Il-ġenju tal-mara (Parroċċa Għarb, 2 ta’ Lulju 2006)

IL-ĠENJU TAL-MARA

Festa tal-Viżitazzjoni, Għarb – 2 ta’ Lulju 2006

Inxandru l-vanġelu tal-ħajja

“Ifraħ Ġerusalem, semma’ leħnek, erfa’ dawk dirgħajk mitluqa, xandar il-preżenza tal-Mulej li hemm f’nofsok.” Hekk jgħid il-profeta Sofonija, kif qrajna fl-ewwel qari f’din il-liturġija. U jien nistħajjel illi dan il-kliem japplika perfettament mhux biss għal din il-komunità miġbura fil-parroċċa ta’ l-Għarb, imma għall-poplu tagħna kollu: “Semma leħnek, poplu, uri l-ferħ tiegħek, qajjem dawk dirgħajk mitluqa, uri lid-dinja illi Alla jgħammar f’nofsok.”

Ħbieb tiegħi, din hija l-istedina li nħoss li għandna nagħmlu llum aktar minn qabel, meta qegħdin ngħixu f’soċjetà lajka, soċjetà trid donna tgħaddi mingħajr riferiment għal Alla. Soċjetà illi sfortunatament kull ma jmur donna qed titlef il-viżjoni ta’ Alla; u min m’għandux viżjoni ta’ Alla, lanqas għandu viżjoni tajba la tiegħu nnifsu u lanqas tal-bniedem. U għalhekk huwa dmir li jagħfas fuq spallejna kollha dak li jgħid Sofonija: “Erfgħu dawk l-imberkin idejn mitluqa tagħkom” – u dan qed ngħidu għalija nnifsi – “u xandru li Alla huwa f’nofskom”.

Dan huwa wieħed mir-raġunijiet li jiġġustifikaw li aħna nagħmlu dawn il-festi titulari. Huma espressjoni pubblika tat-twemmin tagħna. Huma wkoll kultura u tradizzjoni; imma l-ewwel u qabel kollox huma xhieda li aħna nemmnu li Kristu huwa preżenti fostna. Meta aħna nonoraw il-qaddisin, bħalma llum qegħdin nagħtu ġieħ lill-Omm tagħna Marija u lil Santa Eliżabetta, dan nagħmluh proprju għaliex f’dawn il-qaddisin naraw nies illi semmew leħinhom: nies illi għamluha m’Alla u ma beżgħux jikkomunikawh lill-oħrajn. Hemm diversi modi kif aħna nsemmgħu leħinna, imma fiċ-ċirkustanza ta’ dalgħodu, f’din il-meditazzjoni qasira li nixtieq naqsam magħkom, inġib quddiem għajnejja l-ġeneru tal-mara, il-femminilità.

Għandna żewġ qaddisin, żewġ nisa kbar, Marija u Eliżabetta. Huma jistgħu jgħidulna ħafna affarijiet: jistgħu jgħidulna kif waħda, Eliżabetta, hija l-konklużjoni ta’ era, konklużjoni ta’ storja li huwa l-Antik Testment; u Marija hija l-inawgurazzjoni ta’ storja ġdida, storja li għadha tinkiteb illum. It-tnejn, dawn iż-żewġ nisa, juruna kif ikkoperaw ma’ l-Awtur ta’ l-istorja, u għamlu li din l-istorja tkun waħda li ma tkunx ta’ għajb għall-bnedmin. Eliżabetta tesprimi l-istennija u x-xewqat li kellu l-poplu Lhudi; din il-mara tiffigura l-istennija, ix-xewqat li kien hemm fil-qalb ta’ kull persuna, fil-qalb ta’ dik is-soċjetà, ta’ dak il-poplu. Marija, min-naħa l-oħra, hija l-mara illi tara fiha t-twettiq ta’ dawn x-xewqat. Eliżabetta, kif jindika isimha, hija l-mara li tfakkar li Alla ħa ġurament, għamel ħalfa li jibqa’ mal-poplu tiegħu. Marija, mimlija bil-grazzja, hija dik illi tikkonfermalna li Alla mhux biss wiegħed, imma waqqaf il-Patt il-Ġdid għal dejjem u daħal sieħeb fl-istorja ta’ l-umanità meta bagħat lill-Ibnu, il-Mulej Ġesù.

Il-ġenju tal-mara

Imma illum nixtieq li r-riflessjoni tagħna proprju nagħmluha dwar il-ġenju tal-mara. Sar ħafna diskors dwar dik li nsejħulha l-emanċipazzjoni tal-mara; però, dan donnu huwa diskors vag illi għadu ma sabx postu. Għaliex jekk nanalizzaw ftit dak li ngħad dwar l-emanċipazzjoni f’dawn l-aħħar tletin jew erbgħin sena, tiġi waħidha l-mistoqsija: imma fejn sejrin? X’tip ta’ progress irridu f’dak li għandu x’jaqsam mal-mara?

Nhar il-Ġimgħa attendejt bi pjaċir għal ċerimonja tal-gradwazzjoni taż-żagħżagħ tagħna, li jattendu s-Sixth Form, u nnutajt illi kien hemm xi mitejn li telgħu għaċ-ċertifikat tal-gradwazzjoni, u minnhom persentaġġ għoli kienu tfajliet. Dan ifisser illi s-soċjetà tagħna għandha preżenza qawwija ta nisa; dan ifisser illi intom in-nisa tgħoddu ma’ dawk ta’ quddiem fil-Knisja illi tridu tagħmlu dak illi jgħid Sofonija: “Semmgħu leħinkom, għollu dawk id-dirgħajn mitluqa tagħkom”, u xxandru li intom għamiltuha ma’ Kristu, kif għamlu Eliżabetta u Marija. Għax għamiltuha ma’ Kristu, intom ksibtu dawl illi jgħinkom tagħrfu l-kobor tad-dinjità tagħkom, bħala nisa fis-soċjetà u fil-Knisja.

Allura liema aspetti nixtieq nissottolinja magħkom dalgħodu meta nitfa’ ħarsti fuq l-istatwa ta’ Marija u Elizabetta li qed iżżejjen din il-knisja tal-Viżitazzjoni? Nilmaħ żewġ nisa, li t-tnejn huma tqal, għax qegħdin iġorru l-ħajja fi ħdanhom. Nilmaħ mhux biss il-fekondità, imma wkoll l-isterilità. Għaliex jekk Marija, meta kienet għadha fl-età tagħha nisslet fi ħdanha bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu, mhux hekk għal qaribtha Eliżabetta! Għax din flimkien ma’ żewġha Żakkarija kibru fis-snin u ma kellhomx ulied; anzi, Eliżabetta kienet tħossha li għandha l-għajb fuqha. U allura, għalkemm it-tnejn qegħdin iġorru l-ħajja, nixtieq nirrifletti dwar il-mara u l-fekondità u l-mara u l-isterilità.

Theddid għall-ħajja tal-bniedem fil-bidu tagħha

Għeżież ħuti nisa, Alla żejjinkom b’dik il-kapaċità ġenerattiva biex flimkien ma’ żwieġkom intom tagħtu l-ħajja. Intom tikkoperaw fil-ħolqien ta’ bnedmin ġodda. Imma nistgħu ngħidu illi fi żmienna dan id-don tal-fekondità huwa apprezzat? Nistgħu ngħidu illi tassew ngħożżu d-dinjità u l-qdusija ta’ din il-fakultà generattiva? Jew inkella, għaliex meħudin mill-mentalità sfrenata tad-dinja tal-lum, għaliex inħallu l-egoiżmu jkollu s-soppravvent fil-ħajja tagħna, aħna ninnegozjaw u nilagħbu mal-fekondità? aħna nillimitaw bla ebda sens ta’ responsabiltà dan l-att hekk qaddis?

Il-Knisja tgħallimna xi tfisser il-paternità responsabbli. Meta qed ngħid il-paternità responsabbli rrid infisser ukoll il-maternità responsabbli. Jidhrilkom illi fis-soċjetà ta’ żmienna l-insara, iktar w iktar dawk li m’humiex insara, qegħdin jimxu fuq il-linji li tgħallimna Ommna l-Knisja? Dawn ma humiex linji imposti minn fuq, imma huma linji li jgħinuna biex nintegraw lilna nfusna; linji gwida li jgħinuna ngħixu ta’ bnedmin u mhux niskapriċċjaw ħajjitna u ħajjet ħaddieħor. Nistgħu ngħidu illi aħna ngħożżu d-don tal-ħajja fuq kollox? Jew inkella hawn min qiegħed jimmilita fid-dieher u fil-moħbi biex meta jkun hemm ħajja li mhix mixtieqha nippruvaw intemmu dik il-ħajja? Dan ġie li jiġri ukoll meta wara li ssir dijanjosi tat-tarbija fil-ġuf, niġġudikaw li l-kundizzjoni mhix perfetta tagħha ma tkunx tixirqilna!

L-abort mhux legalizzat formalment f’pajjiżna, imma intom tafu kemm anke minn ħutna jirrikorru għal din il-prattika omiċidjali. Meta inti tirrikorri għall-abort inti tkun qed tneħħi l-ħajja. Ngħid li l-abort mhux rikonoxxut formalment, għax jista’ jkun illi jkun qed jiġri quddiem għajnejna u nħalluh jiġri!

Stenbaħ, ja mara nisranija, ja poplu nisrani! Jekk int tassew devot u tħobb lil dawn iż-żewġ qaddisin li qegħdin iġorru l-ħajja fi ħdanhom, iddefendi l-ħajja bħalma għamlu huma.

Manipulazzjoni tal-ħajja umana

Imma hemm ukoll l-isterilità, jiġifieri l-inkapaċità illi l-mara tnissel u tagħti l-ħajja. Dan mhux dejjem ikun responsabiltà tagħha biss, għax tista’ tkun ukoll responsabiltà tas-sieħeb. Quddiem dan il-fenomenu kif qegħdin nitkellmu? Meta jingħad li l-koppja għandha dritt għall-ulied, dan mhux diskors korrett. L-ulied ma humiex oġġett, imma don t’Alla. Jekk nitkellmu mid-dritt, allura anke l-mezzi huma ġġustifikati biex ikollna l-ulied.
Imbagħad x’nagħmlu f’każijiet fejn mhux possibli fiżikament li jkun hemm il-ħajja? Niddispraw? Jew nirrikorru għal mezzi xjentifiċi biex mingħalina nirrimedjaw dak li n-natura ma tistax tagħtina? F’Ġunju li għadda fi Praga kien hemm kungress tax-xjenzjati, u tkellmu dwar dak il-mezz tat-tnissil, l-IVF (in vitro fertilisation). Ingħad li hawn tliet miljuni mnisslin b’dan il-mod! Imbagħad hemm ukoll il-bank fejn niddepositaw mhux id-deheb u l-flus imma l-ħajja. Dak li jiġrilu min ma jkollux prinċipji ċari ta’ etika u ta’ morali! Hemm dilemma x’ħa jsir minn dawk il-ħajjiet iffriżati.

Peress li mhux il-waqt li nitkellem dwar il-moralità ta’ dawn il-mezzi tekniċi, inqiegħed għall-attenzjoni l-fatt li f’każijiet bħal dawn hemm ukoll il-possibiltà li wieħed jimmanipola l-ħajja. Nibdew nagħżlu bejn dan li huwa iktar sabiħ u dak li hu inqas sabiħ, bejn dan għax b’saħħtu u din għax dgħajfa, u la darba din it-tarbija fi stat embrijonali hija dgħajfa, nikkonkludu li m’għandiex dritt għall-ħajja! Bħallikieku aħna mħallfin li nagħtu l-ħajja u nikkundannaw għall-mewt. Min poġġiena bħala mħallef? Apparti dubji oħra, anki xjentifiċi, li għadhom mhumiex riżolti. Barra minn hekk, f’każijiet bħal dawn jeżisti r-riskju li jkun hemm manipulazzjoni tal-imħuħ tan-nies, speċjalment ta’ dawk li qed jgħixu f’sitwazzjoni disperata u li jridu l-ulied imma ma jistgħux, imbagħad isibu min forsi jisfruttahom.

