
Ministru tal-kult
Din hija l-vokazzjoni tas-saċerdot: li jqim lil Alla minn tlugħ ix-xemx sa nżulha! L-apostolat prinċipali tas-saċerdot huwa li jkun il-ministru ta’ Alla u ħajtu kollha tkun att ta’ adorazzjoni quddiem Alla. Ħajtu hija preżenza, għaliex aħna s-saċerdoti ngawdu l-fiduċja tagħkom, u intom titolbu minna diversi servizzi. Imma f’dan kollu għandna niftakru li dawn is-servizzi m’għandhom qatt ifixkluna f’din id-dimensjoni hekk importanti tas-sejħa tagħna: li nkunu adoraturi ta’ Alla u ministri tal-kult li jesprimi l-qima tagħna u tagħkom lil Alla.
Nitlob lilkom, għeżież Kristjani, biex tgħinuna nkunu rġiel tat-talb. Għinuna nsibu l-ħin biex nitolbu u biex it-talb pubbliku u liturġiku tagħna jkun talb li jitla’ bħala inċens ifuħ quddiem Alla, u li tassew jinvolvi l-ġemgħa kollha. Dak li lilna jfixkilna mill-ħajja tat-talb m’hemmx postu. Meta l-Appostli ta’ l-ewwel żminijiet sabu diffikultà biex ikollhom ħin ħalli jqimu lil Alla u jxandru l-Kelma, għamlu d-djakni biex ikunu dawn li jieħdu ħsieb il-qadi ta’ l-imwejjed!
Ministru tal-Kelma
It-tielet aspett tal-vokazzjoni saċerdotali huwa li nwasslulkom dak li jwasslilna l-anġlu tal-Mulej: li aħna nagħmlu dixxerniment ta’ x’irid Alla minna u dan ngħadduh lilkom. Fi kliem ieħor, inkunu saċerdoti mkissrin fil-Kelma ta’ Alla, u din il-Kelma, wara li nkunu xtarrejniha, inwassluha lilkom. Din il-Kelma għandha ddawwal kull aspett tal-ħajja tagħna, u għalhekk jidwi f’widnejna dak li jgħid Pawlu f’dak il-lejl, qabel ma l-ġifen tiegħu tfarrak fuq xtutna: “Ħbieb, kien imisskom smajtu minn dak li għidtilkom jien… u hekk ma kinitx tiġrilkom din il-ħsara u t-telf”.
Mhux li kien li aħna s-saċerdoti konna aktar konvinti minn x’irid Alla minna, biex inkunu nistgħu ngħidulkom: “Kieku smajtu minn dak li ried jgħidilkom Alla permezz tagħna, kieku ħafna nkwiet evitajnieh!”.
Saċerdoti tajbin
Għalfejn qiegħed ngħid dan kollu, maħbubin tiegħi? L-ewwelnett biex irrodd ħajr lil Alla talli għamilni isqof ta’ din id-djoċesi li hija mżejna b’għadd sabiħ ta’ saċerdoti. Dan ma jfissirx li s-saċerdoti tagħna m’għandhomx xi difett – li sfortunatament hawn min dan id-difett jipprova jonfħu u jipproġettah taħt il-lenti –, imma ngħidilkom li għandna saċerdoti tajbin. U dan huwa kollu frott tagħkom. Il-fidi tagħna s-saċerdoti kibret u mmaturat fl-esperjenza ta’ Knisja li għamilna magħkom, kif sfortunatament jista’ jkun hemm min jitlef il-vokazzjoni tiegħu għax ma jsibx dan l-ambjent fil-familja u fil-komunità.
Ministeru ta’ Letturi
Illejla għandna tliet seminaristi mill-komunità tax-Xagħra li sa jirċievu l-ministeru tal-Lettorat, pass fil-mixja li titlob dixxerniment ħalli flimkien nagħrfu x’inhi s-sejħa tagħhom u naslu f’jum li fih naċċetawhom għall-presbiterat. Qed ngħidilkom dan, għeżież seminaristi, biex mil-lum intom u sħabkom fis-seminarju tkomplu timpenjaw ruħkom biex dak li qal Pawlu tkunu tistgħu tgħiduh intom ukoll: “Aħna tiegħu, lilu nqimu, u rridu nwasslu lilkom – lill-Knisja u lid-dinja – il-Kelma ta’ Alla”. Id-dinja għandha bżonn ta’ profeti li jitkellmu f’isem Alla. U allura napprezza lilkom, lill-familji tagħkom hawn preżenti, u l-ħidma ta’ dawk kollha li jaħdmu fis-seminarju b’tant ħeġġa u dedikazzjoni.
Saċerdot imut f’Turin
Ċirkustanza oħra li wasslitni biex f’din iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Appostlu Missierna San Pawl nitkellem fuq is-saċerdozju hija għaliex dawn il-jiem tlift saċerdot. Għadni ġej minn Turin, fejn kelli l-grazzja li nkun ħdejn wieħed minn ħutna s-saċerdoti, Dun Ġużepp Galea, mill-komunità tal-Fontana. Huwa saċerdot li għadda tletin sena ’l bogħod minn Għawdex u mill-għeżież tiegħu biex jaqdi l-Knisja f’Turin. Il-kardinal ta’ Turin, li ftit wara li miet Dun Ġużepp ġie u flimkien tlabna t-talba tar-rużarju, qalli kliem ta’ apprezzament għal Dun Ġużepp, kliem li jibqa’ stampat fil-qalb u l-moħħ ta’ missier li kellu wieħed minn uliedu fuq is-sodda tal-mewt.
Dun Ġużepp ried jibqa’ jaqdi l-Knisja fit-tbatija. Meta tkellimt miegħu u staqsejtu: “Dun Ġużepp, trid nieħdok miegħi lejn Għawdex?”, huwa wieġeb fin-negattiv; qalli li ried jibqa’ mal-poplu tiegħu. Dawn huma s-saċerdoti tagħna! Dawn huma l-ġawhar tiegħi u tagħkom.
Illejla rrid nagħmel talba lil Alla ħalli l-Knisja tagħna tkompli tistagħna b’għadd ta’ vokazzjonijiet saċerdotali, ħalli nkunu nistgħu nagħtu servizz mhux biss lilkom imma lill-Knisja kollha.