Diskors ta’ Mons Isqof Mario Grech fl-okkażjoni ta’ l-għoti tar-rikonoxximent “Iż-Żagħżugħ/a tas-Sena” mniedi mill-Fondazzjoni OASI (Hotel Ta’ Ċenċ – 16 ta’ Diċembru 2006).
Ħafna jikkunsidraw li bniedem isir adult meta jkollu l-ħila jiddistingwi waħdu bejn il-verità u l-gidba u hekk jagħmel ġudizzju oġġettiv tar-realtà li jkollu quddiemu. Kienet din il-ħila li matul is-sekli wasslet lil ħafna jistaqsu u jfittxu sakemm għamlu ċerti kisbiet, speċjalment fil-kamp tax-xjenza, u hekk taw kontribut għall-progress veru ta’ l-umanità . Fl-istess ħin, ħafna drabi hija din id-defiċjenza li wieħed ma jkollux il-ħila li jiddistingwi waħdu bejn il-verità u l-gidba, il-kawża ta’ immaturità f’għadd ta’ persuni, liema immaturità tnissel fil-bniedem sens ta’ dipendenza qawwija.
Ħafna drabi dan huwa fenomenu li jolqot liż-żgħażagħ tagħna proprju f’dik il-fażi tal-proċess ta’ maturazzjoni tagħhom. Għalhekk, f’din l-okkażjoni nixtieq nagħmel appell liż-żgħażagħ tagħna – uħud minnhom għadhom jistudjaw, oħrajn jaħdmu u oħrajn qed ifittxu x-xogħol – , biex ifittxu jkebbsu fihom passjoni għall-verità u ma jibżgħux jagħtu xhieda tal-verità. Nappellalhom biex ma jibżgħux jrreaġixxu, jekk hemm bżonn anke bil-qawwa, kontra min qed jipprova jgħarraq l-intelliġenza tagħhom u jdallmilhom qalbhom b’messaġġi u proposti li jagħmluhom vittmi tal-konsumiżmu, ta’ ħajja sesswali diżordinata, tad-droga u l-alkoliżmu, tal-vjolenza,… sakemm isibu ruħhom atturi tal-kultura tal-mewt. Meta tkun mifruda mill-verità, il-libertà tinbidel u ssir hija nnifisha fi skjavitù ġdida.
Aħna ħiesla biex inħobbu! Min minna ma jixtieqx li jħobb u li jkun maħbub? Imma t-triq li tassigura l-imħabba vera hija it-triq li twassal għal għotja sħiħa tagħna nfusna. Din hija l-imħabba vera li tista’ tigarantixxi esperjenza ta’ ħajja miżżewġa jew esperjenża ta’ volontarjat. Altrimenti xi tweġiba għandna għal dawk li llum jibżgħu jiżżewġu jew għal dawk li ma jifhmux il-valur tl-volontarjat?
S. Wistin jgħid: “I have met many who wanted to decieve, but none who wanted to be decieved“. Din ix-xewqa komuni f’kull bniedem li qatt ma jisfa’ vittma ta’ qerq tiġi rispettata, speċjalment fir-rigward ta’ tfal, l-adolexxenti u ż-żgħazagħ, għaliex f’dawn it-tappi tal-ħajja umana bniedem imqarraq iġarrab ħsara kbira, li xi drabi tkun irreversibbli. Nawgura fl-istess ħin li dawk kollha li individwalment jew kollettivament huma impenjati biex jgħinu lill-bniedem jiskopri l-verità u għaldaqstant ikun ħieles, li jaslu biex iċarrtu l-għamad ta’ dawk li qegħdin iqarrqu bl-oħrajn.
L-istorja tixhdilna li l-valuri umani jippersistu biss jekk jkollhom bażi traxxendentali; kien għalhekk li lecturer magħruf ta’ l-università ta’ Oxford u awtur tal-ktieb “The Idea of a university” John Henry Newman, darba kiteb li “mere natural virtue wears away, when men neglect to deepen it into religious principle”.
Dan jagħtini l-qawwa biex nagħlaq dawn il-kelmtejn billi nappellalkom ukoll biex f’din it-tfittxija għall-verità ma tibżgħux tikkontemplaw lil Kristu, li mhux biss huwa għalliem tas-sewwa, imma hu nnifsu huwa l-verità. Id-djalogu bejn ir-raġuni u l-fidi jgħin biex naslu għal dik il-verità li tagħmilna ħielsa.