Nru. 359
MEJJU 2004
Issa li d-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea huwa fatt kompjut, jixraq li anke aħna, bħal bqija taċ-ċittadini l-oħra, nagħmlu r-riflessjonijiet tagħna, sewwa min kien ottimista dwar dan il-pass deċiżiv fl-istorja ta’ Art Twelidna, kif ukoll minn kellu riservi serji dwaru.
Ħadd ma jista’ jlumna jekk nieqfu għal ftit ħin sabiex naħsbu u nipprovaw nifhmu aħjar liema huma l-opportunitajiet u r-responsabbiltajiet ġodda tagħna bħala membri tal-Kleru u tal-Knisja fid-dawl ta’ l-aħħar ġrajjiet li għadda minnhom il-poplu tagħna.
Din mhix l-ewwel darba li qegħdin nagħmlu riflessjoni bħal din, għaliex anki fl-aħħar Kungress Pastorali Djoċesan tas-sena 2003, isemmew wkoll il-problemi u l-possibiltajiet li huma marbuta mar-relazzjoni tagħna ma’ l-Ewropa.
Għalhekk ta’ min jerġtà jiftakar, f’ċerti riżoluzzjonijiet li ħarġu minn dak il-Kungress fosthom:
“Il-kontribut li qegħda tagħti d-djoċesi żgħira tagħna lill-pajjiżi tal-kontinent Ewropew, hu dak li tibgħat xi saċerdoti li għall-inqas għal żmien limitat iwettqu l-ministeru tagħhom f’xi artijiet Ewropej, bħalma huma l-Italja, l-Ingilterra, l-Albanija eċċ. Lil dawn il-Qassisin jeħtieġ li nagħtuhom l-appoġġ tagħna u għal dan il-għan twaqqaf fid-Djoċesi Kumitat biex isegwihom u joffrilhom xi għajnuna fejn tkun meħtieġa.”
Sal-lum il-ġurnata nistgħu ngħidu li l-konnessjonijiet li bħala saċerdoti kellna ma’ pajjiżi ewropej kienu l-iktar ma’ l-Italja u l-Ingilterra, fejn xi wħud minn ħutna qagħdu għal xi żmien jew għadhom jinsabu hemm għall-raġunijiet ta’ studju jew ta’ ħidma pastorali. Iżda issa jeħtieġ li nwessgħu l-orizzonti tagħna u nifirxu ħarsitna iktar ’il bogħod miż-żewġ pajjiżi li semmejna.
Nibdew qabel xejn billi ninteressaw ruħna iktar biex niksbu nformazzjoni, mhux biss dwar l-istorja tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea, iżda wkoll dwar is-sitwazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali tagħhom u fuq kollox dwar ir-reliġjożità tal-popli ewropej u l-attivitajiet li twettaq fihom il-Knisja Kattolika.
Jeħtieġ li nkunu nafu iktar dwar il-komunitajiet kattoliċi li hemm f’diversi pajjiżi fl-Ewropa, anke fejn huma minoranza żgħira, kif ukoll dwar l-organizzazzjoni tal-
ħidma pastorali li għandhom. Bla dubju ta’ xejn, anki aħna nistgħu nitgħallmu ħafna minnhom għaliex f’ċerti aspetti, xi wħud minnhom huma organizzati aħjar minnha u forsi wkoll b’riżorsi ikbar minn tagħna.
Żgur li anki f’dawk il-pajjiżi l-problemi pastorali ma humiex neqsin, bħal ma huma l-isfidi għall-ħajja tal-familja, d-diżorjentament taż-żgħażagħ, in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi eċċ. Dawn il-problemi, għada pitgħada, nsibuhom ma’ wiċċna wkoll f’pajjiżna.
Madanakollu ma għandniex ninsew l-aspetti pożittivi u l-opportunitajiet li jista’ joffrielna l-ġejjieni. Insemmu biss xi ftit minnhom. Naħseb li fil-futur, s-saċerdoti ġodda jkunu jistgħu jieħdu korsijiet ta’ perfezzjonament f’xi wħud mill-universitajiet ewropej, barra minn dawk ta’ Ruma kif kienu jagħmlu s’issa.
Fl-ewwel snin wara l-ordinazzjoni jkunu jistgħu jagħżlu xi pajjiż minn dawk li huma membri ta’ l-Unjoni Ewropea biex għal xi żmien iwettqu hemm il-ministeru saċerdotali tagħhom, jew imorru bħala “supply priests” fil-vaganzi.
Nistħajjel li għad jespandi wkoll it-turiżmu reliġjuż fl-Ewropa f’żewġ direzzjonijiet, jiġifieri, kemm rigward it-turisti li jiġu pajjiżna, kif ukoll in-nies tagħna li jżuru postijiet ta’ interess reliġjuż, fil-kontinent Ewropew.
Matul Mejju, x-xahar tal-Madonna, niftakru biex insaħħu fina u nħeġġu fl-insara, l-imħabba u d-devozzjoni lejn il-Verġni Marija. Fost l-oħrajn ta’ min jinsisti dwar ir-reċita tar-Rużarju ta’ kuljum, l-erbat ta’ qabel Santa Marija u l-konsagrazzjoni lill- Qalb ta’ Marija, fil-konklużjoni tax-xahar.
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex