Ċirkulari 433/2004 (14 t’April 2004)

Nru. 433/2004

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Huwa pjaċir tiegħi ngħarrafkom uffiċjalment li l-wieħed u erbgħin Kungress Djoċesan tax-Xirka ta’ l-Isem Imqaddes t’Alla s-sena ser jinżamm fil-parroċċa arċipretali taż-}ebbuġ, nhar il-Ħadd, 25 t’April fil-5.00 p.m. Nistieden lill-membri tal-Kleru u lill-insara tad-djoċesi tagħna sabiex bħal fis-snin ta’ qabel, jieħdu sehem f’għadd sabiħ, għall-attivitajiet ta’ dan il-Kungress Djoċesan.

It-tema li ġiet mgħażula għall-Kungress ta’ din is-sena, hija “Insaħħu Twemminna”, u fil-fehma tiegħi ma setgħax jintagħżel suġġett iktar adattat għaż-żminijiet li qegħdin ngħixu fihom, fil-bidu tat-tielet millennju, meta r-relativiżmu f’kull kamp u s-suġġettiviżmu qegħdin jagħmlu tant ħsara  lill-fidi u l-imġieba nisranija, kważi f’kull pajjiż tad-dinja.

Ma’ dak li ktibna dwar dan il-periklu, fil-pastorali kollettiva tagħna l-isqfijiet maltin ghar-Randan 2004 nixtieq inżid ukoll li huwa d-dmir tagħna l-kattoliċi li nżommu bogħod mhux biss mill-ereżija, iżda wkoll minn kull tagħlim qarrieq li direttament jew indirettament jista’ jwassal għaliha.

Illum hawn ħafna li jiftaħru bil-pluraliżmu, anki fil-kamp tat-teoloġija u fejn jidħol it-twemmin nisrani.  Ma rridux ninsew però li l-pluraliżmu biex ikun wieħed san u li tabilħaqq jixraq lil bniedem irid iżomm il-limiti tiegħu u ma joħroġx barra minnhom.

F’dawk li huma veritajiet fondamentali tat-tagħlim nisrani u l-misteri tar-Reliġjon tagħna, ma nistgħux ngħidu, li hemm ħafna veritajiet u mhux verita waħdaġ izda jeħtieġ ngħidu li hemm verità unika u li din għandha tiġi mħarsa sewwa għaliex il-fehma kuntrarja għaliha hija fehma falsa u qarrieqa.

Hija l-verità li rrivelalna Kristu u li l-Knisja b’mandat Tiegħu twassalha u tfissirha lilna.   Hija  l-verità  li  aħna  għandna  nemmnu  u  nistqarru  dwar  Alla,  u Ibnu Ġesù.

Kristu, u l-misteru tiegħu. Hija l-verità li turina x’għandna nagħmlu biex ikollna l-ħajja ta’ dejjem li wegħdna Kristu.

It-talba li għandna nagħmlu fl-okkażjoni tal-Kungress tax-Xirka, li sejrin niċċelebraw, kif ukoll ħafna drabi u ta’ spiss matul ħajjitna, hija l-istess talba li għamlu l-Appostli meta qalu lil Ġesù (Lq 17,5) “Kattar fina l-fidi.” Din il-fidi meħtieġa fi tfulitna, f’żogħżitna, fis-snin tal-maturità tagħna, u fi xjuħitna. Din il-fidi għandu x’jambiha kulħadd, għax mingħajrha ma nistgħux inkunu dixxipli ta’ Kristu.

Mingħajr din il-fidi soda u personali, ma jistax ikun li jkollna reliġjon nisranija awtentika li kapaċi torjenta u tagħti direzzjoni lill-ħajjitna kollha, ikunu x’ikunu l-istat tagħna u l-kundizzjoni u ċ-ċirkustanzi li nsibu ruħna fihom.

Il-Mulej Ġesù li qam glorjuż mill-mewt isawwab fuqkom, mill-qalb ħanina tiegħu, kotra ta’ barkiet, paċi u kull ġid spiritwali ieħor.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum   14 t’April 2004

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex