Archive for the '2011' Category

Ħatra ta’ Amministratur għall-knisja ta’ San Ġakbu

DIGRIET

ĦATRA TA’ AMMINISTRATUR
GĦALL-KNISJA TA’ SAN ĠAKBU FIR-RABAT

D5/2011

Billi bil-mewt ta’ Mons. Ġużeppi Curmi, li kien ukoll Rettur tal-Knisja ta’ San Ġakbu fir-Rabat, ġie vagat dan l-uffiċċju, sakemm naħtar Rettur ġdid tal-imsemmija knisja, bil-preżenti naħtar lil Mons. George Bezzina bħala amministratur tal-Knisja ta’ San Ġakbu.

Fil-ġimgħat li ġejjin u sakemm ikun hemm Rettur ġdid, nitlob lil Mons. Bezzina biex jippreżenta rapport dwar il-ħidma pastorali marbuta ma’ din il-Knisja, rapport finanzjarju (kwittanza) li jiġbor fih l-amministrazzjoni ta’ kull enti preżenti fl-istess knisja.

Nirrakkomanda illi kemm jista’ jkun malajr isir inventorju ta’ dak li hemm fil-knisja;

nirrakkomanda li fl-immedjat, Mons. Bezzina f’kollaborazzjoni mas-Segretarju Pastorali tad-Djoċesi, jara kif jista’ jkompli jimplimenta l-pjan tad-Djoċesi biex il-knisja ta’ San Ġakbu tkun santwarju tar-Rikonċiljazzjoni.

Nitlob lill-Amministratur biex ma jagħmel xejn li b’xi mod jista’ jippreġudika l-fatt li l-knisja ta’ San Ġakbu taqa’ taħt ir-responsabiltà diretta tal-Ordinarju u għalhekk ħadd ma għandu xi jedd li jindaħal fl-amministrazzjoni tal-imsemmija knisja.
   
8 ta’ Frar 2011

Mons Salv Debrincat                                                   + Mario Grech
Kanċellier                                                                          Isqof ta’ Għawdex

Link permanenti bejn Għawdex u Malta

Komunikat
tal-Kulleġġ tal-Kappillani tad-Djoċesi ta’ Għawdex
 

Il-Kappillani ta’ Għawdex f’laqgħa li saret nhar l-Erbgħa 9 ta’ Frar 2011 taħt il-presidenza tal-Isqof Mario Grech, qablu li jagħmlu dan il-komunikat:

Konxji mid-dmir tal-Knisja li tixħet id-dawl tal-Vanġelu fuq it-temi ta’ żvilupp tal-bniedem, il-Kappillani flimkien mal-Isqof Grech:

  • josservaw li l-gżira t’Għawdex, minkejja t-titjib li sar fl-aħħar snin fl-aċċessibilità tagħha, xorta waħda għadha tbati minn insularità doppja li qed twassal biex din il-gżira ma jkollhiex l-istess pass ta’ żvilupp bħall-bqija tal-pajjiż, impatt illi qed jibdel ukoll drastikament in-nisġa soċjali ta’ Għawdex;
  • jinnotaw id-diffikultajiet straordinarji li jħabbtu wiċċhom magħhom l-istudenti, il-ħaddiema, il-morda fl-isptar u l-familjari tagħhom, min jimpjega u operaturi oħra fl-oqsma tas-servizzi li jkollhom jaqsmu ripetutament bejn iż-żewġ gżejjer minħabba n-natura tal-istudju, bżonnijiet u xogħol tagħhom;
  • jemmnu illi l-ekonomija tal-gżira t’Għawdex, b’aċċessibilità aħjar, tista’ timxi b’ritmu aktar mgħaġġel hekk li tipparteċipa b’mod sħiħ fil-progress akkwistat fin-nazzjon, anzi tikkontribwixxi biex dan iseħħ;
  • għalhekk, japprezzaw id-diskussjoni pubblika li għaddejja bhalissa dwar il-possibilità li l-gżejjer ta’ Għawdex u Malta jingħaqdu b’mod permanenti u jaqblu illi għandu jsir studju komprensiv biex jittieħdu deċiżjonijiet informati dwar l-impatt li deċiżjoni ta’ din ix-xorta jista’ jkollha fuq l-ambjent, l-ekonomija u s-soċjetà Għawdxija u biex jiġu evalwati l-vantaġġi u l-iżvataġġi li din id-deċizjoni tista’ ġġib.

Illum, l-Erbgħa 9 ta’ Frar 2011.

Arċipriet Tarcisio Camilleri
Segretarju tal-Kulleġġ tal-Kappillani

Imut Dun Angelo Buttigieg

TITĦABBAR IL-MEWT TA’ DUN ANGELO BUTTIGIEG

B’niket inħabbru l-mewt ta’ Dun Angelo Buttigieg, mill-Qala. Dun Anġ miet illejla, 9 ta’ Frar 2011 fis-sala ġerjatrika tal-Isptar Ġenerali fejn kien residenti. Dun Anġ twieled fl-20 ta’ Ġunju 1929. Huwa ġie ordnat saċerdot fid-9 ta’ April 1955.
 
Il-funeral tiegħu se jsir nhar is-Sibt li ġej, 12 ta’ Frar fil-knisja parrokkjali tal-Qala. Il-korteo funebri jitlaq fit-3.15p.m. mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal ħdejn l-iskola tal-Qala, fejn fit-3.30p.m. jiġi akkumpanjat mill-Banda tar-raħal għall-knisja parrokkjali. Mons Isqof Mario Grech imexxi l-konċelebrazzjoni praesente cadavere fl-4.00p.m.
 
Il-Mulej jilqgħu fid-Dar tiegħu tas-Sema. RIP

Imut Patri Serafin Borg, OSA

TITĦABBAR IL-MEWT TA’ PATRI SERAFIN BORG, OSA 
 

B’niket inħabbru l-mewt ta’ Patri Serafin Borg, Agostinjan mix-Xewkija, li miet ilbieraħ 8 ta’ Frar 2011 fl-għomor ta’ 78 sena.
 
Il-funeral tiegħu se jsir il-Ġimgħa 11 ta’ Frar fil-knisja tal-Patrijiet Agostinjani, fir-Rabat, Għawdex. Il-quddiesa tibda fl-4.00p.m. Fil-ħin ta’ qabel, il-fdalijiet ta’ Patri Serafin ser ikunu esposti għall-qima u t-talb pubbliku fl-Oratorju tal-Kunvent. 
 
Agħtih, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

TITĦABBAR IL-MEWT TA’ MONS ĠUŻEPP CURMI

img_6638.jpgTITĦABBAR IL-MEWT TA’ MONS ĠUŻEPP CURMI
 
Illum il-Ħadd filgħodu, 6 ta’ Frar 2011 tħabbret il-mewt ta’ Mons Ġużepp Curmi, mill-Munxar Għawdex. Mons Curmi kellu 83 sena. Huwa twieled fl-1927 u kien ordnat saċerdot fis-26 ta’ April 1953.
 Il-funeral se jsir nhar it-Tlieta 8 ta’ Frar fil-Knisja parrokkjali tal-Munxar. Fis-1.45pm jitlaq korteo mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għaċ-Ċentru Parrokkjali tal-Munxar, fejn fis-2.00pm il-fdalijiet ta’ Mons Curmi jitqiegħdu ghall-qima u t-talb pubbliku. Fl-3.45pm jitlaq korteo miċ-Ċentru għall-Knisja parrokkjali fejn dritt wara tibda l-quddiesa ppreseduta mill-Isqof.
 
Nitolbu għalih biex il-Mulej jilqgħu fil-ferħ tad-Dar tiegħu tas-Sema. RIP

FUNERAL TA’ MONSINJUR ARĊISQOF EMMANUEL GERADA

Nhar it-Tnejn, 24 ta’ Jannar, 2011, fl-4.00 p.m. jitlaq il-funeral mill-Isptar Mater Dei għall-parroċċa taż-Żejtun, fejn kien joqgħod l-Arċisqof Gerada. Fl-4.30 p.m. il-korteo funebri jasal f’Misraħ Karlu Diacono minn fejn jibda korteo mill-kleru, għaqdiet reliġjużi u soċjali sal-Oratorju (ħdejn il-Knisja Parrokkjali) fejn isir talb b’suffraġġju ta’ Monsinjur Arċisqof u wara jitqiegħed għall-qima tal-pubbliku sat-8.00 p.m.
It-Tlieta, 25 ta’ Jannar, 2011, l-Oratorju jerġgħa jiftaħ fis-7.30 a.m. sal-10.00 a.m.                Fl-10.30 a.m. il-funeral jitlaq mill-Oratorja għall-Kon-katidral ta’ San Ġwann, il-Belt, fejn jitqiegħed għall-qima tal-pubbliku sas-2.30 p.m. Fit-3.00 p.m. l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. imexxi Quddiesa konċelebrata b’suffraġġju ta’ Mons. Arċisqof Emmanuel Gerada. Il-korteo jkompli f’forma privata saċ-Ċimiterju ta’ San Girgor, iż-Żejtun, fejn issir id-difna fil-qabar tal-familja.