Nota pastorali ta’ l-isqfijiet dwar ir-riżultat taċ-ċensiment tal-parteċipażżjoni fil-quddiesa tal-Ħadd

NOTA PASTORALI TA’ L-ISQFIJIET DWAR IR-RIŻULTAT TAĊ-ĊENSIMENT TAL-PARTEĊIPAZZJONI FIL-QUDDIESA TAL-ĦADD

Bħar-Ragħaj it-Tajjeb li jfittex li jagħraf in-nagħaġ tiegħu (Ġw 10.14), aħna l-Isqfijiet, li l-Mulej qegħidna bħala ragħajja spiritwali tal-poplu t’Alla f’dawn il-gżejjer, ma nehdewx infittxu nkunu nafu aktar mill-qrib il-merħla afdata fil-kura pastorali tagħna.


Hija xewqa tagħna li naraw in-nagħaġ kollha miġbura f’merħla waħda, taħt ragħaj wieħed li hu Kristu; u lil dawk in-nagħaġ li tbegħdu mill-maqjel, nħossuh dmir tagħna li mmorru warajhom sa ma nsibuhom biex imbagħad nifirħu bihom u flimkien nagħmlu festa (ara Lq 15,4-7).

Aħna nqisu ċ-ċensiment tal-quddies li l-Knisja f’pajjizna wettqet f’Novembru 2005 bħala wieħed mill-eżerċizzji li jgħinuna fil-ministeru tagħna bħala ragħajja. Ir-riżultat ta’ dan iċ-ċensiment jindika xi dwal u dellijiet li hemm fil-Knejjes tagħna.

Il-fatt li għandna 52.6% tal-poplu Malti u Għawdxi li nhar ta’ Ħadd jiċċelebra l-Ewkaristija huwa minnu nnifsu fatt pożittiv, iktar u iktar meta jiġi mqabbel ma’ l-esperjenza li qed tagħmel il-Knisja f’pajjizi oħra fl-Ewropa.  Meta wieħed jikkunsidra kif inbidlu l-kundizzjonijiet soċjali u kulturali ta’ ġensa f’dawn l-aħħar snin, inħossu li għandna nroddu ħajr lil Alla li nofs il-poplu tagħna jiċċelebra Jum il-Mulej billi jiehu sehem fil-quddiesa. Il-fatt li  kwazi 10% tal-popolazzjoni fi tmiem il-ġimgħa ħadu sehem f’żewg quddisiet, ifisser li għandna numru konsiderevoli ta’ kattoliċi li, għax jemmnu li l-quddiesa hija l-aqwa talba, ma jħarsux lejn il-quddiesa tal-Ħadd bħala sempliċi obbligu li jrid jitwettaq.Sinjali oħra ta’ inkoraġġiment li joħorġu minn din ir-riċerka huma l-importanza tal-familja fil-ħajja tal-Knisja u fil-ħajja ta’ l-insara, u l-kontribut kbir li qed jagħtu l-Movimenti u l-Għaqdiet ekkleżjali fil-formazzjoni tal-fidi  tal-kattolċi ta’ pajjiżna.

Min-naħa l-oħra, ma nistgħux naħbu t-tħassib tagħna meta naraw li minn meta sar l-aħħar ċensiment tal-quddies tal-Ħadd għaxar snin ilu, in-numru ta’ dawk li ma jipparteċipawx fil-quddiesa naqas bi kwazi 11%. Dan ifisser li fil-merħla għandna ħafna li m’humiex jifhmu l-valur tal-quddiesa tal-Ħadd fil-ħajja tal-komunita’ nisranija u fil-ħajja personali tan-nisrani, u oħrajn li għandhom xi ħaġa li timpedihom milli jingħaqdu mal-komunita’ nisranija fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika fil-Jum tal-Ħadd. Dan ma jfissirx li dawk li ma jmorrux l-quddiesa tal-Hadd huma nies li tilfu l-fidi jew infatmu mill-Knisja. Għalkemm l-attendenza għall-quddiesa tal-Ħadd hija indikatur ewlieni tas-sehem tan-nisrani fil-ħajja tal-fidi u tal-Knisja, jeżistu espressjonijiet oħra tal-fidi u ta’ rabtiet mal-Knisja. Biżżejjed insemmu kemm hija qawwija t-talba tal-ġenituri biex uliedhom jirċievu s-sagramenti tal-bidu tal-ħajja nisranija. Huma ħafna dawk li jfittxu l-faraġ tal-Knisja fil-mard, kif ukoll fl-eventwalita’ tal-mewt. Nifhmu li dan biss m’huwiex biżżejjed; imma fl-istess ħin lanqas nistgħu nittraskuraw l-indikazzjonijiet li joħorġu minn dawn l-esperjenzi!

Bħala ragħajja nħossu li dan iċ-ċensiment m’għandux ikun l-aħħar kelma fuq il-ħajja tal-Poplu t’Alla f’pajjizna,  imma hemm bżonn li jkun segwit b’riċerka oħra li tgħinna nifhmu aktar ir-raġunijiet wara dan il-fenomenu fil-ħajja ekkleżjali. Analisi responsabbli ta’ dawn ir-raġunijiet hija meħtieġa biex inkunu nafu aktar u aħjar lill-“merħla tagħna”, u nifhmu għaliex ma kienux preżenti mal-bqija tal-komunita’ għall-quddiesa tal-Hadd. Din l-analiżi tgħinna wkoll nagħmlu eżami aħjar tagħna nfusna biex naraw jekk bħala Knisja aħniex qegħdin niċċelebraw l-Ewkaristija tal-Ħadd b’tali mod li l-Ewkaristija tinħass u tkun tassew il-qalba tal-ħajja ta’ l-insara fil-Jum tal-Ħadd. Aħna nemmnu tassew li l-Ewkaristija hija “l-għajn tal-ferħ li għandna bżonn”,  għalhekk “ilkoll kemm aħna jeħtieġ nagħrfu aktar fil-fond xi tfisser l-Ewkaristija, jeħtieġ nitgħallmu nħobbuha iżjed” (Papa Benedittu XVI, Omelija liż-Żgħażagħ, Koln, 21/08/05).

Aħna nħossu li dan iċ-ċensiment joffri sfida ta’ opportunita’ lill-Knisja f’pajjiżna. Per eżempju, madwarna ninnutaw ħafna sinjali ta’ reliġjożita’ popolari qawwija li faċilment tista’ tagħti impressjoni li aħna poplu ta’ fidi kbira. Ir-riżultat taċ-ċensiment jikxef fejn verament qegħdin u liema azzjoni pastorali hija l-aktar meħtieġa llum. Għalhekk, jidhrilna li dan huwa mument ta’ grazzja biex, bħala operaturi pastorali, aktar nikkonvinċu ruħna kemm hija urġenti ħidma ta’ evanġelizzazjoni u ta’ katekeżi, speċjalment mal-ġenerazzjoni ta’ l-adolexxenti u ż-żgħażagħ tagħna. Is-sagramenti huma importanti ħafna fil-ħajja tan-nisrani, imma dawn jeħtieġu preparazzjoni kateketika tajba biex ma jkunux biss ċelebrazzjoni superfiċjali ta’ mument fil-ħajja nisranija. Ir-riżultat taċ-ċensiment juri li persuna minn kull ħamsa li jattendu l-quddiesa tal-Ħadd huma membri f’xi Għaqda reliġjuża; konferma li fejn hemm mixja ta’ formazzjoni kontinwata, ħajja ta’ talb u esperjenza ta’ knisja fi gruppi żgħar, in-nisrani jimmatura aktar fil-fidi u jħossu aktar mħeġġeġ biex kull nhar ta’ Ħadd jingħaqad mal-bqija tal-komunita’ parrokkjali biex jiċċelebra l-Ewkaristija. Il-komunita’ parrokkjali għandha tkun l-komunita’ privileġġjata li fiha jinġabru l-komunitajiet ż-żgħar l-oħra li jkun hemm fi ħdanha biex flimkien jiċċelebraw l-Ewkaristija tal-Ħadd.

L-istess liturġija li niċċelebraw għandha tkun kanal privileġġjat li minnu Alla jasal għand il-bniedem u l-bniedem jasal għand Alla. Meta l-liturgija tkun iċċelebrata sewwa, kif jitlob il-Konċilju Vatikan II, din tkun azzjoni li timla ’l-pulmun ta’ dawk li jiehdu sehem b’nifs spiritwali gdid tant li jħossuhom mibgħuta biex isejħu oħrajn halli jaqsmu magħhom din l-esperjenza tal-misteru sabiħ ta’ Alla.

Hija xewqa tagħna l-Isqfijiet li, bħala konsegwenza ta’ dan iċ-ċensiment, insejħu Kungress Liturġiku-Pastorali Interdjoċesan biex jagħmel dixxerniment ta’ x’irid Alla mill-Knisja Lokali fiċ-ċirkustanzi attwali tagħna. Hekk, f’kontinwita’ ma’ l-esperjenza li ż-żewġ Djoċesijiet wettqu meta ċċelebraw is-Sinodi Djoċesani, il-Knisja f’pajjizna tkompli tippreżenta ruħha bhala “Bxara Sabiħa” lill-Poplu t’Alla u lis-soċjeta’ kollha.

+ Ġużeppi Mercieca
Arċisqof ta’ Malta

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex