Archive for August, 2004

Matul ix-Xahar ta’ Novembru
Mons Nikol Ġ. Cauchi

matulixxahartanovembru.jpgMatul ix-Xahar ta’ Novembru : Mons Nikol Ġ. Cauchi

Prezz: Eur €3.50
Kodiċi: 216
L-Ewwel Edizzjoni : Novembru 2006

Ix-xahar ta’ Novembru huwa ddedikat lill-erwieħ: jixraq għalhekk li f’dawn il-ġranet nippruvaw nifhmu aħjar kemm hija mportanti u ta’ siwi immens ir-ruħ ta’ kull bniedem, ruħ mahluqa minn Alla fuq ix-xbieha tiegħu nnifsu bil-għan li tasal għall-hena ta’ dejjem.

Zġur li jisfa ta’ ġid għalina, jekk f’dan ix-xahar nirriflettu iktar fuq ruħna stess, u fuq il-ħtiġijiet spiritwali tagħna, u naħsbu wkoll fl-erwieħ tal-Purgatorju, waqt li nofru s-suffraġji għalihom sabiex it-tbatijiet tagħhom jimbidlu fit-tgawdija eterna tal-ġenna

Ad Clerum Nru 362 - Awissu 2004

Nru. 362

AWISSU 2004

Laqtitni ħafna din ir-riflessjoni li kont qiegħed naqra dan l-aħħar fil-ktieb ta’ Desiderato Erasmus ta’ Rotterdam: “The handbook of the Militant Christian” u nixtieq nikkwota għalikom dan il-paragrafu u nagħmel xi kommenti dwaru: “I feel that the entire spiritual life consists in this: That we gradually turn from those things whose appearance is deceptive to those that are real… from the pleasures of flesh, the honours of the world that are transitory, to those things that are immutable and everlasting. Socrates, had this in mind when he said that the soul will leave the body at the time of death, with little fear, if during life, it has, rehearsed death by despising material things” (“The Essential Erasmus” translated by John P. Dolan, page 62,63).

“Ir-rehearsal” jew prova minn qabel huwa ħaġa meħtieġa li l-bniedmin jagħmluh ta’ spiss. Biex insemmi xi eżempji, huma “rehearsals” il-provi tat-tiġrija, it-testijiet qabel l-eżamijiet, il-provi tal-funzjonijiet liturġiċi.

Imma din l-idea ta’ “rehearsal” qabel il-mewt tidher donnha ħaġa ġdida u kważi impossibbli. Għaliex il-mewt tiġi darba biss, u kif tista tagħmel prova u rehearsal għaliha, biex ma tkunx improviżata?

Madana kollu l-bniedem għaqli jgħid “cotidie morior” s’intendi mhux realment, iżda billi wieħed jipprova jinfatam minn dak li jfixkel il-libertà tar-ruħ, li tixtieq tersaq dejjem iktar qrib lejn Alla.

Jeżistu fil-ħajja tagħna, żewġ tendenzi kontra xulxin, u l-bniedem jeħtieġ li juża l-għaqal tiegħu kollu biex jagħmel għażla tajba, u jaqbad waħda minnhom, għaliex ma hux possibbli li nieħdu t-tnejn flimkien. Hemm it-tendenza tar-reliġjon li tipprova tispiritwalizza anki azzjonijiet li minnhom infushom huma materjali; eżempju ta’ dan insibuħ f’San Pawl meta jgħid: “Sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, tagħml x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla” (1Kor 10,31). Bil-maqlub hemm it-tendenza l-oħra li tisforza biex timmaterjalizza, għemejjel li suppost li huma attivitajiet ta’ l-ispirtu, eżempju ta’ dan huma l-festi reliġjużi, li huma att ta’ kult u li xi drabi disgrazjatament huma okkażjoni ta’ ħafna abbużi bħal ikel u xorb żejjed eċċ.

Il-fidi u t-tama nisranija f’ħajja li għad trid tiġi jurina b’mod ċar u inekwivokabbli kif għandha tkun l-għażla tagħna, mhux biss bħala nsara, iżda iktar wkoll bħala saċerdoti ta’ Kristu.

Fid-dinja sekolarizzata ta’ llum, huwa diffiċli li wieħed iżomm dejjem quddiem għajnejh l-idejali tas-saċerdozju u jipprova jilħaqhom, iżda bil-għajnuna tal-grazzja t’Alla u bl-għajnuniet li toffrilna l-Knisja, ma hix ħaġa mpossibbli. Nistgħu ntennu dak li wassal lil Sant Wistin għall-konverżjoni tiegħu: “Si illi et illae, cur non et ego?! Hemm ħafna li rnexxilhom bl-għajnuna t’Alla, li jgħixu kif imiss il-ħajja saċerdotali bid-dmirijiet kollha tagħha; għaliex ma nagħmlux hekk aħna wkoll?

Dawn il-ftit riflessjonijiet li xtaqt naqsam magħkom għandhom tifsira iktar profonda, f’dawn il-jiem, li fihom iċċelebrajna il-funeral ta’ Dun Mikiel u offrejna suffraġju għar-ruħ tiegħu, hu li kien saċerdot umli u ta’ eżempju sabiħ għalina lkoll.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex