Ittra lill-familji Għawdxin fl-okkażjoni tal-konsagrazzjoni episkopali ta’ Mons. Mario Grech bħala Isqof ta’ Għawdex.
Għażiża familja,
Il-Paċi miegħek. Ippermettili nieħu ftit mill-ħin prezzjuż tiegħek, u naqsam miegħek dawn il-ħsibijiet.
Ġesù Kristu kien ħabib ta’ familja minn Betanja. Hu kien imur id-dar tagħhom biex isib kenn, bħal meta wara vjaġġ daħal għandhom biex jistrieħ (Lq.10,38). Kien imur ukoll biex joffrilhom il-kenn, bħal meta Lazzru marad, u ħutu, Marija u Marta, bagħtu jgħidulu: “Mulej, ara, ħabibek marid” (Ġw. 11,3).
Bħala Isqof tagħkom, imsejjaħ biex nagħmel lil Kristu preżenti fl-istorja tagħkom illum, inħoss li, bħall-Mulej Ġesù, anke jien għandu jkolli għal qalbi l-familja tiegħek biex fiha nfittex il-kenn u, jekk hemm ħtieġa, noffrilha “il-kenn t’Alla”!
Nemmen li kull familja tista’ toffri kenn lill-isqof tagħha, speċjalment il-familji ta’ “Betanja” tal-lum. “Betanja” tfisser id-dar tal-fqir jew id-dar tal-magħkus; u kif din “il-familja ta’ Betanja” offriet serħan tal-qalb lill-Iben t’Alla li sar bniedem, hekk illum qalbi tistrieħ mal-familji tal-fqir u taż-żgħir, bħalma huma dawk il-familji fejn hemm il-mard, il-qagħad, il-qtiegħ il-qalb, il-vjolenza, l-infedeltà, in-nuqqas ta’ qbil bejn il-miżżewgin jew bejn il-genituri u l-ulied, eċċ.
Għandi għal qalbi wkoll dawk il-familji li huma foqra spiritwalment, bħalma huma dawk il-miżżewgin li għandhom ħerqa kbira li jagħmlu r-rieda t’Alla imma għalissa qed isibu diffikultà; dawk il-familji li jixtiequ jiltaqgħu intimament ma’ Kristu fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti imma ma jistgħux.
Nemmen li nista’ nsib kenn għandkom għax konvint li hawn ħafna familji li, bħal Marta u Marija ta’ Betanja, għandhom qalb kbira u lesti jilqgħu lil min hu għajjien fil-vjaġġ tal-ħajja; li bħal Marija lesti jħallu ftit ix-xogħol biex joqogħdu jisimgħu lil Kristu jkellimhom meta jiltaqgħu biex jiflu l-Vanġelu, u fi spirtu ta’ talb jiddjalogaw ma’ Alla; li bħal Marija, li dilket riġlejn Ġesù bil-fwieħa ta’ nard pur u xxuttathomlu b’xagħarha (Ġw 12,3), jingħataw kollhom kemm huma għall-familja, u bl-eżempju tajjeb tagħhom isiru “fwieħa” li, mhux biss timla djarhom, imma tfewwaħ id-dinja ta’ madwarhom. Dawn il-familji huma it-teżor moħbi tal-Knisja u tas-soċjetà tagħna, u jien irrid niskopri dan it-teżor.
Fl-istess waqt, inħossu dmir tiegħi li noffrilkom il-kenn, għeżież familji. L-evanġelista San Ġwann jagħmel enfasi fuq is-sentimenti ta’ Ġesù. Hu josserva li “Ġesù kien iħobbhom lil Marta, lil oħtha u lil Lazzru” (Ġw.11,5); kif ukoll li Ġesù beka magħhom meta miet Lazzru (Ġw.11,35). Bħal Ġesù u ma’ Ġesù jien ukoll inħobbkom u nħoss magħkom. Din l-imħabba nixtieq nuriha mhux biss billi noffrilkom il-ħbiberija tiegħi u nkun qrib tagħkom, imma l-aktar billi ngħinkom tikxfu il-wiċċ moħbi ta’ Kristu preżenti fostkom. Jekk il-familja tkun konvinta li Ġesù qiegħed jgħammar magħha, tkun tista’ tagħmel esperjenza tal-qawwa tiegħu li tegħleb saħansitra l-mewt! Kif Ġesù radd il-ħajja lil Lazzru, biddel il-viżtu ta’ Marta u Marija f’ferħ, u tahom il-grazzja li jgawdu l-għaqda tal-familja, nemmen li llum ukoll Ġesù jista’ jagħmel dawn il-mirakli magħna, jekk ahna nemmnu fiH!
Jien nixtieq inkun xhud ta’ din l-esperjenza ta’ fidi li intom qegħdin tagħmlu fil-familji tagħkom. Proprju biex inkunu qrib ta’ xulxin fil-bidu tal-ministeru tiegħi bħala isqof tagħkom, xtaqt li niltaqgħu flimkien bħala familji kemm nhar il-Ħadd 22 ta’ Jannar, fil-Jum tal-Konsagrazzjoni Episkopali tiegħi, kif ukoll nhar il-Ħadd 29 tax-xahar, meta ser norganizzaw Festa-Familja fil-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex, ir-Rabat. Nistieden lilek bħala familja, u ġib miegħek familji oħra.
Insellimlek mill-qalb u nitlob fuqek il-barka tal-Mulej.
+ Mario Grech
Isqof għall-qadi tagħkom