NAGĦMLU LIL ALLA PREŻENTI FID-DINJA TAL-LUM
Quddiesa għall-Ġurnalisti – Knisja tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, Rabat – 25 ta’ Jannar 2006
Radd il-ħajr lil min jaħdem fil-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali
F’din l-ewwel laqgħa tiegħi magħkom il-ġurnalisti nixtieq f’ismi u f’isem id-Djoċesi nesprimi r-radd ta’ ħajr lejn il-midja kollha għall-koperazzjoni li sibna f’dawn il-ġranet tal-bidu tal-ministeru ta’ l-episkopat tiegħi.
Intom tafu bħali li kien hemm ħafna li ġew u pparteċipaw fil-quddiesa tal-konsagrazzjoni tiegħi, imma kien hemm ħafna iktar nies illi segwew dan kollu bit-televiżjoni, bix-xandir dirett tar-radju u bl-internet. Kien hemm ħafna li segwew il-konsagrazzjoni tiegħi fuq dawn il-mezzi li ċempluli u qaluli li ħassew magħna l-ferħ li ġarrabna aħna li konna preżenti. U dan kollu huwa attribwit għall-kontribut li tatna l-midja lokali. U għalhekk, jekk intom preżenti qegħdin tirrapreżentaw xi enti partikulari, ippermettuli nitlobkom sabiex tikkomunikaw magħhom u tgħidulhom li Mons Isqof u d-Djoċesi ta’ Għawdex huma grati ħafna lejhom. Jien inrodd ħajr ukoll lill-midja li ma setgħux ikunu preżenti għal din il-quddiesa tal-ġurnalisti.
L-identità speċifika tal-ġurnalist kattoliku
Il-kelma ta’ Alla li qrajna l-lejla qaltilna li David tella’ l-arka ta’ Alla mid-dar ta’ Obed-edom għad-dar ta’ David. L-arka tpoġġiet f’post prinċipali fit-tempju ta’ Alla, u l-Lhud kellhom il-fidi li fl-arka kien hemm il-preżenza ta’ Alla. David ikkontribwixxa biex mhux biss biex tella’ l-arka tal-Patt minn post għal ieħor, imma biex għamel il-preżenza ta’ Alla iktar evidenti fil-belt ta’ Ġerusalemm li huwa bena.
Jiena naħseb li l-missjoni tagħna ta’ ġurnalisti kattoliċi m’hijiex biss li nirrapurtaw dwar il-ġrajjiet kurrenti bħalma huma l-isports, il-kultura, ix-xjenza u materji oħra, imma li f’dawn ir-realtajiet temporali aħna nagħmlu evidenti l-preżenza ta’ Alla. Alla m’huwiex preżenti biss fil-Knisja, fit-tabernaklu u fl-azzjoni tal-Knisja, jiġifieri fis-sagramenti, imma huwa preżenti b’ħafna modi oħra fid-dinja ta’ llum. Jibqa’ fatt li l-preżenza ta’ Alla m’hijiex daqshekk ovvja għax mhux kulħadd jinduna, jaqra jew jindividwa din il-preżenza tiegħu. Allura huwa dmir tagħna li bil-professjoni tagħna ngħinu biex il-preżenza ta’ Alla tiġi iktar evidenzjata.
Per eżempju, jekk qegħdin nitkellmu mid-dinja politika, jien nixtieq nara ġurnalisti Kattoliċi impenjati li mhux biss jirrapurtaw dak li ġara imma illi jaqraw l-esperjenza ta’ Alla f’kull ġrajja li sseħħ madwarhom. Fejn hemm azzjoni li ġġib l-għaqda, hemmhekk hemm Alla. Fejn hemm attività illi tippromwovi dak li huwa sabiħ, hemmhekk hemm Alla. Fejn hemm aħbar li turi xi ħaġa pożitiva fil-ħajja tal-bniedem, tal-familja u tas-soċjetà, hemmhekk hemm Alla. Meta jien nikkomunika aħbarijiet bħal dawn jien m’iniex biss qiegħed nagħmel xogħol ta’ ġurnalist, imma fuq kollox xogħol ta’ ġurnalist kattoliku, u bħalma għamel David li ttrasferixxa l-arka ta’ Alla, jien inkun qed nittrasferixxi dik l-esperjenza t’Alla għal fuq l-immaġni trasmessa.
Meta David ġarr l-arka minn post għal ieħor kien hemm esperjenza ta’ ferħ u komunjoni, tant li l-Iskrittura tgħid li kien hemm daqq ta’ trombi, u huwa qassam ftira u ċappa żbib lil dawk li kienu preżenti. Liema huwa dak il-ġurnalist li ma jixtieqx li jkun hemm dan il-ferħ u l-ispirtu ta’ altruwiżmu li ntwera meta David qassam l-ikel lill-poplu biex jagħmel festa? Jien nixtieq li fostna jkun hemm dan l-ispirtu, u nemmen li l-iskop tal-ġurnaliżmu m’huwiex li jġib il-firda, l-inkwiet u l-ġlied, imma li joħloq l-armonija fostna u madwarna.