Il-Vanġelu taż-żwieġ u l-familja (Parroċċa Nadur, 29 ta’ Ġunju 2006)

IL-VANĠELU TAŻ-ŻWIEĠ U L-FAMILJA

Festa ta’ San Pietru u San Pawl, Nadur – 29 ta’ Ġunju 2006

Konfużjoni ta’ ideat

Wara li smajna l-Kelma t’Alla, huwa l-mument li nagħmlu flimkien meditazzjoni dwarha. Jiena konvint illi intom dalgħodu għandkom attenzjoni mhux biss biex taraw kif nikkontempla lil Pietru u Pawlu jgħinuni ngħix il-ħajja nisranija, is-saċerdozju tiegħi, il-ministeru tiegħi, u nipprova ngħin lilkom tagħmlu l-istess; imma nifhem ukoll li intom tixtiequ tkunu tafu x’hemm għal qalb l-isqof tagħkom. U l-isqof tagħkom jixtieq ikellimkom dalgħodu dwar xi ħaġa li naf żgur li hi għal qalbkom. Il-familja.

Qegħdin ngħixu f’mument storiku. Mument storiku għaliex qed nużuw ċerti termini b’mod ambivalenti, ambigwu, u fejn hemm l-ambigwità m’hemmx direzzjoni ċara. Per eżempju, nitkellmu dwar il-bniedem; imma dwar liema bniedem qegħdin nitkellmu? Aħna l-Insara għandna t-twemmin dwar il-bniedem: il-bniedem maħluq minn Alla, u li ma jsibx ir-realizzazzjoni tiegħu, it-twettieq tiegħu sakemm ma jinfetaħx għal Alla u jimtela b’Alla. Mentri hawn min jitkellem mill-bniedem mhux f’dan l-aspett traxxendentali, imma l-bniedem illi malli jagħlaq għajnejh għal din id-dinja, jintemm u jsir biss storja.

Nitkellmu ħafna dwar il-libertà; imma anke dan nibża’ li huwa kunċett abbużat, għaliex filwaqt li lkoll għandna nkunu ħielsa, u Kristu stess qalilna illi ried jagħtina l-ħelsien imma l-ħelsien veru, huwa fatt ukoll illi fi żminijietna hawn min jitkellem dwar il-libertà b’sens żbaljat. Għax b’libertà jifhem illi jien nagħmel dak li rrid; jiena ħieles illi ngħid dak li rrid, ngħix kif irrid u nagħmel dak li rrid. Dik mhix libertà: dak libertinaġġ.

Kunċett ieħor ekwivoku huwa l-imħabba. Kulħadd tkellem mill-imħabba; imma x’nifhmu bl-imħabba? Kemm f’isem l-imħabba saru inġustizzji! Kemm f’isem l-imħabba persuni ġew issagrifikati! Mentri aħna nemmnu f’dik l-imħabba li għallimna u tana xhieda tagħha l-Mulej Ġesù: M’hemmx imħabba ikbar minn dik illi wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.

Il-familja. Ma nistgħux ngħidu li aħna ma ngħożżux il-familja, imma liema familja ngħożżu? X’inhu l-kunċett ta’ familja li aħna qegħdin ninnamraw minnu, li aħna qegħdin insawwru, inħaddnu, biex fl-aħħar mill-aħħar nibnu l-familji tagħna? Anke dan huwa kunċett li qed jiġi manipulat. B’familja aħna nifhmu dik l-għaqda mibnija fuq l-imħabba bejn raġel u mara, għaqda għal dejjem, li hija miftuħa għall-ħajja.

Konvenju Internazzjonali dwar il-familja

Għalhekk nixtieq nitkellem dwar il-familja f’din iċ-ċirkustanza ta’ dalgħodu. Imma hemm raġunijiet oħra. Jiena nixtieq li anke d-djoċesi tagħna tkun f’sintonija mal-Knisja Universali. Proprju jumejn oħra, fl-ewwel ta’ Lulju, ġewwa Valencia, fi Spanja, ħa jiftaħ Kungress Internazzjonali dwar il-familja organizzat mill-Knisja. Jien xtaqt kieku illi xi ħadd minn fostna jipparteċipa f’dal-kungress, biex anke aħna nkunu parteċipi f’din il-mixja li qed tagħmel il-Knisja.

Il-fatt illi l-Knisja tlaqqa’ konvenju internazzjonali li għalih ser jattendi wkoll il-Qdusija Tiegħu l-Papa u jitrattaw il-familja huwa xhieda ta’ kemm il-komunità nisranija trid tieqaf tirrifletti f’dan il-mument storiku. Mument storiku għaliex, filwaqt illi rridu nirrikonoxxu illi għandna familji għaddejjin minn problemi, għandna familji illi l-istabilità tagħhom qed tiġi mheżża – u ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem din ir-realtà, forsi wkoll familji li tafuhom intom, huwa moment storiku għall-familja nisranija, illi b’kuraġġ tħabbar il-Vanġelu tal-Familja lid-dinja lajka ta’ żmienna. Li l-familja mqaddsa minn Kristu jkollha l-kuraġġ illi tikkomunika l-Bxara t-Tajba dwar il-familja. U jiena rrid nittama illi minn dan il-kungress internazzjonali dwar il-familja aħna nistgħu nżidu ma’ l-għarfien li għandna biex insaħħu l-familji tagħna.

Il-valur uniku tal-familja

Il-familja hija fundamentali mhux biss għall-Knisja imma anke għas-soċjetà tagħna, għall-istat. U allura r-riflessjoni dwar il-familja hija doveruża għalina bħala nsara, imma għaċ-ċittadini kollha jekk tassew inħobbu lil pajjiżna. Għax jekk għandna familja b’saħħitha għandna Knisja b’saħħitha, għandna pajjiż b’saħħtu, imma jekk għandna familja marida allura għandna Knisja marida, għandna pajjiż marid.

Mill-familja jiddependi l-ġejjieni ta’ kull persuna. Għalhekk huwa urġenti li nieqfu individwalment, bħala komunitajiet parrokkjali, anke bħala Knisja lokali ħalli naraw quddiem Alla x’responsabiltajiet għandna biex nirrimedjaw għall-familji tagħna.

Hemm raġuni oħra għaliex jien għażilt din it-tema. Proprju meta naqra s-siltiet li għadhom kif tħabbrulna, jiena nara referenza diretta u indiretta għall-familja. Smajna l-Vanġelu fejn Kristu jfaħħar lill-Pietru: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux id-demm u l-laħam uriek dan, imma l-Missier”. Kristu qed ifaħħar l-isqarrija ta’ fidi li għamel Pietru, stqarrija tant importanti illi mbagħad Kristu jgħabbih bil-ministeru petrin, bil-ministeru ta’ ragħaj tal-Knisja. Imma nixtieqkom tinnotaw “Xmun bin Ġona”, bin Ġona: tgħid b’mod kapriċċjuż Kristu qallu lil Pietru “Int bin Ġona”? Forsi biex jiddistingwih minn Pietru ieħor? Forsi għax dik kienet il-kultura ta’ żmienhom, illi jagħżlu lil xulxin bl-isem tal-missier, jew jista’ jkun ukoll illi impliċitament Kristu kien jirrikonoxxi illi Pietru kien kapaċi jasal biex jagħmel din l-affermazzjoni ta’ fidi għax huwa bin Ġona? Għaliex Ġona, il-missier, flimkien ma’ martu għarfu jagħtu dik it-trobbija, għarfu jrawmu lil Pietru b’tali mod illi x’ħin wasal il-mument tal-grazzja Pietru jinfetaħ u jħalli lill-Ispirtu s-Santu jilluminah u joħroġ b’affermazzjoni bħal dik?

Li kien kull wieħed u waħda minna jista’ jisma’ lil Kristu u jgħidlu: “ Hieni int bin Ġużepp, hieni int bin Marija, hieni int bin Kalanġ, għaliex it-trobbija li int irċivejt fil-familja tiegħek kienet trobbija ta’ seminarju.” Mhux għax irrid ngħid li l-familja hi seminarju kif tifhmuh intom, imma s-seminarju huwa dak il-post fejn il-bniedem jitrawwam ħalli jagħraf x’hini s-sejħa ta’ Alla. U allura anke l-familja hija seminarju żgħir fejn, jekk il-ġenituri jagħrfu jwettqu r-responsabiltà tagħhom, il-missjoni tagħhom, iva, kapaċi joħolqu kapolavur bħal ma kien Pietru.

Il-familja “knisja domestika”

Imma hemm iktar fil-qari tal-lum. Fl-ewwel silta qrajna kif Pietru ġie arrestat. Rajna kif l-anġlu tal-Mulej jeħles lil Pietru mill-ktajjen u joħorġu mill-ħabs. Fejn imur Pietru? … Naturalment din ma qrajnijiex dalgħodu, imma għalhekk importanti l-formazzjoni biblika tagħna, għalhekk importanti li qabel ma niġu għal-liturġija, nieħdu f’idejna l-Ktieb Sagru u nipreparaw ruħna, ħalli nifhmu iktar il-kuntest tal-Kelma t’Alla. Kieku nkomplu naqraw il-versetti li hemm fl-Atti ta’ l-Appostli naqraw illi appena Pietru bil-lejl joħroġ mill-ħabs, jagħmel triqtu u jmur għand familja. Għand familja fejn kien hemm laqgħa ta’ familji, biex jiċċelebraw l-Ewkaristija. Din hija l-ewwel referenza li għandna fl-Atti ta’ l-Appostli għall-familja “knisja domestika”, knisja ta’ talb. Terminu li mbagħad ġie żviluppat mis-Santi Padri, u kompla jgħallimna dwaru l-Konċilju w il-Papa Ġwanni Pawlu II. Iva, Pietru joħroġ mill-ħabs, jikseb il-libertà u jmur ifittex il-kenn għand il-familja li hija miġbura ma’ familji oħrajn, u dawn il-familji huma miġburin mhux biex jagħmlu barbeque, mhux imdawwrin mal-pool, mhux biex jilagħbu l-karti – m’hemm xejn ħażin minn dan!, imma huma miġburin ukoll biex jitolbu flimkien, biex jiċċelebraw il-preżenza t’Alla fosthom, ħbieb tiegħi.

Taħsbu illi din hija xi ħaġa ’l bogħod minna, li aħna ma nistgħux inwettquha? Jew hija l-idejal ta’ kull komunità parrokkjali, illi filwaqt illi tiltaqa’ fit-tempju ħalli tfaħħar lil Alla fuq l-eżempju ta’ l-ewwel komunitajiet insara, aħna nirrendu mill-familja tagħna knisja ċkejkna, fejn it-talb ikollu l-post li jixraqlu?

Il-familja tittrażmetti l-fidi fl-ulied

Imma anke t-tieni qari, li jirrakkontalna l-esperjenza ta’ Pawlu din id-darba, fih messaġġ. Pawlu lil min jindirizzaha? Din l-ittra jindirizzaha lil Timotju. U min hu dan Timotju? Ġa nsibu ħjiel tiegħu fl-Atti ta’ l-Appostli li huwa ġej minn familja tajba. Imma l-iktar referenza nsibuha fit-tieni ittra ta’ Pawlu lill-istess Timotju (1,5), meta jgħidlu: “ftakar, Timotju, fil-fidi li inti writt mingħand nanntek Lojd, mingħand ommok Ewniki. Għożż din il-fidi li rċivejt minn għand il-familja tiegħek.” Kemm hu diskors li jinżel għasel fuq il-widnejn ta’ kull familja!

Interessanti, ħbieb tiegħi, li filwaqt li l-Vanġelu, meta nsibu referenza għall-familja, għall-missier, għall-omm, għall-aħwa, jitkellem pjuttost b’mod negattiv – “jekk missierek ikun ta’ xkiel għalik, itilqu”; ma tistax tħobb lill-missierek jew lill-ommok altar milli tħobb lil Kristu, – hawnhekk għandna espressjoni pożittiva. Pawlu jfaħħar lil Timotju u jfakkru f’dak il-patrimonju ta’ fidi li huwa rċieva mingħand il-familja. U hawnhekk il-familja ssir dak il-kanal li minnu tgħaddi l-informazzjoni nisranija. U dan jerġa’ jfakkarni f’dak il-kungress dwar il-familja li sejjer isir ġewwa Valencia, li għandu bħala suġġett, tema, it-trasmissjoni tal-fidi minn ħdan il-familja, it-trasmissjoni tal-fidi nisranija li tgħaddi mill-ġenituri għal għand l-ulied. Kemm huma temi attwalissimi, temi illi Pietru u Pawlu, jekk aħna tassew inħobbuhom jispirawna biex aħna nilħqu dawn l-idejali.

Rispett lejn il-liġi naturali dwar iż-żwieġ u l-familja

Pietru u Pawlu huma għalliema tal-familja. Liema familja riedu jindirizzaw fi żmienhom? Ma kinitx sitwazzjoni aħjar minn tagħna. Kienet soċjetà, kienet kultura fejn kien hemm taħlit ta’ idejat, ta’ stili ta’ ħajja ta’ żwieġ u tal-familja. Fi ħdan il-poplu Lhudi kien hemm immigranti li ġejjin minn pajjiżi ’l bogħod, anke mill-Greċja, u naturalment dawn ġabu magħhom idejat, kunċetti dwar iż-żwieġ u l-familja.

Anke fi żmienna, ħbieb tiegħi, fi żmienna għandna dan il-fenomenu. Għandna barranin illi jiġu fostna u jġibu magħhom, flimkien mal-ġid, affarijiet oħra. Iġibu idejat ġodda dwar iż-żwieġ u l-familja. U aħna bħall-insara ta’ żmien Pietru u Pawlu, m’aħniex aħjar, u faċli niddakkru minn dak li huwa ġdid, minn dak illi jxaqleb u jsaħħaħ il-kunċett ta’ libertà li aħna għandna. Imma almenu, jgħid San Pawl fl-ittra tiegħu lir-Rumani, almenu kienu nies li jirrispettaw dak li hemm miktub f’qalb kull bniedem: il-liġi naturali.

Għax sfortunatament, anke d-diskors illi jsir llum, fostna u barra minn xtutna, imma barra minn xtutna mhux ’il bogħod minna, u li lilna jaffetwana wkoll, mhux dejjem huwa diskors, jien ma ngħidx li jirrifletti l-Vanġelu, imma inqas il-liġi naturali, jiġifieri dik il-liġi li Alla ta lil kull bniedem hu x’inhu t-twemmin tiegħu. Raġel ma’ mara, rabta dejjiema. Dawn huma veritajiet li joħorġu mid-dritt naturali, li mbagħad Kristu jqaddishom u jagħmilhom parti mill-ideja, mill-kunċett taż-żwieġ kristjan.

Diżordni minħabba fl-“ebusija tal-qalb”

Imma Pietru u Pawlu kienu wkoll jindirizzaw poplu Lhudi, poplu illi kien reliġjuż, poplu li ma kienx aljen għall-vuċi t’Alla. Poplu li kien jagħmilha ma’ Alla, u kellu l-profeti li matul is-snin ippruvaw jiggwidawh anke f’dak li għandu x’jaqsam iż-żwieġ u l-familja. Imma l-poplu Lhudi, jew almenu x’uħud minnhom, ħallew illi t-twemmin tagħhom jitħallat ma’ l-ilma, jekk mhux ukoll mal-ħall. U tilfu dak il-patrimonju li kien ġej mir-rivelazzjoni.

“Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom Mosè ppermetta li raġel jista’ jitlaq il-mara. Imma fil-bidu Alla ried illi r-raġel u l-mara jibqgħu għal dejjem flimkien, barra meta hemm rabta ħażina.” Ħbieb tiegħi, anke din hija sitwazzjoni tixbaħ lil tagħna. U bħal Pietru u Pawlu, l-appostli ta’ żmienna għandhom din l-isfida, għax għandna poplu li fil-qoxra hu reliġjuż – u allaħares tmisslu xi espressjoni reliġjuża tiegħu – imma mbagħad għandi d-dubji tiegħi kemm jgħix il-fidi tiegħu, kemm ir-reliġjożità hija espressjoni ta’ dak li jemmen. Għandna poplu illi wkoll innamra ma’ idejoloġiji oħrajn, ma’ sistemi oħrajn, anke ma’ dak li għandu x’jaqsam maż-żwieġ u l-familja, u allura qed naċċettaw tagħlim ġdid, anke jekk inhu tagħlim żbaljat dwar din ir-realtà hekk qaddisa, hekk umana.

U allura, ħbieb tiegħi, jiena ndur fuq Pietru u Pawlu u ngħidilhom dalgħodu: intom li intom l-appostli, duru fuqna u komplu għallmuna bit-tagħlim tagħkom dwar x’inhi l-familja, x’inhu iż-żwieġ, għax bħan-nies ta’ żmienkom aħna ddakkarna b’tagħlim żbaljat.

L-għedewwa tal-familja: iż-żìna u l-adulterju

U nieħu ’l Pawlu, per eżempju. Pawlu, fl-ittra tiegħu lill-Korintin, jitkellem b’mod ċar dwar il-pjaga taż-żwieġ u tal-familja, tal-bieraħ, tal-lum u ta’ għada. Pawlu jitkellem dwar iż-żìna, porneia, u ma joqgħodx jogħmod kliemu u jgħidilhom lin-nies ta’ Korintu: “dak li intom messkom tistħu minnu, intom tiftaħru bih”.

U x’qed jifhem bih Pawlu ż- żìna? Tema li jitkellem minnha anke Pietru fl-ewwel ittra tiegħu, u Pawlu jerġa’ jtenniha f’ittri oħrajn. X’jifhmu bil-kelma żìna?

Pawlu jirreferi għal każ partikulari: meta wieħed imur mal-mara ta’ missieru. U dan mhux xi każ iżolat, imma mbagħad hemm każi oħrajn, li jidħlu f’din il-kategorija. L-adulterju, li Pawlu jitkellem b’mod qawwi kontrih fl-ittra tiegħu lir-Rumani. Naħseb illi nafu x’inhu l-adulterju għax hawn familji illi tkissru jew ġew imkissra minħabba dan l-abbuż.

X’nifhmu b’żìna? Imġieba, diżordni sesswali. U illum donnu nitkellmu fuq kollox barra fuq ħaġa tant intima, sabiħa u qaddisa: is-sesswalità fiż-żwieġ u l-familja. Imma anke dwar din il-ħaġa hemm il-bxara t-tajba. Fil-Vanġelu hemm sentenza sabiħa dwar il-ħajja intima, jew aħjar sentenza li ttina dawl dwar il-ħajja intima. U tafu fejn hi qegħda? F’mument l-aktar solenni, meta Kristu jgħid: “dan huwa ġismi li jingħata għalikom”. U din għandha tkun is-sesswalità umana, dinjituża. Espressjoni ta’ din l-għotja tal-miżżewġin lejn xulxin. Għotja tant sħiħa, tant qawwija illi hija għotja esklussiva, jiġifieri li ma tingħata lil ħadd ieħor.

Pawlu x’jifhem iktar b’żina? Jifhem dawk ir-relazzjonijiet bejn persuni, relazzjonijiet stabbli imma immorali, jiġifieri qed jifhem relazzjonijiet bejn tnejn m’humiex miżżewġin, relazzjoni bejn raġel u raġel, relazzjoni bejn mara u mara. U dawn qed ngħidhom għax huma kunċetti illi hawn min qed irewħilhom. U dawn, nerġa’ ngħid, mhux biss imorru kontra t-tagħlim ta’ Kristu u t-tagħlim tal-Knisja, imma jmorru kontra d-dinjità tal-persuna umana. Hawn min qed irewħilhom kemm f’pajjiżna u anke lil hinn minn pajjiżna. U jien nibża’ li min qed irewwaħ barra għad iwassal dan ir-riħ anke fostna. U qed ngħidu biex inkunu ppreparati.

Il-kodiċi tal-familja

Ħbieb tiegħi, din hi l-imħabba lejn Pietru u lejn Pawlu; hekk trid tissarraf id-devozzjoni tagħna, inkella kollox duħħan.

Imma Pawlu u Pietru jkomplu jagħtuna maġisteru iktar sħiħ dwar iż-żwieġ u l-familja. Fl-ittra tiegħu lill-Kolossin, li imbagħad jerġa’ jtennih fl-ittra lill-Efesin, ħaġa li jtenniha Pietru fl-ewwel ittra tiegħu, Pawlu jagħtina dak li nistgħu nsejħulu l-“kodiċi familjari”. Fi żmien Pietru u Pawlu, kien hemm kodiċijiet oħra li jirregolaw il-ħajja tal-miżżewġin u tal-familja. Aristotile, Seneka… dawn kellhom, ipproponew dan it-tip ta’ gwida; imma Kristu u l-komunità li temmen fi Kristu, u kkontemplat lil Kristu u għamlitha ma’ Kristu, skopriet kodiċi ġdid. U dan jgħiduhulna Pietru u Pawlu.

X’jgħid Pawlu fl-ittra tiegħu lill-Kolossin? Jappella lill-miżżewġin, u lill-mara jgħidilha: “obdi lil żewġek”. Però mhux daqshekk biss, għax nista’ niġi interpretat ħażin: “obdi lil żewġek f’dak li jogħġob lill-Mulej”. U meta qed jgħid “obdi” lill-mara, Pawlu mhux qiegħed jissuġġetta l-mara għar-raġel, imma qed jipproponi lil waħda mill-partijiet ħalli tgħix dak l-atteġġjament li kien jgħix Kristu. Għaliex il-kelma fil-Grieg “obdi” hija dik l-istess kelma li l-vanġeli jużaw għal Kristu li kien ubbidjenti għar-rieda tal-Missier. X’ubbidjenza hemm ikbar minn din illi wieħed joqgħod għar-rieda tal-Missier? U dan huwa impliċitu f’dak li jgħid Pawlu lill-mara fl-ittra tiegħu lill-Kolissin, għaliex ikompli jgħidilha: “obdi lil żewġek f’dak li jogħġob lill-Mulej”. Fi kliem ieħor ma jfissirx obdi dejjem u f’kollox, għax jekk żewġek ma’ jkunx uman, jekk żewġek f’dak li jitlob minnek mhux iwettaq dak li jrid Alla minnu, allura m’għandekx toqgħod għalih.

U anke lir-raġel jgħidlu: “ħobb lil martek”. U hawnhekk Pawlu, meta juża’ l-kelma mħabba, juża l-kelma agapao, li tfisser dik l-imħabba li twassal biex wieħed jingħata, biex wieħed jixxejjen għal ħaddieħor. Dik hi t-tip ta’ mħabba illi Pawlu, illi Pietru jeżortaw lill-miżżewġin ħalli jgħixu.

Imbagħad f’dan il-kodiċi familjari hemm ukoll dak illi jirrigwarda ’l-ulied. Għaliex fil-ħajja tal-familja hemm ukoll l-ulied. U Pawlu jgħidilhom: “irrispettaw lill-ġenituri tagħkom”; u lill-missirijiet jgħidilhom: “tissikawhomx lil uliedkom”. U anke f’din il-ħaġa, ħbieb tiegħi, hemm bżonn nagħmlu riflessjoni serja. X’tip ta’ relazzjoni hemm bejn il-ġenituri u bejn l-ulied? Kemm aħna ppreokkupati dwar uliedna? Dwar is-saħħa tagħhom? Dwar il-well-being tagħhom? U l-being nifhem ukoll il-well-being spiritwali, morali.

Jiena napprezza illi kien hemm ġenituri li dan l-aħħar esprimew miegħi l-weġgħa ta’ qalbhom li hemm bżonn illi ssir xi ħaġa biex ’l uliedna nħarsuhom minn ċertu xkiel, minn min qiegħed jissfruttahom fid-divertiment ta’ bil-lejl. Jiena napprezza u nappoġġja lil dawk il-ġenituri illi lesti jieħdu kull stand ħalli proprju tinħoloq kuxjenza, opinjoni pubblika biex ikollna ambjent li joffri divertiment, imma divertiment li ma jagħmilx ħsara lil uliedna.

Napprezza lil min jagħmel kampanja kontra l-alkoliżmu, per eżempju; l-alkoħol huwa pjaga ġdida ta’ żmienna u qed joħloq vittmi ġodda, fosthom anke f’uliedna.

Bħalma Kristu ħabb lill-Knisja

Dan huwa t-tagħlim ta’ Pietru u Pawlu ħbieb tiegħi. Imma mbagħad hemm aspett ieħor. Fl-ittra tiegħu lill-Efesin, Pawlu jitkellem dwar il-ħajja taż-żwieġ fil-kuntest ta’ l-imħabba bejn Kristu u l-Knisja. Huwa innu li Pawlu jinseġ lill-miżżewġin, u jgħidilhom: “Ħobbu lil xulxin kif Kristu ħabb lill-Knisja tiegħu. Dan hu misteru kbir.”

Kif Kristu ħabb il-Knisja tiegħu? Billi ingħata għaliha. Billi xxejjen għaliha. Billi ċarċar demmu għaliha. U hawnhekk irrid infisser l-apprezzament tiegħi lilkom, għeżież miżżewġin, għaliex mhux kollox huwa iswed dwar il-familja: għandna familji tajbin, għandna familji li jissagrifikaw lilhom infushom, għandna familji li jħobbu u jħobbu bi prezz għoli, u dawn huma persuni li d-dinja, il-Knisja għandha bżonnhom. Il-Knisja għandha bżonnhom għaliex l-imħabba ta’ bejniethom tirrifletti u tgħinna nifhmu iktar din l-imħabba li hemm bejn Kristu u l-Knisja. Tema illi nixtieq napprofondiha aktar, imma l-ħin huwa limitat.

Pietru fil-familja ta’ Tabita u taċ-ċenturjun Kornelju

Intemm din il-meditazzjoni tiegħi billi npoġġi quddiem għajnejkom żewġ ikoni, żewġ kwadri tal-preżenza ta’ Pietru u Pawlu fil-familja.

Pietru isib ruħu ġewwa familja, il-familja ta’ waħda armla, Tabita: naqrawh fl-Atti ta’ l-Appostli. Din il-bniedma, li jgħid li hi armla – u allura nikkonkludu li kienet ukoll membru ta’ familja – tmut, imma jsejħu l-preżenza ta’ l-appostlu, u Pietru jitlob fuqha u jgħidilha: “Tabita qum”.

U lil Pietru ngħidlu: “Pietru, idħol f’kull familja, mhux biss f’din il-parroċċa tan-Nadur imma idħol fil-familji tad-Djoċesi tagħna kollha. Tenni bil-qawwa dik il-frażi li għidt lil Tabita: Qum mir-raqda tiegħek, qum mill-apatija tiegħek, qum mit-telqa li għandek, mill-iskoraġġiment li għandek u imxi bil-qawwa ta’ Kristu. Għaliex? Għaliex aħna nemmnu illi l-familja mhux biss hija oġġett tal-pastorali, imma tista’ tkun u għandha tkun is-suġġett, dik li twettaq il-ħidma, il-pastorali.

U hawnhekk nieħu ikona oħra mill-ħajja ta’ Pietru. Pietru darba kien f’Ċesarea, u kien hemm f’Ġaffa ċenturjun li ma kienx nisrani. U dan iċ-ċenturjun, però, l-Atti ta’ l-Appostli jgħid kien jitlob mal-familja, kien jagħmel karità. U meta jingħad li kien jitlob u jagħmel il-karità rridu nżommu quddiem għajnejna li dawk iż-żminijiet, jiġifieri wara d-Dijaspora, il-Lhud fejn ma kellhomx tempju allura għamlu tempju preżenti f’darhom, u l-karità u t-talb fil-famija kienu jissostitwixxu l-kult fit-tempju. U għalhekk nistgħu ngħidu li fid-dar ta’ dan iċ-ċenturjun kien hemm esperjenza spiritwali. Ma ngħidx esperjenza kristjana. Imma jiġri li l-anġlu tal-Mulej jagħmel rivelazzjoni lil dan iċ-ċenturjun u jgħidlu: “mur sejjaħ lil Pietru ħalli jiġi għandek”. Issa żommu quddiem għajnejkom, ħbieb tiegħi, illi Pietru ma kienx ħafif li jidħol f’dar ta’ wieħed pagan.

Għal Lhud dan kien ifisser sagrileġġ kbir, u Pietru dam biex iniżżilha din, imma kien f’din l-okkażjoni illi anke Pietru jkollu rivelazzjoni oħra, jaċċetta l-istedina u jmur għand dan iċ-ċenturjun. U l-awturi jgħidu li mhux iċ-ċenturjun ikkonverta, imma Pietru kkonverta, għax laqgħa għandu lil wieħed li kien pagan. U f’din l-esperjenza sseħħ il-Pentekoste, għaliex jinżel l-Ispirtu Santu fuq iċ-ċenturjun u l-familja tiegħu, u jibdew jitkellmu bl-ilsna, bħalma tkellmu l-appostli nhar Pentekoste, u Pietru jistedinhom ħalli jirċievu l-magħmudija u jgħixu ta’ nsara. Kemm nixtieq illi kull familja tagħna tkun bħall-familja ta’ dan iċ-ċenturjun.

Mhux biss familja li tagħmel il-kult id-dar, imma tkun familja esposta jew disposta għat-teofonija, biex Alla jkellimha u jidher quddiemha. Għax jien nemmen li anke intom bħala familji tistgħu tgħinu lilna biex nagħrfu aktar napprezzaw, ngħinukom aktar biex tgħixu l-vokazzjoni tagħkom, kif iċ-ċenturjun għin lil Pietru jkompli jagħraf ir-rivelazzjoni. Kemm nixtieq illi kull familja, bħalma ġara fi żmien Pietru, tagħmel esperjenza ta’ Pentekoste. Jinżel l-Ispirtu Santu, itikom id-don tal-lingwi u tkunu tistgħu toħorġu fit-toroq ta’ pajjiżna w ixxandru l-bxara t-tajba. Kemm nixtieq illi l-familji tagħna jġeddu l-impenji tal-magħmudija, u jgħixu bħala ħolqien ġdid fid-dinja tal-lum.

Pawlu u l-familja ta’ Akwila u Prixxilla

Imma mbagħad hemm l-ikona l-oħra meħuda mill-ħajja jew mill-esperjenza ta’ Pawlu. Naqraw li meta Pawlu wasal f’Korintu jsib il-kenn għand min? Għand Akwila u Prixxilla, għand familja oħra, li toffri kenn lill-appostlu.

Min kienu Akwila u Prixxilla? Anki hawnhekk l-Atti jgħidilna li kienet koppja li titlob. Tant li kienet tmur ma’ Pawlu fis-sinagoga. U forsi din hija dimensjoni li rridu nsaħħuha – biex ma ngħidx niskopruha – li aħna nsibu t-triq tagħna fis-sinagoga, fil-Knisja għaliex hemm wisq x’jaħkimna w itellifna milli ninġabru flimkien ma’ l-appostli ħalli nfaħħru lil Alla fit-tempju tiegħu.

Imma min kienu Akwila u Prixxilla? Kienu t-tnejn jaħdmu t-tined. M’hemm xejn li r-raġel u l-mara jkollhom impieg, basta dan ma jtellifx aspetti essenzjali oħra tal-ħajja tal-familja. U anke Pawlu kien jgħinhom biex jaħdem it-tined u jaqla’ l-għixien tiegħu.

Min kienu Akwila u Prixxilla? Kienu dawk illi bl-esperjenza li għamlu ma’ Pawlu, bl-esperjenza li għamlu fis-sinagoga jisimgħu l-Kelma t’Alla, saru kapaċi jilqgħu lil Apollo, li kien dixxiplu ta’ Ġwanni, u għinuh jifhem, jgħidu l-Atti ta’ l-Appostli, it-triq ta’ Alla b’iktar reqqa. Li kien il-familji tagħna, għeżież miżżewġin, intom is-suġġett, intom atturi fil-pastorali tal-Knisja, tagħmlu din l-esperjenza u tiskopru din il-missjoni kateketika tagħkom, li mhux biss tgħadduha lil uliedkom imma anke lill-familji oħrajn!

B’dan il-mod, il-familja ssir iċ-ċentru ta’ trasmissjoni tal-fidi, tema li ħa tiġi studjata fil-Kungress ta’ Valenzja. U nixtieq illi bħal Akwila u Prixxilla aħna nimtlew bi spirtu missjunarju… tant li dawn baqgħu jakkumpanjaw lil Pawlu fil-ħidma u l-vjaġġi missjunarji tiegħu. Tkun barka kbira fil-parroċċa tagħkom, għażiż arċipriet, ħuti fis-saċerdozju, kieku jkollkom tapplikaw l-enerġija tagħkom, id-dehen tagħkom, il-qdusija tagħkom biex toħolqu mill-familji li għandna, familji bħal ta’ Akwila u Prixxilla. Familji li d-dar tagħhom issir ċentru kateketiku, familji illi tant jinnamraw mal-Kelma t’Alla illi jimtlew bil-forza w isiru familji missjunarji.

Stedina lill-familji nsara

Dan li jagħmilna kbar; dawn huma l-unuri li aħna nistgħu nagħtu lil Pietru u lil Pawlu. Għeżież ħuti, Pietru u Pawlu ssejjħulhom u hekk huma: kolonni tal-Knisja; imma ma jistgħux jibqgħu kolonni waħedhom, għax il-binja hija kbira u biex iżżomm hemm bżonn ta’ kolonni oħrajn. U jien dalgħodu f’din il-meditazzjoni li qed nagħmlilkom, imdawwal mix-xempju ta’ Pietru u Pawlu, nappellalkom ħalli tgħożżu l-familja, taħdmu favur il-familja, intom min intom, f’kull qasam tagħkom, mill-kbir saż-żgħir.

F’kull kamp nappellalkom ħalli tagħmlu mill-familji tagħkom Knisja domestika fejn it-talb ikun parti mill-formazzjoni li ngħaddu biha l-fidi lil uliedna; tkunu familja kateketika, tkunu familja missjunarja. B’dan il-mod il-familji tagħkom ikunu żieda oħra mal-kolonnat li għandha l-Knisja, anke jekk dan jiswielna l-prezz tal-martirju, kif ġarrbu Pietru u Pawlu.

Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.