Innisslu esperjenza ġdida ta’ Alla fil-kultura tal-lum (Parroċċa San Ġorġ, 5 ta’ Frar 2006)

INNISSLU ESPERJENZA ĠDIDA TA’ ALLA FIL-KULTURA TAL-LUM

Żjara Fraterna fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ, Rabat – 5 ta’ Frar 2006

Xewqa għal esperjenza ta’ Alla

Nixtieq nagħmel din il-meditazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi li għixt, li għixna, f’dawn il-jiem, f’dawn il-ġimgħat. Jien nistaqsi: sinċerament, kif nispjega l-interess li ntwera f’din iċ-ċelebrazzjoni li għamlet il-Knisja f’Għawdex fl-okkażjoni tal-bidu tal-ministeru tiegħi bħala ragħaj spiritwali? Kif tispjegawh l-interess li ntwera mhux biss fil-kwartieri tagħna imma anke lil hinn minn xtutna? Anke f’dawn il-jiem li jiena għixt fi ħdan din il-komunità kelli l-possibiltà illi nħoss b’idejja dan l-interess, biex ma ngħidx ferħ. Kif tispjegawh?

Niggarantilkom li din mhix xi ħaġa tiegħi personali. Jiena għandi forma ta’ risposta. Jiena ninterpretaha bħala espressjoni tal-poplu tagħna li jrid jagħmel esperjenza ta’ Alla. U nżid ngħid, forsi esperjenza ġdida ta’ Alla fid-dinja tal-lum, fil-Knisja tal-lum. Jien għad irrid nirrifletti fuqha, imma jekk inhu hekk, allura għandi piż, għandna piż. Għalhiex jekk din hi l-aspettattiva tal-bniedem tal-lum, aħna ma nistgħux noqogħdu b’kuxjenza siekta u ma nagħmlux xi ħaġa biex niġġeneraw din l-esperjenza ġdida fil-kultura tagħna: l-esperjenza ġdida ta’ Alla. U l-bxara t-tajba li għada kif tħabbritilna, iddawwalni dwar dan l-aspett.

Id-dixxipli ta’ Għemmaws

Hija ġrajja, hija ikona illi fiha ħafna lwien, u kollha lwien sbieħ. Imma dalgħodu nixtieq nirrifletti dwar aspett partikulari. Osservajtu illi dawn iż-żewġ dixxipli għamluha ma’ Ġesù, kienu nies twajba, telqu mhux mis-suq imma telqu miċ-ċenaklu, telqu mill-knisja. Frattant kien hemm xi ħaġa li ma ssodisfathomx, u telqu lejn Għemmaws. Qalbhom imnikkta. Imma mbagħad isseħħ xi ħaġa fil-ħajja tagħhom, illi Luqa jgħid “infetħulhom għajnejhom” u għarfu lil Kristu b’għajnejn ġodda, u għamlu esperjenza ġdida ta’ Kristu, ta’ Alla.

“In fractione panis”

Iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar ninduna kemm hija frażi provvidenzjali. Fil-qsim tal-ħobż għarfu, għamlu din l-esperjenza ġdida ta’ Alla. Però ma niġrux bl-idea illi l-qsim tal-ħobż ninterpretawh biss bħala l-qsim ta’ l-Ewkaristija. Jew li l-Ewkaristija hija ċċelebrata fuq l-altar biss, fil-knisja biss. Dawn la kienu fit-tempju, la kienu fiċ-ċenaklu, la kienu f’Ġerusalemm… imma telqu lejn Għemmaws. Ma jtiniex dettalji Luqa. Jgħidilna imma li stiednu lil Ġesù biex jidħol magħhom. Fejn daħlu? Hemm min jgħid li daħlu f’lukanda, hemm min jgħid li daħlu fid-dar, u din ta’ l-aħħar hi interpretazzjoni li togħġobni iktar. Allura l-esperjenza ġdida ta’ Alla, interessanti, ma saritx fil-knisja, ma saritx fit-tempju, imma saret fid-dar. Mingħajr ma nnaqqsu l-importanza li t-tempju hu l-post fejn niltaqgħu ma’ Alla, fejn nagħmlu esperjenza ta’ Alla! Imma dan huwa l-każ.

U kif għamlu din l-esperjenza ġdida ta’ Alla, ta’ Kristu? U hawnhekk għandna lill-Mulej Ġesù li għandu s-sorpriżi tiegħu. Il-Mulej Ġesù jmur jiltaqa’ mal-bniedem għal għonq it-triq, il-bniedem pellegrin, imur jiltaqa’ mal-bniedem fit-triq tas-suq, imur jiltaqa’ mal-bniedem fil-mumenti l-aktar ordinarji tal-ħajja tiegħu. Mhux biss, imma jidħol u joqgħod fuq il-mejda mal-bniedem. Mhux il-mejda ta’ l-Ewkaristija; ippermettuli nerġa’ ngħid: fuq il-mejda. Tista’ tkun il-mejda ta’ l-ikel tad-dar, tista’ tkun il-mejda tas-salott, tista’ tkun il-mejda, il-bank tal-ħanut, il-bank tax-xogħol. U proprju hemmhekk, il-Mulej Ġesù jgħin lil dawn iż-żewġ dixxipli ħalli jagħmlu esperjenza ġdida tiegħu, ta’ Alla: l-esperjenza ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt.

Ħtieġa ta’ pastorali ġdida

Jien tgħidli ħafna affarijiet din l-esperjenza, din il-meditazzjoni li għamilt dalgħodu. Tgħidli li forsi hemm bżonn nirrevedu ftit il-pożizzjoni pastorali tagħna, għeżież ħuti saċerdoti. Anke għalikom, għeżież lajċi impenjati. Kelli l-possibiltà niltaqa’ magħkom f’diversi mumenti f’dawn il-jiem. Forsi hemm bżonn li l-bibien ta’ din il-bażilika nħalluhom miftuħa. U meta qed ngħid il-bibien ta’ din il-bażilika qed ngħid il-bibien tal-knejjes tagħna. Hemm bżonn illi ma nikkuntentawx biss illi nagħmlu l-esperjenza ta’ Alla f’mumenti sbieħ bħal dawn ta’ dalgħodu, imma hemm bżonn illi nagħrfu nwaħħdu flimkien l-ispiritwalità, il-liturġija mal-ħajja kwotidjana, u nħossuna fid-dmir illi aħna wkoll noħorġu fit-toroq tas-suq tagħna u hemmhekk nakkumpanjaw lil ħutna l-bnedmin; u hemmhekk inħallu lil Kristu jużana biex jgħinna ħalli ħaddieħor jagħmel din l-esperjenza tiegħu mill-ġdid.

L-ispiritwalità tat-triq

Hemm bżonn, naħseb, ta’ re-thinking. Hemm bżonn illi ngħaddu minn dik l-ispiritwalità intimistika, jiġifieri spiritwalità li jiena jinteressani biss mis-salvazzjoni tiegħi, għal dik illi Bartolomeo Sorge jsejħilha l-ispiritwalità tat-triq. Jiġifieri illi aħna mhux biss ngħixu, jien mhux biss ngħix il-fidi tiegħi x’ħin inkun fil-knisja, x’ħin inkun fuq l-altar, imma jien inħossni qrib Alla daqs kemm jien hawn ukoll meta nkun fit-toroq, meta nkun fuq il-mejda ma’ ħaddieħor.

Meta nitkellmu mill-ispiritwalità tat-triq nistgħu ngħidu ħafna affarijiet, imma nħalli għalikom ħalli tiddeċifraw din il-frażi. L-ispiritwalità tat-triq għandha diversi espressjonijiet, imma hija spiritwalità illi tgħodd ħafna l-aktar għalikom, għeżież ħuti lajċi, għax intom qegħdin fid-dinja. Il-vokazzjoni tagħkom hi proprju li tikkonsagraw id-dinja mill-ġuf tagħha, mit-toroq tagħha. Ma jfissirx li bħala saċerdoti aħna ser inħallukom weħidkom, imma aħna diġà saċerdoti, għandna diġà l-aspett sagru illi forsi jpoġġina f’distanza. M’għandux ikun hekk, imma jista’ jkun hemm din l-impressjoni.

Iva, jien nemmen illi llum għandna bżonn ta’ esperjenza ġdida ta’ Alla. U din hija sfida sabiħa li għandha il-Knisja, u meta ngħid il-Knisja nifhem ilkoll kemm aħna. Għeżież membri fi ħdan din il-parroċċa, għandkom lil min timitaw biex tgħixu l-ispiritwalità tat-triq, għandkom min jista’ jseddaqkom f’din il-preżenza ta’ Alla, l-esperjenza tal-preżenza ta’ Alla. Komplu serrħu raskom fuq il-patrun tagħkom, San Ġorġ martri. San Ġorġ la kien saċerdot, la kien reliġjuż; kien tribun fil-milizja, kien jaqdi dmiru ta’ ċittadin, kien jeżerċita d-dmirijiet ċivili tiegħu fit-toroq ta’ Lidda. Għamel esperjenza intima ta’ Alla, ħalla lil Kristu jinnamrah, imbagħad sab il-forza biex joħroġ għal għonq it-triq u jgħin lin-nies ta’ żmienu jagħmlu – għal dak iż-żmien – esperjenza ġdida ta’ Alla. Anke jekk dan kien jiswielu prezz għoli, il-martirju.

Għalhekk, fit-tmiem ta’ din iż-żjara fraterna li għamilt fostkom, filwaqt li nirringrazzja lilek, għażiż ħija fis-saċerdozju Monsinjur Arċipriet, talli akkumpanjajtni fid-diversi mumenti sbieħ li kellna u li pastoralment huma sodisfazzjon, għeżież ħuti fis-saċerdozju, għeżież lajċi, dan hu l-impenn li nħallielkom: intom fittxu li tagħmlu esperjenza ġdida ta’ Alla. Ħallu dawn il-bibien miftuħa biex dik l-esperjenza li nagħmlu fit-tempju tixprunana biex noħorġu fit-toroq tagħna u nsibu postna fl-imwejjed ħalli hemmhekk indakkru lill-bniedem tal-lum b’dan il-ġojjell, b’din l-esperjenza sabiħa ta’ Kristu.

Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.