Archive for the '2002' Category

Ċirkulari 418/2002 (28 ta’ Diċembru 2002)

Nru. 418/2002

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Is-sena d-dieħla tagħlaq 40 sena l-Enċiklika Pacem in Terris maħruġa mill-Beatu Ġwanni XXIII, fil-11 ta’ April 1963.  Din l-Enċiklika li tittratta dwar il-paċi fid-dinja, hija mqassma f’ħames partijietġ l-ewwel parti titkellem dwar l-ordni fost il-bnedmin cioè dwar il-jeddijiet u d-dmirijiet li għandu kull bniedem bħala persuna umanaġ it-tieni parti hija dwar ir-relazzjonijiet li għandu jkun hemm fi ħdan l-Istat, bejn l-individwi u l-awtoritajiet pubbliċiġ it-tielet parti titkellem dwar ir-relazzjoni ta’ l-istati u l-gvernijiet diversiġ u r-raba’ parti hija dwar ir-relazzjoni bejn il-komunità dinjija minn naħa waħda, u l-individwi u l-komunitajiet politiċi minn naħa l-oħra.  Il-ħames u l-aħħar taqsima tagħtina xi eżortazzjonijiet pastorali, bħal ma huma t-tagħlim dwar is-sehem fil-ħajja pubblika, r-relazzjoni bejn il-kattoliċi u dawk li m’humiex, l-edukazzjoni għall-paċi, il-koeżistenza tal-familja umana fil-verità, fil-ġustizzja, fl-imħabba u fil-libertà.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II fil-messaġġ tiegħu għal Jum il-Paċi 2003, fakkarna f’dan l-avveniment tar-rikorrenza ta’ l-40 sena mill-pubblikazzjoni tal-Pacem in Terris u tana wkoll xi twissijiet tiegħu.

Wara li semma l-erba’ pilastri tal-paċiġ il-verità, il-ġustizzja, l-imħabba u l-libertà il-messaġġ tal-paċi ta’ Ġwanni Pawlu II jfakkar li t-triq tal-paċi tikkonsisti fid-difiża u l-promozzjoni tal-jeddijiet bażiċi li għandha kull persuna.  Il-Papa imbagħad jafferma li biex ikun hawn ordni u sliem jeħtieġ li dawn ikunu mibnija fuq prinċipji morali u jkompli jgħid “il-problema tal-paċi ma tistax tiġi mifruda mill-kwistjoni tad-dinjità umana u l-jeddijiet umani.  Dik hija waħda mill-veritajiet permanenti li tgħallem il-Pacem in Terris li aħna nagħmlu sewwa jekk niftakruhom u nirriflettu fuqhom f’dan l-erbgħin anniversarju.”

Inħoss li għandi nesprimi x-xewqa li matul is-sena li ser nibdew inżommu iktar quddiem għajnejna t-tagħlim tal-Pacem in Terris u tal-messaġġ tal-Jum il-Paċi  2003.  Għalhekk nissuġġerixxi li fil-laqgħat ta’ l-Għaqdiet Kattoliċi, fl-irtiri għall- komunitajiet u f’xi seminars jew laqgħat ta’ studju li jsiru, jittieħdu , xi punti mid-dokumenti li semmejna, u jiġu applikati għaċ-ċirkostanzi ta’ pajjiżna.  B’dan il-mod it-tagħlim sublimi u għaqli tal-Papiet, jasal iktar malajr għand il-poplu tagħna u żgur li jisfalu ta’ ġid.

Il-paċi ta’ Kristu tfawwar qlubkom tul ħajjitkom kollha.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  28 ta’ Diċembru 2002

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 417/2002 (30 ta’ Novembru 2002)

Nru. 417/2002

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Sar magħruf li nhar il-Ħamis li ġej, 5 ta’ Diċembru ser jiġi ċċelebrat “Jum il-Volontarjat.” Ta’ min jinnota b’sodisfazjon illi l-volontarjat ta’ kull għamla huwa wieħed mis-sinjali ta’ żminijietna li huma sbieħ u ta’ min jinkoraġġihom.

Taħt dan l-isem ta’ volontarjat jaqgħu l-bnedmin kollha, irġiel u nisa, żgħażagħ u adulti, li fil-ħajja tagħhom isibu ftit taż-żmien biex jiddedikawh għal ġħid ta’ għajrhom mingħajr ma jistennew rikompens jew ħlas tas-servizz u ta’ l-għemil tagħhom.  Il-ħidma volontarja tista’ tkun ta’ kull għamla u tirrigwarda mhux biss dak li huwa meħtieġ għall-ħajja tal-ġisem imma anke dak li huwa meħtieġ għall-ħajja tar-ruħ.  Għalhekk fil-fehma tagħna qegħdin iwettqu volontarjat siewi mhux biss dawk li jżuru l-morda, jgħinu l-foqra u dawk li jipprovaw isolvu l-problemi tal-familji eċċ., imma wkoll dawk li jgħinu fl-organiżżazzjoni liturġika u li jagħtu tagħlim u fuq kollox it-tagħlim reliġjuż.

Peress li aħna kattoliċi, ta’ min jinsisti li l-volontarjat tagħna jkun volontarjat nisrani.  Dan ifisser li l-volontarjat tagħna u kull ħidma li nwettqu b’risq l-oħrajn ma tkunx motivata minn skopijiet ta’ din id-dinja bħalma hija l-popolarità u xi vantaġġi għal min jagħmel volontarjat iżda tkun imqanqla mill-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu, jiġifieri nagħmlu l-ġid lill-oħrajn għaliex inħobbu sinċerament u bil-fatti l-proxxmu tagħna kif iridna Kristu.

Fil-Jum tal-Volontarjat, iktar minn żminijiet oħra, huwa dmir tal-komunità kattolika ta’ għiritna u tal-membri kollha tagħha li wara li jroddu ħajr lill-Ispirtu s-Santu illi qanqal il-moviment volontarju fid-dinja ta’ llum u f’pajjiżna, jitolbu wkoll lil Alla l-Imbierek biex jagħti l-kuraġġ lil dawk li qegħdin iwettqu xi forma ta’ volontarjat, isaffu dejjem l-intenzjoni tagħhom biex ikollhom motivazzjoni nisranija u fl-aħħarnett biex isieħbu membri ġodda fil-volontarjat  u b’mod speċjali mill-kategorija taż-żgħażagħ.

Il-Mulej li beda kull opra tajba fikom iwettaqha sat-tmiem.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  30 ta’ Novembru 2002

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 416/2002 (24 ta’ Settembru 2002)

Nru. 416/2002

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Peress li x-xahar ta’ Ottubru huwa fil-qrib, nixtieq, għal darb’oħra nagħmlilkom is-sejħa tiegħi sabiex tkompli tikber u tissaħħaħ fid-djoċesi tagħna d-drawwa qaddisa tar-Rużarju Imqaddes, li huwa talba li biha nagħtu qima mill-qalb lill-Verġni Ommna Marija.

Id-Direttorju dwar il-Pjetà Popolari u l-Liturġija fin- numru 197 jgħidilna li “r-Rużarju jew Saltier tal-Verġni Marija huwa waħda mit-talbiet l-iktar eċċellenti lil Omm tal-Mulej.  Għalhekk il-Papiet iħeġġu u jerġgħu iħeġġu lill-insara biex jirreċitaw ta’ spiss, ir-Rużarju Mqaddes.”

Nixtieq insemmi ħames ambjenti li fihom iktar milli f’postijiet oħra għandu jingħad ir-Rużarju:
1.    L-ewwel fil-knejjes tagħna speċjalment fil-knejjes parrokkjali m’għandux jonqos li jinstema t-talb tar-Rużarju ta’ Marija.

2.    L-Għaqdiet Kattoliċi għandhom jieħdu ħsieb li matul dan ix-xahar isibu okkażjoni biex jgħidu flimkien ir-Rużarju.

3.    Ħafna mill-familji tagħna, sewwa il-qodma kif ukoll il-ġodda, jixtiequ sinċerament li fid-djarhom ikun hemm atmosfera tabilħaqq nisranija, billi jinstemgħa ta’ spiss t-talb tal-familja kollha flimkien.  Ir-Rużarju tal-Madonna, speċjalment fix-xahar ta’ Ottubru huwa għalihom mezz mill-aħjar biex jaqtgħu din ix-xewqa imbierka.

4.    L-iskejjel wkoll, fejn hemm ħafna tfal innoċenti, għandhom jiġu mqaddsa billi fihom it-tfal jiġu mgħallmin iħobbu u jirreċitaw kif imiss it-talba tar-Rużarju.

5.    Fl-aħħarnett, fl-isptarijiet u fil-kliniċi, fejn hemm min qiegħed ibati u mnikket, ir-Rużarju ta’ Marija jagħti faraġ u ħila biex wieħed iġorr bis-sabar is-slaleb tal-ħajja.

Bħala intenzjonijiet tar-Rużarju matul Ottubru, għas-sena li qegħdin fiha, xtaqt nirrikmandalkom li titolbu sabiex il-poplu tagħna jibqa’ jgħożż dejjem il-wirt nisrani, u jagħmel l-għażliet tiegħu bil-għaqal u b’sens responsabbli. Nitolbu wkoll, sabiex Alla jżomm il-bogħod mid-dinja t-theddid tal-gwerra u jwassal in-nazzjonijiet għall-rispett reċiproku u għall-koperazzjoni iktar bejniethom.

Bl-interċessjoni tal-Verġni Imbierka, Alla jimla qlubkom bil-grazzja u l-paċi tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  24 ta’ Settembru 2002
Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 414/2002 (27 t’ Awissu 2002)

Nru. 414/2002

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Nixtieq nerġà nfakkar li din is-sena, 2002, li diġà qbiżna n-nofs tagħha, fid-djoċesi tagħna hija ddedikata għal-Liturġija.  Ngħarrafkom wkoll li s-sena li ġejja 2003 sejra tkun iddedikata għad-djakonija u għall-promozzjoni umana u opri ta’ karità nisranija.

Peress li s-Sagramenti, wara s-Sagrifiċċju tal-Quddiesa huma parti importanti fil-Liturġija, nixtieq ninsisti fuq iċ-ċelebrazzjoni xierqa tagħhom, kif hu ssuġġerit ħafna drabi fis-Sinodu Djoċesan(n.358ff) u fil-Pjan Pastorali Kwinkwennali 2001-2005 (70).  Barra mill-attenzjoni sabiex iċ-ċelebrazzjoni proprja tas-Sagrament issir skond in-normi liturġiċi, meħtieġa wkoll Pastorali Pre-Sagramentali u Post-Sagramentali. Dan ifisser li trid issir preparazzjoni kateketika xierqa qabel ma jiġi ċċelebrat is-Sagrament u mbagħad jsiru wkoll attivitajiet li jgħinu sabiex kull Sagrament jagħti l-frott tiegħu fil-ħajja nisranija ta’ min jirċievih.

Biex nibdew mill-Magħmudija, li hija l-ewwel Sagrament nixtieq ninsisti fuq tliet punti:

1.    Sa ċertu żmien il-Magħmudija kienet tingħata aktarx fl-istess jum tat-twelid tat-tarbija jew fi ftit jiem waraġ illum bosta drabi titħalla għall-iktar tard.  Din id-drawwa għandha l-vantaġġ tagħha għaliex tagħti ċans ukoll lill-omm li tkun preżenti u tieħu sehem fil-funzjoni tal-Magħmudija.  Iżda ma jixraqx li ċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija titħalla għall-ħafna tard. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (n.1250) jgħidilna “l-ġenituri jkunu jċaħħdu lit-tarbija tagħhom mill-grazzja kbira li tkun iben Alla jekk ma jgħammduhiex ftit wara li titwieled.”
2.    Rigward l-ismijiet f’pajjiżna u f’ħafna pajjiżi oħra – ħaġa li innutajtha wkoll fil-Brażil – hemm  tendenza qawwija li jingħataw lit-tfal, ismijiet li m’humiex ismijiet insara. Il-ġenituri, il-parrinijiet u l-kappillan – kif iwissi l-Kanoni 855 tal-liġi Ekkleżjastika - għandhom jaraw li ma jingħatax xi isem li jkun barrani għat-tifsir nisrani.” Nixtieq nissuġerixxi wkoll li għall-inqas bħala t-tieni isem, tfal subien u bniet jissemmew ukoll “Marija” bħal per eżempju “Vincenzu Marija.”
3.    Dwar l-għażla tal-parrinijiet, is-Sinodu Djoċesan jgħidilna li dawn  għandhom ikunu jafu liema huwa s-sehem tagħhom u jkunu mħejjin kif jixraq biex iwettquhġ sabiex ma jiġrix li jaħsbu li t-twettiq ta’ dan id-dmir li ħadu u li huwa hekk nobbli jikkonsisti biss fiċ-ċerimonja tal-Magħmudija (117.a).  Fuq kollox bl-eżempju tajjeb għandhom ikunu ta’ għajnuna fil-formazzjoni nisranija tal-filjozzi tagħhom.

Il-Mulej li sejħilkom għad-dawl tiegħu ta’ l-għaġeb, iseddaqkom fil-grazzji tiegħu u jwassalkom għall-hena ta’ dejjem.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  27 t’ Awissu 2002
Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 415/2002 (4 t’ Awissu 2002)

Nru. 415/2002

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Ħamsin sena ilu seħħet ix-xewqa tal-Patrijiet Kapuċċini u tad-devoti ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija, li jaraw ix-xbieha tal-Madonna tal-Grazzja mpittra mill-Pittur Malti Stiefnu Erardi, tiġi nkoronata b’kuruna tad-deheb u ta’ ħaġar prezzjus.  Il-funzjoni ta’ l-inkoronazzjoni twettqet mill-qatt minsi Mons Ġużepp Pace, Isqof ta’ Għawdex mgħejjun mill-Isqof Emmanuel Galea u mill-Isqof ta’ Lipari Salvatore Re, Kappuċċin, fil-Pjazza San Franġisk quddiem folla kbira ta’ nies.

Għad li l-kuruna tal-Madonna u l-Bambin insterqu għal darba, darbtejn u dawn kienu okkażjonijiet ta’ niket għalina, iżda xorta waħda matul dawn il-ħamsin sena, id-devozzjoni tal-Għawdxin lejn il-Madonna tal-Grazzja kompliet tikber u tissaħħaħ.

Jixraq li din il-ġrajja ta’ nofs seklu ilu tiġi mfakkra b’funzjonijiet speċjali, li jkunu xhud ta’ l-imħabba tagħna lejn Sidna Marija.

Il-programm imfassal mill-kumitat organizzativ jinkludi fost l-oħrajn Pellegrinaġġ ta’ Radd il-Ħajr lill-Madonna, nhar is-Sibt 14 ta’ Settembru fis-7.30, li ser ikun immexxi mill-Vigarju Ġenerali Mons Giovanni B. Gauċi.  Dan il-Pellegrinaġġ jitlaq mill-Pjazza tal-Kattidral u jintemm bil-Barka Sagramentali fuq iz-zuntier tal-Knisja tal-Kappuċċini.

Nistiedinkom biex tieħdu sehem fil-funzjonijiet li ser isiru f’din l-okkażjoni, speċjalment fil-Pelegrinaġġ ta’ Ringrazzjament.

L-Imqaddsa Verġni Marija tressaqkom lejn Binha Ġesù, l-għajn ta’ kull grazzja.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  4 t’ Awissu 2002

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 413/2002

Nru. 413/2002

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes,Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Naħseb li wasal iż-żmien li bil-għajnuna ta’ Alla inwettaq xewqa li għal ħafna żmien ilha teżisti f’qalbi, cioè li nżur il-Brażil biex niltaqa’ mal-missjunarji tagħna li għal bosta snin, ilhom jgħinu spiritwalment u materjalment lil l-bnedmin ħutna li jgħixu f’dik l-art hekk kbira.  Is-saċerdoti Għawdxin li qegħdin iservu hemmhekk ilhom ħafna jħajjruni li nagħmel dan il-vjaġġ biex nara b’għajnejja x-xogħol siwi li għandhom f’idejhom, u jiena fl-aħħar iddeċidejt li nilqa’ s-suġġeriment tagħhom u mmur narahom.

Skond il-programm taż-żjara tiegħi fil-Brażil, jiena għandi nitlaq minn Malta nhar it-Tnejn 17 ta’ dan ix-xahar u nerġa lura, jekk Alla jrid, fil-5 ta’ Lulju.

Waqt li ninformakom b’dan il-vjaġġ tiegħi fil-kontinent ta’ l-Amerika t’Isfel, jiena ninsisti magħkom sabiex takkumpanjawni bit-talb tagħkom, ħalli l-preżenza tiegħi fil-Brażil tkun ta’ nkoraġġiment għall-missjunarji tagħna, Saċerdoti u Sorijiet li hemm jaħdmu f’dik l-art u anki, kif nispera, tisfa ta’ xi ftit ġid spiritwali lill-komunitajiet kattoliċi ta’ hemmhekk.

Ninqeda b’din l-okkażjoni biex inrodd ħajr lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom sabiex jirnexxu l-attivitajiet tal-Ġublew tad-Deheb tas-saċerdozju tiegħi li għadni kif ċċelebrajt, u mhux inqas inrodd ħajr ukoll lil dawk li kontinwament iwieżnuni bit-talb tagħhom.

Jalla l-Mulej Ġesù Kristu, Feddej tagħna ta’ qalb ħelwa u umli jimliekom bil-barka u s-sliem tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 412/2002 (28 ta’ Mejju 2002)


Ċirkulari 411/2002 (2 t’ April 2002)

Nru. 411/2002

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Il-Kungress Djoċesan tax-Xirka ta’ l-Isem Imqaddes t’Alla f’din id-39 sena tiegħu ser jinżamm fil-parroċċa tan-Nadur nhar il-Ħadd, 14 t’April, 2002 bis-suġġett “Lilek O Alla nfaħħru bil-Liturġija.” Għal dan il-Kungress, huwa mistieden kullħadd, membri tal-Kleru, reliġjużi u lajċi nsara.

Kif għallimna l-Konċilju Vatikan II fil-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium,(7)ġ il-Liturġija għandha post importanti ħafna fil-ħajja tal-Knisja Kattolika: Difatti l-Liturġija hija “l-ħidma ta’ l-uffiċċju saċerdotali ta’ ĠesÙ Kristu fiha jitfisser u jseħħ, permezz ta’ sinjali sensibbli, it-tqaddis tal-bniedem skond il-mod proprju tiegħuġ f’din il-ħidma l-Ġisem mistiku ta’ Ġesu Kristu, jiġifieri r-Ras u l-membri tiegħu, jagħtu qima pubblika sħiħa.”

Il-Knisja, mwaqqfa minn Sidna Ġesu Kristu għandha bħala għan tagħha dak li tkompli twettaq il-missjoni u l-ħidma minnu mibdija.  Dan ifisser li l-Knisja bħal Kristu trid tħabrek biex ixandar il-glorja t’Alla l-Missier u biex tgħallem u ssalva l-erwieħ.  Din l-ewwel attivita tagħha li tfaħħar lil Alla u tkompli l-glorja tiegħu, il-Knisja twettaqha fuq kollox, permezz tal-Liturġija tagħha.

Kif kien qal il-Papa Pawlu VI fid-diskors ta’ l-għeluq tat-Tieni perjodu tal-Konċilju Vatikan II “Il-Liturġija hija l-ewwel fonti tal-ħajja divina ikkomunikata lilna, l-ewwel skola tal-ħajja tagħna spiritwali, u l-ewwel rigal li aħna (l-Papa u l-Isqfijiet) jistgħu jagħtu lil poplu nisrani, li għandu l-istess twemmin tagħna u jitlob magħna”(4 ta’ Diċembru, 1963).

Dan il-Kungress tax-Xirka, li jiġi ċċelebrat ta’ kull darba għall-ikbar glorja t’Alla, is-sena għandu wkoll dan il-ħsieb qaddis li jħajjarna u jħeġġiġna biex nieħdu sehem attiv u b’ħeġġa ta’ fidi dejjem akbar  għal Quddiesa u għaċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi l-oħra kollha.

Il-Mulej jagħtikom il-barka tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  2 t’ April 2002

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex