Ad Clerum Nru 364 - Ottubru 2004

Nru. 364

OTTUBRU 2004

Fil-Knisja Kattolika kull għamla ta’ predikazzjoni inkluża l-omelija jeħtieġ li tkun diretta lejn il-fidi, cioè biex idawwal, tqanqal u ssaħħaħ fis-semmiegħa l-fidi nisranija. Difatti San Pawl jgħidilna: “Imma kif jistgħu jsejjħu lil dak li jemmnux fih? Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jxandrulhom jekk ma jkunux mibgħuta? Bħalma hemm miktub: “Kemm huma sbieħ riġlejn dawk li jħabbru l-ġid” (Rum.10,14-15). Il-predikazzjoni għandha tgħin lis-semmiegħa biex ikunu kapaċi jagħtu xhieda nisranija fid-dinja.

Dwar il-predikazzjoni, fl-Evangelii Nuntiandi, n 42, naqraw li “l-fidi tiddependi mill-predikazzjoni u l-predikazzjoni mbagħad issir ħajja permezz tal-kelma ta’ Kristu. Din il-liġi li tana darba l-Appostlu Pawlu, għad fadlilha llum il-qawwa kollha tagħha.”

L-Eżortazzjoni Apostolika, tgħidilna wkoll li l-omelija hija strument validu u l-iktar adattat għall-evanġelizzazzjoni, u għalhekk tiswa biex isaħħaħ il-fidi tas-semmiegħa.

Għalhekk jixraq li naraw u nistaqsu dwar f’hiex waslet il-fidi tal-poplu tagħna. Ma humiex ftit is-sinjali li juru li l-fidi, f’ċerti individwi fil-popolazzjoni tagħna qegħda tonqos u marret lura bil-ħeden, fost dawn insemmu l-fenomenu tad-dagħa, in-nuqqas ta’ l-attendenza għall-Quddiesa tal-preċett, il-fatt li naqas it-talb fil-familja u ħafna sinjali oħra.

Jekk tonqos il-fidi reliġjuża, anki l-moralità tmur lura u tiddeġenera, u forsi għalhekk nosservaw madwarna kemm illaxkaw il-kostumi ta’ ċerti nies, u r-relattiviżmu morali li qiegħed iġib tant ħsara spiritwali. Id-domanda tiġi weħidha: x’nistgħu nagħmlu aħna? Jew aħjar x’għandna nagħmlu f’din is-sitwazzjoni?

S’intendi m’għandux jonqos it-talb li nagħmlu għalina nfusna u għall-poplu t’Alla fil-gżejjer tagħna. Ma għandhiex ninsew imbagħad, dak li għidna fuq dwar l-importanza tal-predikazzjoni u nkunu mħejjija biex inwettqu kif imiss dan il-ministeru.

Kull predikazzjoni timplika mopviment jew passaġġ minn fidi għall-fidi, il-fidi tal-predikatur lejn l-fidi tas-semmiegħa, kif ukoll il-progress u tisħiħ fil-fidi ta’ kull wieħed minn dawk li jkunu preżenti; għalhekk il-predikazzjoni trid tkun imsieħba mat-talb, għaliex bit-talb il-fidi tista ssib il-manteniment tagħha. Meħtieġa wkoll meditazzjoni tal-kelma t’Alla kif insibuha fil-Kotba Mqaddsa.

Dei Verbum, n. 25 : “Jeħtieg li l-kjeriċi kollha u l-ewwel nett is-saċerdoti u dawk kollha, bħad-djakni u l-katekisti, li jagħtu ruħhom leġittimament għax-xogħol tal-kelma, għandhom iżommu rwieħhom dejjem magħqudin ma’ l-Iskrittura permezz tal-qari qaddis ta’ spiss u ta’ studju tajjeb, li ma jsirx “predikatur fieragħ tal-kelma ta’ Alla minn barra dak li ma jismagħhiex minn ġewwa”(S. Wistin, Serm. 179,1) fil-waqt li għandu jqassam lill-insara fdati lilu l-ġid bla tarf tal-kelma ta’ Alla, l-aktar fil-Liturġija Imqaddsa.”

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex