Omelija fis-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ħamis 15 ta’ Awwissu 2019
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
LEJN KNISJA MISTIKA
Għalina l-Insara, l-Għid tal-Assunta huwa festa singulari. Mhux ta’ b’xejn li l-kotra jagħmlu shut down, iwaqqfu r-rutina tal-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum biex jistrieħu u jieħdu r-ruħ. Jien nixtieq li Santa Marija, barra li tkun mument ta’ relax, tkun ukoll okkażjoni biex nieqfu nirriflettu dwar kif nistgħu ntejbu l-livell tal-ħajja tagħna. Santa Marija tielgħa s-Sema qed tgħidilna biex nerfgħu qlubna ’l fuq, għax aktar ma nitilgħu ’l fuq, aktar naraw ’il bogħod! Il-bniedem għaqli jkun jixtieq jara x’hemm fix-xefaq! ħasra li llum sirna nxommu biss sa imneħirna.
Biex il-bniedem jerġa’ jsib lilu nnifsu u jagħmel l-ordni fil-qafas soċjali tagħna, jekk f’pajjiżna rridu niżguraw futur għalina u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, għandna bżonn nibdew nitkellmu b’aktar serjetà mhux dwar l-ekonomija imma dwar il-ħajja spiritwali. F’idejna għandna r-riżultati ta’ xi jfisser ma tagħtix kas jew tipprova tidfen id-dimensjoni spiritwali tal-bniedem! Inkunu nkomplu nħaffru l-ħofra li għamilna u jgħarrilna bil-kbir jekk naħsbu li l-pajjiż jista’ jibqa’ għaddej mingħajr ruħ. Inħoss li jgħoddu għalina kemm l-osservazzjoni li għamel Charles Peguy (1873-1914) meta qal li “r-rivoluzzjoni li neħtieġu jew ser tkun waħda morali jew ma tkun xejn”, u kemm il-kumment tal-ħassieb Emmanuel Mounier (1905-50): “Jew ir-rivoluzzjoni ser tkun waħda spiritwali jew ma tkun xejn”.
Aħna l-Insara nistgħu nagħtu sehemna f’din ir-rivoluzzjoni meta nibdew nieħdu b’impenn serju s-sejħa Nisranija tagħna. Ħamsin sena ilu, Karl Rahner, magħruf bħala l-ikbar teologu tas-seklu għoxrin li tkellem dwar il-grazzja, kien “ħabbar” li n-Nisrani tas-seklu wieħed u għoxrin jew ikun mistiku jew ma jkun Nisrani xejn.
Dan l-appell biex aħna l-Insara nkunu “mistiċi” ma jfissirx li rridu nistennew li jkollna mumenti ta’ estasi jew viżjonijiet bħalma kellhom mistiċi kbar bħal Santa Tereża ta’ Avila u San Ġwann tas-Salib. Għalkemm dawn il-fenomeni straordinarji jagħmlu parti mill-esperjenza mistika, il-bniedem mistiku huwa dak li jidħol f’relazzjoni personali u immedjata ma’ Alla. Il-mistiku huwa dak li jagħmel esperjenza ta’ Ġesù Kristu. Dan ifisser li n-Nisrani ma għandux ikun kuntent li jkun sema’ b’Alla jew li jkollu ftit ħjiel dwar Ġesù, imma n-Nisrani huwa dak li jintebaħ li Alla huwa preżenti f’ħajtu u jħoss lil Alla viċin tiegħu. Dan l-aħħar, wieħed żagħżugħ tani ħjiel ta’ ħajja mistika meta fissirli r-relazzjoni tiegħu ma’ Ġesù b’dan il-kliem: “Waqt li kont ma’ sħabi nieħdu kafè, esperjenzajt xi ħaġa sabiħa ħafna, inkun naf li qiegħed miegħU, ħdejH”.
Billi Alla jħobbna qabel ma aħna nħobbuh, hu jikkomunika lilu nnifsu ma’ kull bniedem. Għalhekk kull bniedem min-natura tiegħu huwa homo misticus. Qabel ma nisimgħu dwar Alla, Alla jinsab fina. Għalkemm ħafna drabi l-preżenza tiegħu tkun preżenza anonima (għax ma nafux insejħulu b’ismu) u forsi wkoll imrażżna, tibqa’ preżenza li timbuttana biex ningħaqdu miegħu. Il-mistiċiżmu fir-reliġjon Nisranija għandu l-bidu tiegħu fl-intimu tagħna – fil-kuxjenza tagħna fejn jidwi l-leħen ta’ Alla. Kull bniedem jesperimenta lil Alla b’mod kostanti anki jekk ma jkunx jaf jispjega dak li jkun iġarrab. Saħansitra anki l-ateisti li jgħixu ħajja onesta u jgħinu lill-proxxmu tagħhom jista’ jkollhom esperjenza mistika!
Il-Ġiżwita San Pietru Favre (1506-1546) kien konvint li l-preżenza ta’ Alla tnibbet kullimkien. Il-mistiku Meister Eckhart (1260-1328) kien jgħid: “Stennew li ssibu lil Alla f’kollox. Kristu huwa attent għall-ħajja tagħna fl-isfumaturi kollha tagħha”. Fil-fatt, Rahner jitkellem dwar dak li jsejjaħ “il-mistiċiżmu fil-ħajja ta’ kuljum”. Il-ħajja ta’ kuljum hija “skola ta’ talb” għax iġġibna wiċċ imb wiċċ ma’ fatti u esperjenzi li qegħdin hemm biex ilaqqgħuna mal-misteru ta’ Alla li huwa preżenti sieket. Santa Tereża minn Avila tgħid lis-sorijiet li “Alla tiltaqa’ miegħu qalb il-borom, it-twaġen u kzazel fil-kċina”. F’waħda mill-viżjonijiet tagħha, Ġuljana minn Norwich (1342-1416) titkellem fuq “Alla tad-dar”. Fi kliem ieħor nistgħu ngħidu li nistgħu niltaqgħu ma’ Alla meta jkollna l-ixkupa f’idejna, waqt li tkun tkaħħal, waqt li tkun l-uffiċċju, fis-sala tal-isptar, tqandel il-merkanzija fis-supermarket, waqt li tkun bl-uniformi tħares l-ordni, waqt li tiddiskuti l-liġijiet tal-pajjiż… Jekk Alla mhux preżenti fil-ħajja ta’ kuljum, ifisser li dak “Alla” li nemmnu fih huwa biss ħlejqa ta’ moħħna jew tat-tradizzjoni u mhux Alla ħaj! Daqskemm il-laqgħa ma’ Alla tista’ ssir fit-tempju, daqshekk ieħor tista’ ssir fit-triq. Hemm kontinwità bejn l-esperjenza li nagħmlu ta’ Alla waqt il-liturġija (sagramenti) u l-esperjenza ta’ Alla fil-ħajja ta’ kuljum. Meta nqis kif hija ċċelebrata ċerta liturġija tagħna, ma niskantax li jkun hawn min aktar jiġi qrib ta’ Alla fil-pjazza milli fit-tempju!
Alla jiġi jiltaqa’ magħna fid-damma tal-ġrajjiet tal-istorja tagħna, anki dawk il-ġrajjiet koroh. Il-bniedem jagħmel esperjenza ta’ Alla kemm fil-mumenti ta’ “konsolazzjoni” u kemm f’dawk “ta’ deżolazzjoni”. Għax il-grazzja tista’ tispunta wkoll minn dak li huwa l-iskart tal-ħajja: bħal meta nibqgħu nittamaw minkejja li nkunu ngħixu fis-solitudni; meta naħfru mingħajr ma nistennew il-grazzi; meta ħaddieħor iweġġagħna u aħna ma npattulux lura; meta nibqgħu sodi ma’ dak li tgħidilna l-kuxjenza anki jekk nirriskjaw li jgħodduna b’boloh; meta nkunu onesti f’soċjetà diżonesta; meta nibqgħu nitolbu, ukoll meta jidher li qegħdin nitolbu għalxejn… L-esperjenza ta’ Alla taf tkun aktar qawwija meta ngħaddu minn fallimenti, għax f’waqtiet bħal dawn, filwaqt li tinkixef id-dgħufija tagħna, toħroġ aktar fid-dieher l-id qawwija ta’ Alla. Għall-mistiku s-sodda tal-marid hija altar fejn jinżel Ġesù; meta jlibbes u jitma’ lill-fqir, iħossu qed ilibbes u jitma’ lil Ġesù; meta jiftaħ dirgħajh biex jilqa’ lill-barrani li qed jegħreq, iħossu qed iħaddan lil Ġesù; meta għajnejh jiltaqgħu ma’ għajnejn il-ħabsi, huwa jara tilma l-ħarsa miksura ta’ Ġesù.
Meta nqis li aħna aktar imħeġġin għal “Alla tar-reliġjon” milli għal “Alla tal-kċina”, it-talba tiegħi f’dan il-mument solenni tal-konklużjoni tas-Sena Marjana hija li Marija tgħinna nieħdu r-ruħ spiritwalment, partikularment biex tgħinna ngħaddu minn spiritwalità li hija interessata f’dak li huwa straordinarju għal “mistika tal-ħajja ordinarja” li tgħinna napprezzaw ix-xrar tal-Infinit li jgħammex l-għajnejn.
Marija nfisha għexet din il-mistika fid-dar sempliċi ta’ Nazaret. Hija għamlitha ma’ Alla fil-kċina, fil-kamra tal-ħjata, fil-kamra tal-ħasil, fil-ħanut tax-xogħol ta’ żewġha u fil-kamra tas-sodda! L-intimità tagħha ma’ San Ġużepp għenitha tidħol f’intimità ma’ Alla. Id-dar kienet it-tempju tagħha. Kif jgħidilha l-Isqof Tonino Bello, “Santa Marija, mara tad-dar, għinna nifhmu li l-kapitlu l-aktar sabiħ li għandna dwarek fit-teoloġija mhux dak li jitkellem dwarek fil-Bibbja jew fil-Patristika, lanqas dak li nsibu fl-ispiritwalità jew fil-liturġija, fid-dommi jew fl-arti. Imma huwa dak li jqiegħdek fid-dar ta’ Nazaret, fejn bejn it-tisjir u l-ħjata, bejn id-dmugħ u t-talb, bejn il-kobob tas-suf u parċmina mkebba tal-Kelma ta’ Alla, inti kellek esperjenza, immarkata bil-psikoloġija femminili tiegħek, tal-ferħ mingħajr ħażen, id-diqa mingħajr disperazzjoni, li titfa’ ħarstek ’il quddiem”. Frott ta’ din il-ħajja kontemplattiva Marija laqgħet lill-Iben ta’ Alla fi ħdanha u kompliet tagħmilha miegħu fil-ħajja ordinarja tal-Familja Mqaddsa. Hemmhekk hija laqgħet il-Kelma u kienet toqgħod taħseb dwarha bejnha u bejn ruħha. L-għaqda tagħha ma’ Alla sabet il-qofol tagħha dakinhar tal-Assunzjoni tagħha, fejn il-kori tal-anġli daħħluha tgħammar għal dejjem fi ħdan it-Trinità Qaddisa. Fil-ferħ li jilma fl-għajnejn jixegħlu ta’ Santa Marija għandna ħjiel ta’ xi jħossu l-mistiċi!
Il-ħajja mistika hija wkoll “Marjana” mhux biss għax Marija hija dik li tiftħilna t-triq tal-esperjenza mistika u taqbadna minn idejna biex idaħħalna f’din l-esperjenza profonda ta’ Alla, imma wkoll għaliex bl-eżempju matern tagħha hija ssaħħarna u tqanqalna biex nixxennqu għal din l-esperjenza.
Hija x-xewqa tiegħi li nibqgħu ngħożżu d-devozzjoni Marjana bl-għan li ninbnew fi Knisja mistika. Nixtieq Knisja li twarrab il-karfa ta’ fidi sentimentali, devozzjonali u maqtugħa mill-ħajja, filwaqt li tfittex tagħti prijorità lill-Kelma ta’ Alla u tintensifika qatigħ il-ħajja tat-talb, speċjalment l-Adorazzjoni Ewkaristika. Nixtieq Knisja inqas “soċjoloġika” (Ivan Pojavik) li tintilef fuq dak li huwa estern, u iktar Knisja ta’ ħajja interjuri u għalhekk temmen fil-qawwa tat-talb. Għal Santa Tereża ta’ Avila, il-ħajja tat-talb hija l-esperjenza ta’ Alla f’dak kollu li jgħaddi minnu l-bniedem u l-esperjenza tal-bniedem fl-esperjenza ta’ Alla. Kif jgħid Bonhoeffer, fil-ħajja ta’ Santa Tereża t-talb huwa dik l-għanja ħierġa fil-qalb ta’ min qed jitlob fejn il-melodija (cantus firmus) hija l-imħabba ta’ Alla u l-kontrapunt huwa l-imħabba lejn il-ħolqien, u għalhekk ma hemmx tensjoni bejn il-ħajja attiva u dik kontemplattiva.
Għandna grazzja kbira li fid-Djoċesi għandna “monasteru” ta’ ħajja kontemplattiva. Għalkemm preżenza ħiemda, nemmen li s-sorijiet ta’ Santa Klara huma eżempju u sejħa permanenti għalina biex nimxu f’din it-triq li twassal għal għaqda profonda ma’ Alla. Nemmen li s-Santwarju Ta’ Pinu wkoll huwa benniena ta’ ħajja mistika. Min jista’ jgħodd l-għadd ta’ dawk il-persuni, Insara u mhumiex, li ġew f’riġlejn il-Madonna Ta’ Pinu u din qabbdithom it-triq tal-mistiċiżmu – dawk li resqu għandha spiritwalment vojta jew mitfija u telqu minn quddiemha b’qalbhom ħuġġieġa taqbad bl-imħabba għal Alla u għall-proxxmu!
Qed jikber in-numru ta’ dawk li jħossuhom mitlufin fil-ħajja tal-fidi u ma jarawx sens fil-ħajja sagramentali. Kif nistgħu naqsmu magħhom il-ferħ tal-Vanġelu? La bil-predikazzjoni astratta tad-domma u lanqas b’appelli moralistiċi, imma billi noffrulhom il-possibbiltà li jiltaqgħu ma’ rġiel u nisa li jkunu għamlu esperjenza personali ta’ Alla. Huwa għalhekk li n-Nisrani tas-seklu tagħna jew ser ikun mistiku jew ma jkun Nisrani xejn. Il-Knisja tal-lum jew ser tkun Knisja mistika jew tista’ tagħlaq il-bibien. Nagħmel tiegħi kliem il-Papa Franġisku: “Is-soċjetà tagħna għandha bżonn tal-mistiċi – bnedmin li għandhom għal qalbhom l-imħabba u l-fraternità, bnedmin li huma lesti li jerfgħu ftit mit-tagħbija li qed ittaqqal lill-oħrajn. Mingħajr dawn il-persuni mistiċi m’hemmx tama għad-dinja” (Udjenza, 21 ta’ Ġunju 2017).
Għalkemm għalikom jien Isqof, magħkom jien Nisrani. Għalhekk f’dan il-mument speċjali, bħala pellegrin u ragħaj, inqiegħed fi ħdan Ommna Marija din il-karba: li tgħinna nkunu mistiċi li ngħaqqdu l-fidi mal-ħajja ta’ kuljum.