Is-saċerdot u l-ġmiel tal-Knisja (Katidral, 24 ta’ Awissu 2006)

IS-SAĊERDOT U L-ĠMIEL TAL-KNISJA

Ordinazzjoni Presbiterali tad-Djaknu Michael Galea (mix-Xagħra), Katidral – 24 ta’ Awissu 2006

Fl-Apokalissi għandna stedina biex wieħed jilmaħ l-għarusa mart il-Ħaruf nieżla mis-sema, tarmi l-ġmiel ta’ Alla, sabiħa bħal-ħaġra prezzjuża (ara 22,9b). Din l-għarusa hija l-Knisja.

Jien ferħan ħafna, u konvint li anke intom ferħanin, li Alla tana l-grazzja li nkunu din il-Knisja. Il-ġmiel tal-Knisja ma jiddependix min-numri; is-sebħ tagħha joħroġ mill-preżenza ta’ Alla li jgħammar fiha. Il-ġmiel tal-Knisja huwa profond għaliex il-Knisja hija d-dar ta’ Alla. U l-lejla l-Mulej qed jagħtina l-grazzja li naraw din il-Knisja tisbieħ, għax ftit mumenti oħra bit-tqegħid ta’ jdejna wieħed minn ħutna ser jirċievi d-don tas-saċerdozju.

Is-saċerdot isebbaħ il-Knisja

Il-vokazzjoni saċerdotali tiegħek hija waħda, għażiż Michael: illi tkompli ssebbaħ il-Knisja; hi sejħa biex tagħmel ileqq dan id-djamant. Dan inti tista’ tagħmlu billi tagħmel iktar evidenti il-preżenza ta’ Alla fost il-poplu tiegħu, u billi tagħmel mill-Knisja dak il-poplu illi mhux biss jinġabar għaliex Alla jirrivela lilu nnifsu fil-knisja, imma wkoll għaliex huwa poplu msejjaħ biex jimmanifesta lil Alla fid-dinja tal-lum.

Il-Knisja mhux biss hija dak il-post imżejjen bil-preżenza ta’ Alla, imma hija imsejħa biex dan il-ġmiel tgħaddih lill-oħrajn. Hekk biss in-numri ta’ dawk li jiffrekwentaw il-knisja jinbidlu. Huwa importanti ħafna li aħna s-saċerdoti inħossuna imsejħin u mibgħuta biex nirrivelaw lil Alla, biex nagħmlu lil Alla aktar trasparenti fid-dinja tal-lum. Għax jekk Alla jkun trasparenti, minnu nnifsu jiġbed lill-oħrajn.

Esperjenza ta’ Kristu flimkien

Waqt li kont nimmedita l-Vanġelu (Ġw. 1,45-51) laqtuni diversi punti li jkomplu jgħinuna nifhmu din il-verità. Kristu jimmanifesta ruħu lil Natanael, li t-tradizzjoni tgħidilna li kien Bartilmew l-appostlu li llum qegħdin nagħmlu t-tifkira tiegħu. Filippu mar għand Bartilmew u qallu: “Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè u l-profeti” (Ġw 1.45).
Filippu jitkellem fil-kollettività peress li qiegħed jitkellem minn komunità li għamlet l-esperjenza ta’ Kristu; lil Natanael jurih l-esperjenza li għamlet il-komunità tad-dixxipli. Mela l-esperjenza ta’ Kristu hija garantita fi ħdan il-komunità ekkleżjali, li hija l-ambjent privileġġjat fejn Alla jimmanifesta lilu nnifsu.

Is-saċerdot jirrivela l-glorja ta’ Alla

Natanael jirreżisti: “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?” Imma meta mbagħad Kristu jgħidlu li kien rah taħt is-siġra tat-tin, hemmhekk Natanael jikkonverti, jirrikonoxxi u jaċċetta lil Kristu bħala l-Iben t’Alla, is-sultan ta’ Israel. Hawn Kristu jgħid lil Natanael: “Qed temmen għaliex għidtlek li rajtek taħt is-siġra tat-tin? … Għad taraw ħwejjeġ isbaħ minn dawn … Għad taraw is-sema miftuħ u l-anġli ta’ Alla telgħin u neżlin fuq Bin il-Bniedem” (Ġw 1,50-51).

Din is-sentenza tfakkarni fl-esperjenza li għamel Ġakobb li telaq minn Birsaba lejn Ħaran. Hemmhekk kellu r-rivelazzjoni ta’ Alla. Waqt li kien rieqed ħolom u ra taraġ tiela’ mill-art bil-quċċata tiegħu fis-sema, u beda jara l-anġli telgħin u neżlin. Hemm lemaħ lil Alla wieqaf ħdejh. Fi kliem ieħor, l-anġli għenuh jagħraf il-ġmiel ta’ Alla. Ġakobb tant baqa’ impressjonat b’dik l-esperjenza illi x’ħin qam biddel l-isem ta’ dak il-post u minn Luz għamlu Betel, id-dar ta’ Alla. Hija l-esperjenza li huwa kellu tal-ġmiel ta’ Alla illi twassal lil Ġakobb biex jibdel l-isem ta’ dan il-post!

Dan huwa li nawguralek, saċerdot novell, u lilkom, għeżież saċerdoti: illi bħal Ġakobb aħna nagħtu ċans lil Alla jgħaddina minn din l-esperjenza illi naraw il-glorja tiegħu. Hekk inkunu kapaċi mhux biss ninbidlu aħna, imma nibdlu d-dinja ta’ madwarna. Bħal Ġakobb imbagħad inkunu nistgħu nirrivelaw lil Alla fil-komunità li naqdu, u ntuha isem ġdid li jkun Betel, id-dar t’Alla.

It-teoloġija mhix xjenza imma esperjenza

Il-fatt li Ġesù jgħid lil Natanael: “rajtek taħt is-siġra tat-tin”, jixhed li dan iż-żagħżugħ kien jattendi l-iskola tar-rabbini. Infatti t-tradizzjoni rabbinika tgħidilna li r-rabbini kienu dawk li joqogħdu taħt is-siġra tat-tin biex jistudjaw l-Iskrittura. Barra minn hekk, l-assoċjazzjoni ta’ l-istudju tal-Kelma t’Alla mas-siġra tat-tin jimplika li l-Kelma t’Alla hija ħelwa bħal frotta tat-tin! Madanakollu, minkejja li Natanael kien studja l-Iskrittura, lil Kristu ma għarfux.

Dan għandu jħassibna ftit lilna s-saċerdoti, għaliex dan ifisser li għalina li ngħaddu s-snin bl-Iskrittura f’idejna ma hemm ebda garanzija li aħna żgur ser nagħmlu l-esperjenza tar-rivelazzjoni ta’ Alla! Infatti l-esperjenza tgħallimna li kien hemm min mhux nisrani li studja t-teoloġija u xorta baqa ma’ jemminx. L-istudju tat-teoloġija jrid ikun imsieħeb minn dimensjoni oħra! Kien jonqos li Natanael joqgħod għall-kelma ta’ Filippu, li qallu: “Ejja u ara”; fi kliem ieħor, Filippu stieden lil Natanael biex huwa stess jagħmel l-esperjenza personali ta’ Ġesù. Natanael jaċċetta. Kienet din id-dispożizzjoni li wasslet lil Kristu jgħid għal Natanael: “Hawn Israelita li fih m’hemm l-ebda qerq”. Dan ifisser li Natanael ma kienx bniedem makakk, doppjun, bniedem li għandu l-progetti tiegħu u jqarraq biex jilħaq kapriċċih; imma kien Israelita ġenwin, ġust u sinċier li jimxi fid-dawl tal-Kelma t’Alla.

Il-glorja tas-Salib

Kristu lil Natanael jgħidlu li kellu jara ħwejjeg isbaħ meta jara l-anġli telgħin u neżlin fuq Bin il-Bniedem. X’nifhmu b’dan il-kliem?

Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann it-titlu ta’ “Bin il-Bniedem” huwa dejjem marbut mal-glorifikazzjoni tas-salib u l-qawmien ta’ Kristu. Bħala eżempju, biżżejjed niftakru dak li Ġesù darba qal lid-dixxipli: “Xi tgħidu kieku taraw lil Bin il-Bniedem tiela’ fejn kien qabel?” (Ġw 6,62). Darb’oħra, meta xi Griegi riedu jaraw lil Ġesù, Ġesù qal lil Filippu: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-Bniedem ikun igglorifikat. Tassew tassew ngħidilkom li jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ waħidha, imma jekk tmut hija tagħmel ħafna frott” (Ġw 12,23). Allura huwa probabbli li hawn Ġesù qed iħabbar lil Natanael li huwa għad jara l-glorja ta’ Alla mhux tant meta Ġesù jimmanifesta ruħu b’mod spettakulari, bħal meta jiġbor in-nies madwaru jew jagħmel il-mirakli, imma fuq is-salib.

Għażiż Michael, dan huwa li jiena nawguralek: li tagħmel l-esperjenza tas-salib. Kien fuq is-salib, filwaqt li Kristu xejjen lilu nnifsu, li Alla gglorifikah. Din għandha tkun l-esperjenza tagħna s-saċerdoti! Ħafna drabi nintilfu nżejnu lil din l-“Għarusa mart il-Ħaruf” (jiġifieri l-Knisja) bil-ġmiel tad-dinja, u ninsew li l-glorja vera tal-Knisja huma dawk li jitwaħħdu ma’ Kristu vittma u saċerdot; huma f’dawk li jingħaqdu ma’ Kristu fl-offerta tiegħu lill-Missier. Hija din l-offerta li tirrivela l-glorja ta’Alla!

Is-saċerdot u l-martirju

Lil Natanael Ġesù qed jgħidlu li għad jara l-anġli ta’ Alla neżlin u telgħin fuq Bin il-Bniedem. Dan “Bin il-bniedem” m’huwiex biss Kristu, imma Nataneal ukoll. Fi kliem ieħor, Ġesù qed jistieden lil Natanael jagħmel l-istess esperjenza. Hawnhekk Kristu qed iħabbar il-martirju lil Bartilmew, għax x’ħin waslet is-siegħa tiegħu huwa wkoll ta glorja lil Alla bil-martirju.

U forsi l-Knisja f’pajjiżna għandha bżonn tal-martri; jekk trid tirkupra mis-sitwazzjoni li tinsab fiha, il-Knisja tagħna għandha bżonn ta’ dixxipli tal-Mulej – saċerdoti, reliġjużi, lajċi kkonsagrati – li ma jibżgħux jistqarru li huma dixxipli tan-Nazzarenu msallab! U biex nagħmlu dan irridu nerfgħu salibna ta’ kuljum. Dakinhar jikber il-veru ġmiel tal-Knisja.

Dawn huma il-ftit ħsibijiet li xtaqt naqsam miegħek, għażiż saċerdot novell, f’din l-okkażjoni unika li fiha qed tirċievi l-ordinazzjoni presbiterali. Dak li qed ngħid lilek, nagħmlu tiegħi personali bħala Isqof tagħkom, u ngħidu lilkom, għeżież saċerdoti, jekk triduni nkun l-Isqof tagħkom! U qed ngħidu quddiemkom, għeżież insara, ħalli intom tifhmu liema missjoni Alla fdalna, u tkomplu ssostnuna bit-talb u l-penitenza li tagħmlu.
B’dan il-mod aħna nkunu qegħdin nagħtu kontribut biex il-Knisja, l-Għarusa mart il-Ħaruf, mhux biss ma titlifx il-ġmiel tagħha, imma dan il-ġmiel ikompli jleħħ u jiġbed tant ħutna Maltin u Għawdxin li għal xi raġuni jew oħra tbegħdu mill-Knisja. Amen