Qum mara, int l’ inti mżejna b’dan id-don ġenerattiv! Tkellem! Stenbaħ! Qajjem dawk l-idejn mitluqa tiegħek u tgħidx ma nafx nitkellem.

Ir-riċerka fuq ċelloli embrijonali umani

Dan l-aħħar, aħna l-isqfijiet ħriġna stqarrija qasira ħafna dwar dak li hu l-użu ta’ ċelluli embrijonali għal skopijiet terapewtiċi, jiġifieri ċelluli meħudin mill-embrijun uman. Din il-leġislazzjoni li qed tiġi proposta fl-Ewropa suppost li tinteressana lkoll. Allura l-isqfijiet biss jitkellmu? Mhux il-Knisja kollha? Dawk kollha ta’ rieda tajba għandhom isemmgħu leħinhom u jgħidu f’każijiet bħal dawn qed issir inġustizzja għax qegħdin nilagħbu mal-ħajja; qegħdin nassistu għal qtil ta’ persuni, anke jekk għadhom fi stat embrijonali.

Nilqgħu d-don tal-ħajja

X’ħin inħares lejn Eliżabetta u Marija, nara żewġ ommijiet illi laqgħu d-don tal-ħajja, ikkoperaw ma’ Alla u taw il-ħajja lil Ġwanni u lil Ġesù. Dan hu d-don tal-maternità! F’kull mara bħal f’kull raġel hemm ix-xewqa għall-paternità u għall-maternità; imma noqogħdu attenti għax anke ħaġa nobbli, dinjituża, qaddisa, bħalma hija l-maternità, aħna nistgħu ninqdew biha. Ninqdew biha għal skopijiet tagħna u ma ngħożżuhiex fiha nnifisha. Jista’ jiġrilna illi forsi l-maternità nieħdu gost biha fil-mument tat-tqala, fil-mument tat-twelid, fl-ewwel snin tat-tarbija; mbagħad nibdew nittraskurawha. Imma ġaladarba int omm, bħalma ngħid għall-missier, int omm għal dejjem, u ma nistgħux nirrinunzjaw għal din il-verità.

Fl-Iskrittura hemm miktub: “Tista’ qatt omm tinsa’ lil binha…?” Jien kważi llum ma ngħidx din il-frażi b’daqshekk faċilità, għax huwa possibbli u ġraw każijiet fejn l-omm tinsa lil binha jew lil bintha!

Id-don tal-verġinità

Marija u Elizabetta huma żewġ ommijiet, imma waħda minnhom tispirani dwar il-verġinità. Marija kienet verġni qabel it-twelid, fit-twelid u wara t-twelid. U dan iġagħalni nistaqsi lill-mara ta’ żmienna, jekk fis-soċjetà edonista tal-lum hijiex kapaċi tgħożż il-kastità u l-verġinità.

