Nru. 439/2004
NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX
Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.
Fl-ittra Appostolika “Mane Nobiscum, Domine” li bagħat il-Papa Ġwanni Pawlu II fis-7 t’Ottubru dwar is-Sena Ewkaristika, qal: “ma nitlobx li jsiru affarijiet straordinarji iżda li l-inizjattivi kollha jkollhom il-marka tal-ħajja profondament interjuri. Din is-Sena ta’ Grazzja tkun kisbet riżultat tajjeb, anke jekk l-frott tagħha jkun jikkonsisti biss li fil-komunitajiet insara kollha terġà tingħata ħajja liċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa tal-Ħadd u li toktor l-Adorazzjoni Ewkaristika barra mill-Quddiesa. Madanakollu jkun sewwa li nħarsu fil-għoli u ma nikkuntentawx b’mezzi medjokri, għaliex nafu li fuq l-għajnuna t’Alla aħna għandna nafdaw dejjem.”
Fi tmiem l-ittra tiegħu l-Papa għamel sejħat lil diversi kategoriji u lill-insara kattoliċi kitbilhom: “Intom insara, skopru mill-ġdid id-don ta’ l-Ewkaristija bħala dawl u qawwa għall-ħajja tagħkom ta’ kuljum fid-dinja, fit-twettieq tal-ħidmiet rispettivi tagħkom u f’kuntatt mas-sitwazjonijiet diversi. Fuq kollox, agħrfu mill-ġdid dan id-don biex tgħixu s-sbuħija u l-missjoni tal-familja.”
Għad-djoċesi u għall-parroċċi tagħna, aħna qegħdin nipproponu xi attivitajiet għal matul is-Sena Ewkaristika, u nixtieq li jsiru u jagħtu l-frott tagħhomġ rigward dawn l-inizjattivi nixtieq insemmi l-punti li ġejjin:
(i) L-importanza li għandha tingħata lil-laqgħa tal-komunità nisranija għaċ-ċelebrazzjoni ewkaristika tal-Ħadd.
(ii) Iktar tagħlim dwar it-tifsira profonda tal-Quddiesa u tal-Liturġija tagħha, u insistenza biex ikun hemm parteċipazzjoni attiva ta’ dawk li jkunu preżenti.
(iii) Biex it-tqarbin ikun iktar ta’ spiss, l-insara għandhom jitħeġġu għall-attendenza fil-Quddiesa tal-ġranet ta’ matul il-ġimgħa ħalli jitqarbnu wkoll fiha, jekk ikunu disposti.
(iv) L-importanza tal-festi u proċessjonijiet ewkaristiċi bħal ma huma dawk tal-Corpus Domini u tal-Ġimgħa Ewkaristiku-Liturġika.
(v) It-Tqarbina Spiritwali jew Tqarbina tax-Xewqa, meta wieħed, għal xi raġuni jew oħra, ma jistax jersaq għas-sagrament ta’ l-Ewkaristija.
(vi) L-Adorazzjoni Ewkaristika, taħt l-għamliet kollha tagħha, anki l-Adorazzjoni ta’ bil-lejl.
(vii) L-insara jiġi mħeġġin li jagħmlu żjara ta’ kuljum lil Ġesù Ewkaristija u l-meditazzjoni mill-inqas ta’ għaxar minuti, li ssir privatament, l-aħjar quddiem it-tabernaklu.
(viii) It-tfal, l-adolexxenti, ż-żgħażagħ u l-membri kollha tal-familja jiġu mħeġġin biex jgħixu iktar fil-qrib f’għaqda ma’ Kristu, bis-sehem fil-Quddiesa, bil-Qrar u t-Tqarbin, u bit-talb quddiem l-Ewkaristija.
(ix) Tisħiħ ta’ l-ispirtu missjunarju u ta’ l-impenn għall-għajnuna tal-foqra, permezz ta’ l-Ewkaristija, li hija l-għajn ta’ kull ħidma ta’ appostolat.
(x) Tiġdid permezz ta’ l-Ewkaristija, fil-fidi, fl-ispirtu ta’ sagrifiċċju, u fid-disponibbiltà għall-komunjoni u qadi ta’ l-oħrajn.
Il-Feddej tagħna Ġesù` Kristu, mill-Ewkaristija, isawwab fuqkom il-grazzji tiegħu.
Mogħtija mill-Kurja Veskovili, Victoria, Għawdex. Illum 25 t’Ottubru 2004
Mons Salv Debrincat
Kanċellier
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex