IL-ĦIDMA INDISPENSABBLI TAL-ĠENITURI
Pellegrinaġġ djoċesan għall-parroċċa ta’ Sant Anna, Wied il-Għajn, Malta – 22 ta’ Awissu 2006
Kemm hemm persuni fil-ħajja tagħna li ltqajna magħhom, jew aħjar l-Mulej ilaqqagħna magħhom, u dawn bidlulna l-kors tal-ħajja għall-aħjar! Fost dawn hemm dawk il-persuni li huma straordinarji, imma hemm ukoll persuni ordinarji bħalma huma l-ġenituri tagħna, li forsi tant huma ordinarji li niżbaljaw meta ma nirrikonoxxuhomx.
Marija: frott tat-trobbija li ħadet
Fit-tħabbira tal-Vanġelu għadna kif smajna r-rakkont ta’ Marija quddiem ir-rivelazzjoni li għamlilha l-anġlu (Lq 1,26-38). Marija setgħet tgħid le għall-proposta li għamlilha Alla! Imma min seta’ pprepara u sawwar lil Marija biex fil-milja taz-żmien tinduna li Alla ried xi ħaġa minnha? Min għen lil Marija biex tagħraf tinterpreta l-messaġġ li bagħtilha Alla, u tikkopera mal-pjan tiegħu biex hekk tatna lil Kristu, l-Iben ta’ Alla?
Dawk li sawru lil Marija kienu bnedmin ordinarji, ommha u missierha – Sant’Anna u San Ġwakkin. Ftit nafu bħala storja fuq dawn iz-żewġ persuni, imma jiena żgur li kienu huma li taw trobbija tajba lil Marija, kienu huma bħala ġenituri li ħejjew lil binthom biex hija setgħet tikkopera ma’ Alla.
Apprezzament tal-ġenituri
Illum jien nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi lilkom, għeżież ġenituri, għaliex, għalkemm forsi ftit huma dawk li jirrikonoxxukom, intom qegħdin tagħmlu opra qaddis, qegħdin tagħtu kontribut enormi mhux biss lil uliedkom imma wkoll lis-soċjetà u lill-Knisja. Intom, għeżież ġenituri li tgħixu b’responsabiltà l-vokazzjoni tagħkom, qegħdin issawru bnedmin, qegħdin tħejjuhom u tippreparawhom biex jiskopru l-ħafna tajjeb li hemm fihom u jiżviluppaw il-kapaċitajiet tajbin li għandhom. X’kien jiġri kieku Marija ma kellhiex lil Sant’Anna u lil San Ġwakkin? X’kien jiġri minna kieku aħna ma trabbejniex f’familja tajba? X’ser jiġri minn uliedna jekk aħna ma noffrulhomx garanzija ta’ kenn fil-familja u ta’ għajnuna ġenwina biex ikunu jistgħu jikbru u jagħrfu l-ħafna tajjeb li hemm fihom, bit-tama li mbagħad ikunu għas-servizz tal-komunità?
Fid-dar l-ewwel esperjenza ta’ Knisja
U jekk irridu nitkellmu dwar il-ħajja nisranija, l-ewwel esperjenza ta’ Knisja tagħmluha intom, fid-djar tagħkom. L-ewwel katekisti ta’ wliedna m’humiex l-Isqof, il-kappillan jew il-katekisti taċ-ċentri, imma huma intom. U jien irrid napprezzakom, nirringrazzjakom u nħeġġiġkom ħalli dan ix-xogħol, jew aħjar din il-missjoni tissuktawha minkejja d-diffikultajiet li tiltaqgħu magħhom.
Min huma l-ewwel għalliema tat-talb? Mhux intom, għeżież ġenituri! Min jintroduċi liċ-ċkejknin fil-ħajja tal-komunità nisranija, speċjalment meta niltaqgħu biex niċċelebraw il-quddiesa? Intom, għeżież ġenituri! Huwa intom li bil-kelma u bl-eżempju tagħkom tnisslu fl-ulied il-valur u l-bżonn li aħna niltaqgħu flimkien ħalli niċċelebraw l-Ewkaristija.
Min jibni u min iħott
Hemm bżonn li f’din il-ħaġa nimpenjaw irwieħna iżjed, għaliex sfortunatament dak li qegħdin tibnu intom fid-dar hemm min qiegħed jipprova jħottulkom. Għandna sistema fil-pajjiż illi m’hix dejjem tgħin, u mhux dejjem hija ta’ sussidju għall-familja f’din l-intrapriża hekk importanti tas-sawrien tal-bnedmin. Nagħtikom eżempju wieħed: id-divertiment li huwa organizzat fil-lokalitajiet pubbliċi mingħajr ebda rażan jew kontroll dwar x’isir fid-divertiment u lanqas dwar dawk li huma ħinijiet.
Jiena nifhimkom, għeżież ġenituri, meta tfissru l-preokkupazzjoni tagħkom, għax meta tkunu ser issebbħu għal jum ġdid uliedkom ikunu għadhom ma nġabrux id-dar! Imma possibbli ma nistgħux bħala soċjetà jkollna qafas ta’ regoli u liġijiet fejn dawn il-lokalitajiet isegwu ħinijiet umani, u ma nkomplux nisfruttaw liż-żgħażagħ tagħna ?
Il-komunità parrokkjali
Però ma naqgħtux qalbna, għax jekk aħna nkomplu ninbnew bħala komunità nisranija, il-komunità ssostnina. Il-komunità parrokkjali għandha toffri din l-għajnuna. Il-mument fejn il-komunità tħossha komunità huwa proprju meta tiltaqa’ għall-quddiesa nhar ta’ Ħadd. Hemm bżonn insaħħu l-komunitajiet parrokkjali tagħna li jiltaqgħu biex jiċċelebraw l-Ewkaristija tal-Ħadd ħalli proprju f’dak il-mument mhux biss nikkonsolidaw l-għaqda ta’ bejnietna, imma bħala familji nkunu nistgħu nsostnu, nwieżnu u ninkoraġġixxu lil xulxin anke f’kampanja ta’ kuxjentizzazzjoni bħal din li semmejna.
Il-futur ta’ wliedna jiddependi fuq il-preżent
Il-futur ta’ wliedna jiddependi mill-preżent li qegħdin noffrulhom fil-familji tagħna. Għalhekk nerġa’ ntenni r-ringrazzjament tiegħi lilkom, għeżież ġenituri, għal dak li intom qegħdin tagħmlu, tas-sagriffiċċji kbar li tagħmlu fil-familji tagħkom, anke jekk dan huwa moħbi u mhux dejjem huwa rikonnoxxut. Qawwu qalbkom; jien konvint li jekk intom il-ġenituri tippreparaw lil uliedkom u jkollkom is-sapport tal-komunità nisranija, huma jkunu kapaċi jintebħu x’irid Alla minnhom u jikkoperaw ma’ Alla biex flimkien nibnu l-belt ta’ Alla hawn fl-art. Amen.