Qed nitkellem mhux biss minn dik li tissejjaħ “kastita konjugali”, imma wkoll mill-verġinità kkonsagrata lil Alla. Fil-Knisja għandna l-preżenza ta’ nisa reliġjużi u lil dawn inħosshom qegħdin jgħidulna: “Aħna għażilna lil Kristu u tajnieh ħajjitna kollha kemm hi. Għażilna lilu u rrinunzjajna l-maternità tagħna, mhux għax m’aħniex kapaċi nkunu ommijiet, imma għaliex inħobbu lil Alla b’qalbna kollha u kkonsagrajna l-verġinità tagħna lil Alla”. Dan hu valur li d-dinja trid tipprova tnissina dwaru, jekk mhux ukoll iddaħħakna bih. Imma dan hu valur kbir, u nixtieq illi jiġi iktar apprezzat u kkontemplat aktar anke fil-familji tagħna. Spiss jigri li jkun hemm żerriegħa ta’ vokazzjoni reliġjuża jew ta’ ħajja kkonsagrata lajkali, u bħal donnu naraw x’nagħmlu biex inneħħu dak li sfortunatament jiġi kkunsidrat bħala “għajb” fuq il-familja tagħna. Jekk nirraġunaw hekk ifisser illi għadna ’l bogħod milli nagħrfu l-ġmiel ta’ Kristu, illi jsaħħar lil dawk li jgħixu ħajja ċelibi għalih.

It-trobbija ta’ l-ulied

Meta nħares lejn Santa Eliżabetta u l-Madonna, nara żewġ nisa illi mhux biss laqgħu d-don tal-ħajja u taw id-dawl lil uliedhom, imma ħadu ħsieb uliedhom u rawmuhom, u bnewhom bħala rġiel.

Meta l-anġlu deher lil Żakkarija qallu: “Ħa jkollkom tifel; dan it-tifel ma jkunx jixrob inbid jew xorb ieħor, u jkun mimli bl-ispirtu t’Alla sa minn ħdan ommu”. Veru, nistgħu ngħidu illi Ġwanni meta kiber għażel ħajja axxetika. Hemm min jgħid li hu mar jgħix fil-komunità tal-Qumran, li kienet ħajja qisha reliġjuża.

Il-Battista kif wasal biex għamel dik l-għażla? Għax “minn ħdan ommu” Ġwanni beda jirċievi l-messaġġi. U llum il-psikoloġija tikkonfermalna li meta t-tarbija tkun għadha fi ħdan ommha, tkun diġà qed tiġi msawra mhux biss fiżikament imma wkoll psikoloġikament. “Minn ħdan ommu” jfisser li anke meta twieled sakemm wasal fiż-żmien illi rtira fid-deżert, Ġwanni rċieva formazzjoni, edukazzjoni illi bnietu.

U l-istess nistgħu ngħidu għal Ġesù li trabba għad-dell t’ommu Marija. M’għandniex ħafna tagħrif dwar it-tfulija tiegħu; imma meta ntilef fit-tempju naqraw li kompla jikber fiż-żmien, fl-għerf u l-qdusija. Fejn kompla jikber dan it-tfajjel jekk mhux fid-dar ta’ ommu u ta’ missieru Ġużeppi? Allura anke Marija ma wettqitx il-vokazzjoni tagħha biss billi welldet, imma kompliet tagħti l-ħajja lil Ġesù billi tagħtu trobbija li mbagħad kompliet tiżviluppa.

Anke fuq dan il-punt, għeżież ħuti nisa, speċjalment intom ommijiet, tistgħu tieqfu tirriflettu; fl-istess waqt nirringrazzjakom, għax naf illi hawn ħafna ommijiet imsieħba mill-missirijiet li tassew jingħataw għal uliedhom. Ħa ntikom eżempju. Dan l-aħħar kont nitkellem ma’ wieħed għandu ftit taż-żmien. Qalli li meta kien miżżewweġ xtaqt jagħmel kors fl-università li jwasslu għal MA. Kellu karriera quddiemu. Imma kompla jgħidli li meta wliedu kibru u waslu biex ikollhom bżonnu biex isegwihom fl-edukazzjoni tagħhom, huwa telaq l-kors għal MA biex seta’ jieħu ħsieb uliedu. Il-degree universitarja baqa’ ma ħadhiex, imma llum kuntent għaliex ma kienx assenti fit-trobbija ta’ wliedu.

Għalhekk nerġa’ ngħid li napprezzakom, għax naf illi hawn ħafna minnkom issagrifikati għal uliedkom. Però nagħmel appell għal dawk il-ftit li forsi jistgħu jagħmlu ftit iktar ħalli jsegwu ’l uliedhom aktar u aħjar.

Il-kontribut proprju tal-mara fil-Knisja

L-aħħar punt f’din il-meditazzjoni: Eliżabbetta kienet mart Żakkarija, li kien qassis fit-tempju. Għalkemm kien qassis, hi ma kenitx fit-tempju. Marija hija omm Ġesù, il-Qassis il-Kbir u kienet imsieħba mhux biss ma’ binha, imma ma’ l-ewwel komunità ekkleżjali, ma’ l-Appostli f’Pentekoste. L-istudjużi fl-Iskrittura jgħidulna li ħafna mit-tagħrif illi aħna ksibna fit-Testment il-Ġdid, l-evanġelisti u l-kittieba ħaduh minn fomm Marija.

Dan jimplika li intom, għeżież nisa, intom imsejħin biex tissieħbu fit-tempju, fil-ħajja tal-Knisja. Huwa fatt illi llum aktar minn qabel hemm iktar spazju għalikom bħala lajċi, imma jista’ jkun hemm iktar. U l-preżenza tagħkom fil-Knisja hija apprezzata mhux tant għal dak li tistgħu tagħmlu, bħal meta tnaddfu l-knisja jew il-paramenti sagri, imma għax il-preżenza tagħkom tista’ tkompli tgħinna nagħrfu x’irid Alla anke dwar dan il-ġeneru femminili.

Għalhekk nappellalkom biex tokkupaw iktar dak l-ispazju li hemm miftuħ għalikom biex intom tagħmlu lilkom infuskom preżenti fil-ħajja tal-Knisja, mhux biss fil-ħajja liturġika imma anke f’dik li hija tmexxija tal-Knisja, fis-sens wiesgħa tal-kelma.

Il-mara xandâra tal-paċi u tal-ħajja

Dawn huma l-ftit ħsibijiet li xtaqt naqsam magħkom f’dan il-jum tal-festa. Meta naqraw ir-rakkont tal-viżitazzjoni, San Luqa jgħidilna illi Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, u malli daħlet għand Eliżabetta sellmitilha. Ma jgħidilniex kif sellmitilha, imma t-tislima tal-Lhud kienet ovvja: “Shalom”. Anki Eliżabetta ssellem lil Marija: “Imbierka inti fost in-nisa”. Kemm il-paċi kif ukoll il-barka li dawn iż-żewġ nisa jagħtu lil xulxin iwasslu biex it-tnejn jimtlew bil-ferh u jħossu l-ħajja taqbeż ġewwa fihom.

U dan li nawguralkom, għeżież ħuti, ilkoll kemm intom, imma b’mod partikulari lilkom, għeżież nisa: illi intom tkunu dawk li mhux biss tibbenefikaw mill-paċi, mill-barka li Alla jrid isawwab fi qlubkom, imma tkunu intom illi, kif għamlu Marija u Eliżabetta, tħabbru l-paċi lid-dinja tal-lum. Il-paċi ma tfissirx biss li ma jkunx hemm gwerer jew ġlied, imma l-paċi sseħħ meta l-bniedem jagħraf l-identità tiegħu, meta l-mara tagħraf hi min hi. Hawn nies li m’humiex fil-paċi għax ma jaċċettawx lilhom infushom.

Dan huwa l-awgurju tiegħi, illi d-devozzjoni tagħkom lejn Eliżabetta u Marija, l-imħabba tagħkom lejn Kristu tfawwarkom bil-paċi u l-barka. B’hekk tagħrfu iktar lilkom infuskom fid-dawl ta’ Alla u tkunu tistgħu xxandru bil-ferħ, terfgħu l-idejn mitluqa tagħkom u tgħidu: “Ifraħ, Ġerusalemm, ifraħ Għawdex tagħna għaliex Ġesù qiegħed fostna!”

Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.